L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Is-solennità tal-Immakulata Kunċizzjoni hija festa għażiża għall-Maltin kollha. Il-Patrijiet Franġiskani Konventwali għandhom ukoll devozzjoni partikulari lejn il-Kunċizzjoni, u hu għalhekk f’waqtu li f’din il-knisja, li ilhom tant snin jieħdu ħsieb – il-knisja għażiża li fiha hija vvenerata l-Madonna tas-Saħħa – qed norbtu l-festa tal-lum mal-75 anniversarju tal-inkurunazzjoni tax-xbieha mirakuluża tal-Madonna tas-Saħħa.
L-għożża tal-ħajja
Il-Kunċizzjoni, min-natura tagħha, tfakkarna fl-ewwel mument tal-ħajja umana, fit-tnissil. Ix-xjenza tgħidilna li mat-tnissil tibda l-ħajja umana. Dawk il-ftit ċelloli huma l-bidu ta’ ħajja ġdida. Illum, permezz tal-mezzi li għandna, nistgħu naraw bl-iscan kif dawn il-ftit ċelloli jkomplu jiżviluppaw, kif il-bniedem li tnissel ikompli jiżviluppa fil-ġuf tal-omm.
Hija x-xjenza li tgħidilna li mat-tnissil hemm ħajja umana ġdida. Mhuwiex is-saċerdot, jew il-patri, jew is-soru, jew il-Knisja, jew xi ħadd ieħro. Il-Knisja li tgħidilna hu li la hemm ħajja umana ġdida, għandna nħarsuha u ngħozzuha.
Għalhekk aħna niċċelebraw illum il-festa tat-tnissil ta’ Marija bla tebgħa. Ma niċċelebrawx ftit ċelloli bla tebgħa, imma lil Marija li diġà teżisti, bl-identità tagħha, anke jekk il-ġenituri tagħha ma jistgħux jarawha. Hawn għandna l-bidu tal-ħajja ta’ Marija, u din il-festa tgħidilna li Marija kienet kollha ġmiel mill-bidu.
L-ewwel talba li nagħmlu llum lil Marija f’din il-festa tagħha hija biex aħna nħarsu u ngħożżu l-ħajja mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha, u nkomplu nagħmlu dan f’kull waqt tagħha, sat-tmiem naturali tagħha. Imma rridu nibdew b’din l-għożża mill-ewwel mument, meta hemm diġà ħajja umana. Hu biss meta mill-ewwel nilqgħu l-ħajja umana ġdida li nistgħu tassew nikbru f’persuni li nħarsu l-ħajja b’ħafna mħabba u għożża, kull fejn hemm il-bniedem. Marija turina dan ukoll bil-ħajja tagħha, u fl-Evanġelju tal-lum narawha tilqa’ t-tnissil fiha ta’ Ġesù, il-bidu tal-ħajja tiegħu. Marija dejjem fittxet li tħares, tipproteġi l-ħajja ta’ binha Ġesù sa minn qabel twieled. Iż-żmien tal-Avvent hu ż-żmien li jfakkarna f’dan – Ġesù li se jitwieled, u sakemm jitwieled qiegħed fil-ġuf igawdi l-għożża ta’ ommu Marija.
Marija Immakulata Kunċizzjoni turina l-ġmiel tal-ħajja, u tgħinna biex napprezzaw dan il-ġmiel u dejjem infittxu dak li hu sabiħ. Ngħixu f’dinja fejn hemm ħafna ġmiel imma wkoll ħafna kruha, u t-talba li nagħmlu lil Marija Omm hija biex hi takkumpanjana fil-ħajja biex aħna nagħżlu dak li hu sabiħ, dak li tassew isebbaħ.
L-għożża tas-saħħa
Hawnhekk, f’din il-knisja, Marija hija meqjuma bħala l-Madonna tas-Saħħa. Aħna naraw f’Marija mhux biss l-għożża tal-ħajja, imma wkoll tas-saħħa. Ħafna nies tul is-snin – speċjalment minħabba r-rabta ta’ dan il-post mal-Isptar Santu Spirtu u wkoll l-isptar ta’ Sawra – ġew hawnhekk jitolbu bil-ħerqa lil Marija biex tagħtihom is-saħħa, jew tgħin lilhom jew lil xi qraba tagħhom jirkupraw is-saħħa wara l-mard.
Meta ngħidu saħħa, qed nifhmu s-saħħa f’kull aspett tagħha: saħħa fiżika, emozzjonali, psikoloġika, mentali. Nafu li Marija hija dik l-omm li lilna tixtiqilna l-aqwa ġid f’ħajjitna.
Marija Omm tfakkarna b’mod partikulari fis-saħħa tal-omm, u kemm hu importanti li aħna nieħdu ħsieb l-ommijiet ukoll fiż-żmien tat-tqala, u naraw li jingħataw l-appoġġ kollu li jeħtieġu u li qatt ma jkunu abbandunati. Irridu bħala soċjetà naħdmu għal dak kollu li hu meħtieġ biex titħares il-ħajja u s-saħħa tal-omm.
Nixtieq insemmi, b’mod partikulari, kemm hemm bżonn li nagħtu attenzjoni għas-saħħa mentali. Għad hawn stigma fis-soċjetà fejn tidħol is-saħħa mentali. Irridu naħdmu biex dawk kollha li jkollhom problemi ta’ saħħa mentali jsibu nies li jgħinuhom, li jagħtuhom is-sapport meħtieġ, ħalli jistgħu jimxu ’l quddiem fis-soċjetà.
Preokkupazzjoni kbira
Irrid insemmi l-preokkupazzjoni kbira tagħna b’dak li qed jiġi propost bħalissa. Kif kellna l-opportunità aħna l-Isqfijiet nispjegaw b’mod ċar, aħna nafu li f’Malta t-tobba ilhom snin sħaħ jaħdmu biex fejn ikun hemm periklu għall-ħajja tal-omm, jagħmlu li jistgħu biex isalvaw il-ħajja tal-omm u tat-tarbija u, fejn ma jirnexxilhomx isalvaw it-tnejn, meta hemm periklu għall-ħajja, isalvaw il-ħajja tal-omm.
Imma l-emenda mressqa ma titkellimx biss fuq li ssalva ħajja imma tgħid ukoll li biex tkun imħarsa s-saħħa ta’ xi ħadd li mhux fil-periklu tal-mewt, wieħed jista’ joqtol ħajja umana ġdida. Għalhekk aħna esprimejna kemm din hija serja ħafna, u min irid jiddeċiedi dwar din l-emenda qed iġorr responsabbiltà tremenda. Hu prinċipju bażiku li s-saħħa għandek tħarisha bis-sħiħ imma ma tħarishiex billi toqtol ħajja umana oħra.
Xi ħadd, mhux xi ħaġa
Meta hemm diġà ħajja umana, din titlob ħarsien. Hemm xi ħadd, mhux xi ħaġa. Kieku hi xi ħaġa li hemm fik, u qed toħloqlok diffikultà, la hi xi ħaġa tagħmel ħiltek biex tneħħiha. Imma meta ġo fik hemm xi ħadd, ħajja umana ġdida, ma tistax tiddeċiedi li taqbad u tneħħi – dak ikun qtil.
Meta hemm ħajja umana, ma tkunx qed tindaħal jekk tgħid li ma għandekx toqtol. Anzi tkun qed tirrepeti prinċipju bażiku, li mhux biss wieħed mill-kmandamenti ta’ Alla, imma hu prinċipju bażiku fis-soċjetà tagħna.
Għalhekk qed insemmi llum il-ħajja, li naraw b’mod speċjali fl-okkażjoni tal-festa tal-Madonna Immakulata Kunċizzjoni, u s-saħħa, li naraw fid-devozzjoni lejn il-Madonna tas-Saħħa meqjuma hawn.
Dawk dgħajfa u vulnerabbli
Il-Madonna tas-Saħħa hi magħna biex tħarisna. Hi sensittiva għall-bżonnijiet tagħna, u speċjalment fil-mumenti ta’ tbatija. Hi turina kemm hu veru li s-saħħa tas-soċjetà titkejjel mill-progress ta’ dawk l-aktar dgħajfa. U min hu l-aktar dgħajjef u vulnerabbli jekk mhux min għadu fil-ġuf u jiddependi għal kollox minn ħaddieħor?
Illum, f’din is-solennità tal-Kunċizzjoni u f’dan il-post hekk għażiż iddedikat lill-Madonna tas-Saħħa, ejjew nagħmlu t-talba lil Marija biex tieħu ħsiebna bħala Omm, tħarisna minn kull qerq, tgħinna ħalli dejjem ngħożżu l-ħajja mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha, u nħarsu s-saħħa tagħna u tal-oħrajn. Nitolbuha wkoll lil Marija biex bħalha aħna nagħtu attenzjoni partikulari lil dawk li huma dgħajfa u vulnerabbli, u naraw li tkun dejjem rispettata l-ħajja u d-dinjità tagħhom.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta