L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Anke Erodi t-Tetrarka, titnissel fil-qalb tiegħu kurżità biex jara lil Ġesù (ara Lq 9:9). U għaliex? Għaliex kien sema’ dwar il-fejqan li kien qed jagħmel l-Imgħallem li kien qiegħed ukoll iwassal lill-poplu ta’ Alla f’isem il-Mulej.

Fl-Evanġelju ta’ San Luqa nsibu kemm-il darba riferiment għall-qawwa li kienet toħroġ minn Ġesù, għall-fatt li kien jitkellem bħal bniedem li għandu l-awtorità, għall-qawwa li kellu fuq ix-xjaten, fuq il-mard, fuq l-elementi tan-natura. Dan kollu wasslu f’idejn ukoll Erodi t-Tetrarka. 

Fil-Vanġelju nsibu wkoll l-istorja ta’ missieru, Erodi l-Kbir, li pprova joqtol lil Ġesù meta kien għadu tarbija. Dan Erodi t-Tetrarka huwa t-tifel ta’ Erodi l-Kbir u nsibuh lejn l-aħħar snin tal-ħajja ta’ Ġesù. Mela missieru pprova joqtol lil Ġesù meta Ġesù kien għadu tarbija imma t-tifel, Erodi wkoll kien jismu, u kien prinċep ta’ kwart ir-renju – għalhekk tetrarka għaliex kien hemm erba’ kapijiet li ħadu r-renju bejniethom – u hu kien wieħed minn dawn l-erbgħa. 

Hu kien responsabbli mill-Galilija minn fejn kien jgħix Ġesù. Għalhekk niltaqgħu miegħu wkoll fir-rakkont tal-passjoni għaliex ikun Ġerusalemm meta Ġesù jitla’ wkoll għall-Għid fejn jiġi arrestat, ikkundannat imbagħad maqtul u Pilatu jibagħtu għand Erodi t-Tetrarka għaliex kien responsabbli mill-Galilija.

Ix-xewqa ta’ Erodi propju sseħħ nhar il-Ġimgħa l-Kbira meta Ġesù jiġi mibgħut minn Pilatu quddiem Erodi t-Tetrarka. Il-Mulej jiddeciedi li ma jiftaħx fommu u Erodi t-Tetrarka, li jħossu umiljat għaliex talbu jagħmel xi miraklu għax-xow, Ġesù lanqas jiftah ħalqu, ma jitkellimx, ma jiddjalogax ma’ Erodi t-Tetrarka. U allura mbagħad Erodi t-Tetrarka jgħaddi lill-Mulej bħala miġnun, ilibbsu l-libsa tal-imġienen u jerġa’ jibagħtu għand Pilatu.

Imma l-kurżità li jara ’l Ġesù mhijiex kurżità negattiva. Aħna wkoll ningħataw din il-kurżità bħala don tal-Ispirtu s-Santu, din il-ħerqa li naraw lil Ġesù anke għaliex hemm kurżità li ġejja mill-imħabba. Inti fil-lingwaġġ tal-imħabba tkun tixtieq tara x-xbieha, il-fattizzi ta’ min tħobb. U allura r-ruħ li tixtieq tara ’l Ġesù qed titgħallem titkellem il-lingwaġġ tal-imħabba. U Ġesù jagħtina triq qasira daqskemm hi impenjattiva: “Kulma tagħmlu mal-iżgħar fost dawn ħuti, qegħdin tagħmluh miegħi (Mt 25:40). Tridu tarawni? Tridu tiltaqgħu miegħi? Fittxuni fil-proxxmu u ssibuni hemmhekk”.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: IKoħ 1:2-11
Salm: 89 (90):3-4,5-6,12-13,14 u 17
L-Evanġelju: Lq 9:7-9