L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-espressjoni li Ġesù juża fis-silta li għadna kemm smajna, u li l-Knisja tagħżel fil-festa tal-Arkanġli, “Għad taraw is-sema miftuħ u l-anġli ta’ Alla telgħin u neżlin fuq Bin il-bniedem” (Ġw 1:51), din l-espressjoni li fiha Ġesù jsemmi l-anġli ta’ Alla, tfisser ukoll il-glorja ta’ Alla. “Tassew tassew ngħidilkom, għad taraw il-glorja ta’ Alla, is-sema miftuħ u l-anġli ta’ Alla telgħin u neżlin fuq Bin il-bniedem” (Ġw 1:51).

Jiena nixtieq, lejliet il-vjaġġ tiegħi lejn Ruma fejn se ningħaqad ma’ 364 isqof ieħor; għax l-isqfijiet se nkunu daqskemm hemm ġranet fis-sena – 365 – imma b’kollox se nkunu 464 membru, f’din il-laqgħa li sejjaħ il-Papa Franġisku, li hija s-Sinodu. Is-Sinodu hija laqgħa li jsejjaħ il-Papa; il-maġġoranza nkunu isqfijiet minn madwar id-dinja. Imma l-Papa, b’mod speċjali għal din il-laqgħa, stieden ukoll ir-reliġjużi, xi saċerdoti, presbiteri u anke lajċi. U stedinna biex nibdew nirriflettu, bħalma għamilna fid-djoċesijiet tagħna u anke fuq livell kontinentali, dwar il-‘Knisja li timxi flimkien bħala familja’. ‘Sinodos’ tfisser ‘triq flimkien’. Knisja sinodali hija Knisja li timxi flimkien. Ovvjament kulħadd għandu l-pass tiegħu: min jgħaġġel, min jimxi naqra bil-mod; imma l-importanti li nkunu flimkien. Il-Papa jixtieq li tassew kulħadd iħossu familja waħda mexjin flimkien, bil-preżenza ta’ Ġesù f’nofsna. 

Jiena, illum, nixtieq nafda f’idejn l-interċessjoni ta’ San Mikiel, ta’ San Ġabrijel, ta’ San Rafel, dak kollu li se ngħaddu minnu f’dan ix-xahar li ġej; se nkunu Ruma għal xahar sħiħ. Jien nitlaq għada t-30 ta’ Settembru u nirritorna fit-30 ta’ Ottubru. Meta għidtilha lil ommi, ħadet qatgħa ċkejkna; imma ormaj drat tarani ġej u sejjer. 

Għaliex nixtieq li nafda, bħalma żgur qiegħed jagħmel il-Papa bħalissa, li ningħaqdu miegħu fit-talb tagħna, din il-mixja ta’ dixxerniment? Id-dixxerniment ifisser li tagħraf Alla xi jrid minnek; dak hu d-dixxerniment. Aħna, bħala Knisja, nistaqsu: Mulej, xi trid minna llum? Mhux għada, jew ilbieraħ, għax ilbieraħ għadda u għada għadu ma ġiex. Illum xi trid minna? Dak huwa l-qofol tad-dixxerniment – li nagħrfu Alla xi jrid minna. Mhux rebaħ dak, u kellu raġun l-ieħor. Alla xi jrid? U meta nagħrfu Alla xi jrid, kif se nagħmlu dak li jrid Alla. Dak huwa l-qofol tad-dixxerniment. Aħna għandna bżonn l-għajnuna tal-Arkanġli, għax l-Arkanġli jgħallmuna nagħmlu r-rieda ta’ Alla. Huma spirti purissimi ta’ intelliġenza straordinarja, u libertà sħiħa. Huma mżejnin ukoll bil-virtù tal-umiltà, li jagħrfu li Alla fuq kulħadd, u ħadd mhu fuq Alla.

U kull wieħed minn dawn it-tliet Arkanġli, li qegħdin niċċelebraw illum, jgħallimna xi ħaġa jew x’talba nistgħu nitolbu lill-Mulej għas-Sinodu, għal din il-laqgħa, u anke għall-Knisja; mhux biss f’Malta, imma wkoll madwar id-dinja. 

San Mikiel, x’jgħallimna? Jgħallimna li l-ewwel irridu naċċettaw – u din il-ħaġa tagħtina libertà kbira – li Alla jmexxi u mhux aħna. Mela meta inti, quddiem Alla, tgħidlu: Inti s-Sid, inti se tmexxi, bħalek ma hemm ħadd. Inti mhux biss issib postok, imma wkoll tistrieħ f’paċi kbira. Jiġri x’jiġri, Alla jibqa’ Alla. Kif ngħidu bil-Malti: ‘fuq Alla m’hemm ħadd’. L-isem ta’ San Mikiel, dan ifakkarna. Għax ‘Mikha’el’ ifisser: ‘Min hu bħal Alla?’ L-isem Mikiel, hekk ifisser: Min hu bħal Alla? Ħadd! Kemm għandna arja u kemm nagħmlu titli, u nilbsu lbies u kutri u mhux kutri, u ta’ kull kwalità ta’ kulur, u ndendlu midalji u ġmiemel! Ħadd mhu bħal Alla, u ħadd mhu fuq Alla. 

Mela, meta aħna nħarsu lejn is-Sinodu jrid ikollna dan l-ottimiżmu li Alla qiegħed imexxi. Aħna se nagħmlu d-dover tagħna. Nitolbu lill-Mulej jagħti lil kull min se jieħu ħsieb u anke lill-Papa spirtu ta’ umiltà, spirtu ta’ ubbidjenza, spirtu ta’ faraġ u ta’ kuraġġ, biex dak li jkun kelma jgħidha bil-karità u bir-rispett, imma jgħidha; imbagħad Alla jinqeda b’kulħadd. Imma Alla li jmexxi. Jien niftakar ħafna drabi, b’mod speċjali filgħaxija qabel immur norqod, jekk ikun hemm xi ħaġa qed tinkwetani, f’dak li kien iħobb jgħid lil Ġesù l-Papa qaddis Ġwanni XXIII qabel imur jorqod. Kien jgħidlu: “Ġesù, Ġesù, Ġesù, il-Knisja tiegħek; jien se mmur norqod.” Ifhimni, għaddiet il-ġurnata, għamilt il-parti tiegħi, issa f’idejk. Jekk jien nippretendi li se nsalva d-dinja jien, allura ma nkunux bl-ispirtu ta’ San Mikiel; inkunu bl-arroganza u bis-suppervja ta’ dak ta’ denbu twil, li ħaseb li hu daqs Alla. Ħadd mhu daqs Alla. Ħadd mhu fuq Alla. Din il-lezzjoni għandna bżonnha wkoll għas-Sinodu biex aħna, li mhux, alright, iltqajna, se nagħmlu xahar penitenza ngħidilkom jien, (issa, nispera li tgħoddli), imma mhux se nsalvaw id-dinja aħna. Se nagħmlu d-dover tagħna; bħalma għallimna l-Mulej Ġesù, fl-aħħar għidu: “Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn; għamilna biss dak li kellna nagħmlu” (Lq 17:10). 

It-tieni Arkanġlu huwa Gabrijel. Xi  jfisser l-isem Gabrijel? Dak li ġie mibgħut għand Marija biex jgħidilha li kellha ssir omm bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Għax Gabrijel huwa ‘l-Qawwa ta’ Alla’. Fis-Sinodu, min jaf kemm se nisimgħu! Waħda mill-affarijiet sbieħ: dan hu t-tieni Sinodu li se nkun għamilt; l-ewwel wieħed kien ħames snin ilu, qabel il-Covid, meta kien hemm is-Sinodu dwar iż-żgħażagħ – 2018. Inti tiltaqa’ ma’ ħafna isqfijiet u lajċi, saċerdoti u reliġjużi, mid-dinja kollha. Kulħadd jitkellem bil-lingwa li jaf, bil-mod li jaf. Għandna ħames lingwi uffiċjali; kulħadd jipprova jċekċek kemm jista’ jkun biex nippruvaw niftiehmu. Imma l-esperjenza sabiħa hija li inti tara lil Alla jaħdem f’tant kulturi differenti, f’tant modi differenti. Tiltaqa’ wkoll mad-diffikultajiet li hemm. Tisma’ ta’ ħaddieħor u tinsa tiegħek. Meta tara li Alla jmexxi anke fid-dgħufija, tiftakar li int għandek tistrieħ fuq il-qawwa ta’ Alla. Dik hi l-blata samma tal-fidi tagħna, li aħna fid-diffikultajiet, f’dak kollu li niltaqgħu miegħu, anke fil-ħajja personali, mhux biss fil-ħajja tal-Knisja, itlob l-interċessjoni tal-Arkanġlu Gabrijel, il-‘Qawwa ta’ Alla’. Fejn ma nistax nasal jien mat-tfal, man-neputijiet, għidlu: mexxi int, għax mhux se nwassal, ma nlaħħaqx. 

It-tielet Arkanġlu huwa l-Arkanġlu Rafel. Xi tfisser Rafel? Id-duwa ta’ Alla, il-mediċina ta’ Alla. Aħna għandna bżonn nitolbu wkoll li s-Sinodu jkun ukoll mument ta’ fejqan. Bid-dixxerniment li jagħmlu, bid-deċiżjonijiet li jieħu l-Papa, iwasslu fejqan fejn hemm bżonn li jasal il-fejqan. Il-fejqan tal-Ispirtu Qaddis tal-Mulej, il-maħfra, il-paċi, is-sens li kulħadd huwa maħbub; għax l-imħabba, l-aħwa, hija l-aqwa mediċina. Biex nikkwota kelma sabiħa ta’ San Ġwann tas-Salib: Fejn ma ssibx l-imħabba, poġġi l-imħabba, u ssib l-imħabba. Ħafna drabi, aħna ngergru għax inkunu f’ambjenti li ma nħossuniex maħbuba, jew m’hemmx imħabba. Poġġi l-imħabba, investi f’paċenzja, sagrifiċċju, stennija, u ssib l-imħabba. Dik hija l-mediċina l-kbira, il-mediċina tad-djalogu wkoll. 

Tiftakru Ġesù kemm għamel mirakli? Ħafna mill-mirakli ta’ Ġesù jmissu s-sensi tagħna: is-smigħ, l-għajnejn, u anke l-kelma. Kemm fejjaq nies għomja, kemm fejjaq nies torox, kemm fejjaq nies imbikkmin; u xi wieħed mifluġ ukoll. Imma dan il-fejqan xi jfisser? Ġesù jrid li jagħtina fejqan fil-komunikazzjoni tagħna. Għax int tista’ tara, imma lil ħuk ta’ maġenbek ma tarahx, qisu ma jeżistix. Inti tkun id-dar, u xi ħadd għażiż ikellmek, u qisu mhux qed jitkellem; għalkemm qed tisimgħu, imma m’intix tisimgħu. Jew inkella, għalkemm nistgħu nkellmu fuq it-telefon jew fuq il-mobile (min jaf kemm ngħidu xi kultant), imma mbagħad imbikkmin; fejn hemm bżonn ngħidu kelma ma ngħiduhiex. Il-Mulej jasal bil-fejqan tiegħu biex jagħtina din il-ħeġġa li nikkomunikaw; li naraw il-bżonn ta’ ħija fil-bżonn; nara l-bżonn tiegħu. Nisma l-karba ta’ min għandu bżonn parir, kelma ta’ inkoraġġiment; u l-Mulej iħolli lsieni biex infaħħru. 

Ejjew nitolbu l-interċessjoni tal-Arkanġli, b’mod speċjali tal-Arkanġlu San Mikiel, li dan il-post wera lilu nnifsu b’mod speċjali mijiet ta’ snin ilu, imma li rabat il-gżejjer tagħna, anke sinjal tal-preżenza anġelika tiegħu. Aħna kuljum, għal min isegwi r-Rużarju mill-Kurja tal-Arċisqof, (qabel konna nsegwuh minn fuq it-televiżjoni, illum jieqfu mal-Quddiesa; fuq il-midja l-oħra, tistgħu ssegwu kuljum ir-Rużarju), nagħmlu t-talba ta’ San Mikiel Arkanġlu. San Mikiel Arkanġlu ddefendina; idħol għalina fit-taqbida; għax huwa l-qaddej ta’ Alla biex jgħinna fid-diffikultajiet tagħna. 

Jiena nixtieq nafdalu, mhux biss is-Sinodu, imma nagħmel ħsieb u talba speċjali llum għaż-żgħażagħ tagħna. Nafda liż-żgħażagħ kollha tagħna u lill-anzjani tagħna – nagħżel dawn iż-żewġ kategoriji – f’idejn l-Arkanġli: l-Arkanġlu San Mikiel, l-Arkanġlu San Gabrijel, u l-Arkanġlu San Rafel. Jalla jfakkruna li fuq Alla m’hemm ħadd, li l-qawwa tagħna hija fil-Mulej, u li l-fejqan tagħna huwa fih u permezz tiegħu.

✠ Charles Jude Scicluna
    Archbishop of Malta


Qari tal-Quddiesa

Qari I: Daniel 7:9-10,13-14 jew Apok 12:7-12a
Salm: 137:1-5
L-Evanġelju: Ġw 1:47-51

More Photos