• ****

    Direttur: Christopher Nolan
    Atturi: Matthew McConaughey, Anne Hathaway, Jessica Chastain, Matt Damon, Michael Caine
    Ħin: 169 minuti
     
    Klassifika taċ-Ċensura: PG
    Klassifika tal-Knisja: 12A.
     

    Il-film hu ambjentat f’xi żmien fil-futur fl-Amerika. Id-dinja inħakment mill-ġuħ minħabba li fiha wisq nies kif ukoll minħabba li tip ta’ ġlata qed teqred il-ħxejjex ta’ l-ikel u toħloq tempesti kbar ta’ ramel. In-nitroġenu qed jiżdied fl-atmosfera u dan se jwassal biex il-bnedmin se jmutu fgati. Id-dinja mhix se tkun aktar tajba bħala l-post fejn jistgħu jgħixu l-bnedmin. Cooper, li qabel kien inġinier u test pilot man-NASA, għandu għeliqi kbar ta’ qamħirrun li jaħdimhom flimkien mal-familja tiegħu: ibnu Tom, binthu Murph, u ħatnu Donald.  Ġurnata waħda Cooper flimkien ma’ binthu Murph imur jara x’hemm f’post sigriet ħafna mdawwar b’ċint tal-wire u jiġi wiċċ imb’ wiċċ ma dak li baqa’ minn NASA: grupp ta’ xjenzati f’post taħt l-art jiddiskutu u jistudjaw kif jistgħu jsalvaw ir-razza umana. Immexxijin mill-Professur Brand, dan il-grupp tan-NASA sviluppaw żewġ pjanijiet: l-ewwel pjan huwa li joħolqu vettura spazjali enormi biex tieħu kemm jista’ jkun bnedmin f’dinja oħra; it-tieni pjan huwa li jieħdu embrijuni ffriżati biex jikkonoliżżaw xi dinja oħra fl-ispazju. Cooper isir jaf li tfaċċat toqba fl-ispazju qrib Saturn, li wisq probabbli poġġewha hemm xi ħlejjaq aljeni ta’ intelliġenza kbira li jridu jagħtu ċans lil umanita’ li ssalva. Għaxar snin ilu kienu ntbagħtu xi astronawti minn ġo dik it-toqba biex ifittxu xi pjaneti li jistgħu jkunu tajbin biex il-bnedmin jgħixu fuqhom iżda ħadd minnhom ma’ reġa’ lura.  Issa vettura spazjali oħra għandha tagħmel dak il-vjaġġ biex jiġi deċiż fejn il-bnedmin għandhom imorru joqgħodu.  Cooper jaċċetta li jkun il-pilota ta’ din il-vettura, flimkien ma’ crew żgħir ta’ erba’: Amelia, bint il-prof. Brand; Doyle u Romilly, it-tnejn xjenzati; u r-robot TARS. Huma jitilqu fuq dan il-vjaġġ perikuluż bla ebda garanzija li se jirritornaw lura.
     
    Film ta’ fantaxjenza u avventura, li fl-istess ħin huwa storja ta’ mħabba u sagrifiċċju.  Film maħdum tajjeb, bi script tajjeb u mużika adattata ħafna. Matthew McConaughey jaqla’ l-parti tajjeb ħafna, l-istess jagħmlu l-atturi l-oħra. Għalkemm hu twil kważi tlett sigħat ma’ taraħx għaddej il-ħin. Fiħ xeni ta’ azzjoni intensiva u xi kliem baxx. Nissuġġerixxu li tfal sa 12 il-sena jkun akkumpanjati mill-ġenituri.