DISKORS TAL-ARĊISQOF WAQT IL-PONTIFIKAL TA’ JUM L-INDIPENDENZA

21 ta’ Settembru, 2009

Eċċellenza President ta’ Malta u Sinjura Abela,

Ħuti,

Aħna niċċelebraw b’diversi modi l-ġrajjiet tal-Istorja tal-Pajjiż tagħna. Meta niċċelebrawhom ċivilment u soċjalment, aħna nkunu qegħdin nagħtu ġieh lil min ħa sehem f’dawk il-ġrajjiet. Nippruvaw nerġgħu naqbdu l-atmosfera ta’ meta seħħew biex nerġgħu inħallu l-ispirtu li bih ġew miksubin jew iċċelebrati jispirana llum. Inkunu qegħdin inżidu mal-valur taċ-ċelebrazzjoni meta nħallu it-tifsira ta’ dawk il-ġranet tgħinna biex nadattaw u ngħixu dawk il-valuri llum, f’ċirkustanzi differenti. Huwa b’dan il-mod li niċċelebraw Jum l-Indipendenza u l-ġranet kollha li niċċelebraw bħala pajjiż sħiħ – niċċelebraw ukoll il-Vitorja, is-7 ta’ Ġunju, Jum ir-Repubblika, Jum il-Ħelsien – bħala Jiem li mmarkaw l-Istorja tagħna. Dawn il-Jiem kollha, ilkoll b’mod differenti, juru l-mixja tal-Poplu tagħna għall-kisba tal-Liberta’. Huwa fatt li dawn l-avvenimenti kollha juru l-ħerqa ta’ dawk li ġew qabilna biex jiksbu Liberta’ politika u soċjali għall-Poplu tagħna. Iżda l-ħelsien qatt ma huwa punt miksub għal dejjem. Kull darba li jinkiseb aspett tal-Liberta’, mill-ewwel l-ispirtu tal-bniedem jinduna b’aspett ieħor tal-Liberta’ li għandu jiġi akkwistat.

Liberta’ fl-ispirtu

Huwa ċar li il-kunċett kollu tal-Liberta’ ma jiddependix biss fuq liġijiet, iżda jiddependi fuq l-ispirtu ta’ min ifassal u jilleġisla, u ta’ min irid jippromwovi u jiddefendi d-dritt għall-ħelsien vera u ta’ min iwieġeb b’sens soċjali għal dawn il-liġijiet.

Fil-proċess għandna għażliet ta’ kif persuna tfassal ħajjitha. L-ewwel mod huwa li liberament, f’xi mument tal-ħajja tiegħu, wieħed jorbot il-ħajja tiegħu ma’ mod ta’ ħsieb u mġieba. Din tagħtih is-saħħa biex juża l-liberta’ tiegħu biex jegħleb it-tfixkil u t-tentazzjonijiet ta’ dak kollu li jmur kontra dak li jkun għażel bħala valuri. Huwa jkun qiegħed iqawwi l-ispritu tiegħu b’deċiżjonijiet – favur il-ġustizzja, solidarjeta’, eċċ – li jrażżnu d-deċizjonijiet ta’ dak li jaqbel biss fil-mument. Dawn jistgħu jkunu tentazzjonijiet ta’ nġustizzji għall-qligħ proprju, ta’ offerti li jiġu minn barra, ta’ egojiżmu quddiem l-eżiġenzi ġusti tas-soċjeta’.

It-tieni mod huwa li wieħed ma jintrabatx mal-valuri, u l-liberta’ tiegħu jesprimiha biss skond ma jaqbel fil-mument. F’dan it-tieni każ huwa ferm diffiċli li timxi skond xi valuri, għaliex il-ġibda ta’ dak li hu tal-mument hija wisq b’saħħitha għaliex tolqot mhux l-ispirtu iżda l-qligħ momentarju biss. Hija biss għażla fl-ispirtu li tagħti l-qawwa lill-bniedem biex iqiegħed kull mument u kull deċiżjoni fil-kuntest tal-ħajja kollha tiegħu fil-valuri li jkun għażel.

In-nisrani veru huwa dak li jagħżel u jgħix l-ewwel forma ta’ liberta’. Hawnhekk il-Kelma ta’ Alla illum tagħtina dawl x’għandhom ikunu l-għażliet tal-ħajja tagħna.

Il-Kelma ta’ Alla

Fil-Kelma ta’ Alla llum, qegħdin niġu ppreżentati u offruti b’viżjoni kristjana tal -kisba tal-liberta’. Hija offerta li tgħodd bħala sinjal għall-insara, iżda li tista’ tiġi kkunsidrata anki għal dawk li qegħdin ifittxu l-liberta’ għal pajjiżna, iżda ma jħossux li huma bilfors ispirati minn ħsibijiet Insara.

Fis-salm responsorjali (S 137, 1-5) aħna niftakru li Alla l-Imbierek huwa Alla li huwa qrib tagħna u ħalaqna liberi biex nibnu soċjeta’ li tkun tirrifletti lilu fl-imħabba tiegħu. Is-Salmist juri l-fidi tiegħu f’Alla mill-esperjenza personali tiegħu b’dan il-kliem: “Fil-jum li fih sejjaħtlek smajtni, kattarli l-qawwa f’ruħi”. Hija esperjenza li ħafna bnedmin ta’ fidi jistgħu jaqsmu mas-salmista. Hija talba li kull nisrani li jħobb lil pajjiżu jagħmel. Il-Knisja Kattolika kontinwament titlob għal dan il-għan. Il-Knisja temmen li anki dan huwa kontribut li hija tagħmel għall-ġid ta’ pajjiżna. Fil-fatt, fl-ewwel lezzjoni, mill-ktieb ta’ Bin Sirak, (50, 22-24) għandna talba tal-Poplu għall-ħelsien: “Tibqa’ fuqna t-tjieba u l-fedelta’ tiegħu biex jagħtina l-ħelsien fi żminijietna”.

Soċjalment il-mument tal-Poplu f’dak iż-żmien huwa differenti minn tagħna. Iżda x-xewqa ta’ ħelsien sħiħ huwa l-istess.

Fil-Vanġelu ta’ llum (Ġw 15,9-17) għandna pjan sħiħ ta’ kif min jemmen jista’ jibni dan il-ħelsien fl-isptiru. Il-bniedem li jemmen jaf li dan huwa l-mod kif Alla ħalaq lill-bniedem, u l-mod li jixtieq li jgħix il-bniedem. Din ix-xewqa ta’ Alla tidher fil-programm li Ġesu’ qiegħed joffri lid-dixxipli tiegħu, u qiegħed jagħtiha bħala missjoni tagħhom fil-Komunita’ Nisranija u eventwalment fis-soċjeta’:

  • “Kif ħabbni Missieri hekk ħabbejtkom jien: ibqgħu fl-imħabba tiegħi”; “Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien”: il-ħelsien jitlob ċerti kundizzjonijiet fil-kwalita’ ta’ kif nifhmu u ngħixu l-imħabba ħalli nagħtu l-liberta’ vera lill-persuni ta’ ħdejna. Kunċetti ta’ mħabba li ma jinkludux rispett lejn il-persuna u integrita’ tal-persuna, li ma jinkludux impenn lejn il-persuna l-oħra ifixklu lil-liberta’ u mhux igħinha. Il-ħajja u t-tagħlim ta’ Ġesu huma indikazzjoni ċara ta’ dan.
  • “Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi, tibqgħu fi mħabbti”: il-kmandamenti tal-Mulej huma bbażati fuq viżjoni tar-realta’: b’rispett bejn il-ġenerazzjonijiet, bla serq, bla qtil, fil-verita’. Fihom huwa qed jurina il-psikoloġija li hemm taħt l-għoti tal-kmandamenti mingħand il-Mulej. Kultura f’dinja li hija mfixkla bid-dnub tal-bniedem ma tistax tiġi preżunta jew wieħed jippretendiha, iżda trid tiġi mibnija jum b’jum. U ma tistax titwettaq mingħajr ma teskludi il-ħażen li jista’ jfixkel din il-kisba. Għalhekk il-kmandamenti fl-aspett soċjali tagħhom huma mogħtijin fin-negativ, bħala projbizzjonijiet. Fil-ħajja tagħna aħna naħsbu jew nagħlqu għajnejna lejn il-ħażen li naraw madwarna. Il-kmandamenti ma jagħmlux hekk, iżda jikkonfrontawhom. Ikollok soċjeta’ ġusta mhux meta tippretendi li ma jisirqukx, iżda meta tiddeċiedi li inti fl-ebda ċirkustanza u taħt l-ebda forma m’inti se tisraq: la fit-taxxi, la fil-poter imqiegħed f’idejk. Kull att li nagħmlu kontra l-ġustizzja ikun qiegħed jibni kultura ta’ serq li fl-aħħar mill-aħħar, se jerġa’ jolqot lilek.
  • “Ħadd ma għandu imħabba ikbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu”: Hija kunċett ta’ mħabba ħafna differenti minn kultura ippreżentat bħala kultura ta’ akkwist ta’ egojiżmu, pjanijiet proprji li huma lesti li jiġu miksubin anki bi ħsara għal persuni oħrajn jew għall-ħsara tal-Istat, jew kultura ta’ pjaċir proprju bħala l-ikbar valur.
  • “Mhux intom għażiltu lili, iżda jien għażilt lilkom, u ħtartkom biex tagħmlu l-frott”: Nixtieq li jiena nippreżenta dan il-kliem tal-Mulej bħala Missjoni lil dawk kollha li huma membri impenjati tal-Knisja Kattolika biex jagħmlu li l-ħajja tagħhom tirrifletti dan il-kliem ta’ Ġesu fis-soċjeta’ tagħna. Hija l-ikbar kontribut li l-Knisja tista’ tagħti lill-Poplu tagħna permezz tal-membri kollha tagħha.

Nixtieq li naqsam magħkom ukoll żewġ riflessjonijiet li jagħmel il-Professur Stefano Zamagni fuq l-Enċiklika tal-Papa Benedittu XVI Caritas in Veritate li hija adattament ta’ dawn il-kliem ta’ Ġesu’ għaż-żminijiet li qed ngħixu fihom:

“Il-modernita’, f’dawn l-aħħar tlett sekli, ħallitilna mudell ta’ soċjeta’ fejn hemm, minn naħa waħda, l-isfera tal-ekonomija bil-loġika tal-ħadid tagħha, li ma taċċettax li tiġi sottomessa għall-ebda ġudizzju, tant li jingħad “business huwa business”. Minn naħa l-oħra hemm l-isfera tas-soċjal, fejn isiru l-kompensazzjonijiet. Jiġifieri s-soċjal irid jaħseb għal dak kollu li l-ekonomija tas-suq tat-tip kapitalistiku mhux fil-grad li jipproduċi fuq il-pjan tal-ġustizzja u tal-ekwita’. Ma ninsewx li l-‘welfare state’ , l-istat soċjali huwa konsegwenza ta’ din il-loġika ta’ separazzjoni.”

“L-Enċiklika ta’ Benedittu XVI tgħidilna li dan huwa mod antik kif taħseb, għaliex issa dħalna fis-soċjeta’ post-industrijali, u għalhekk l-element tas-soċjal għandu jidħol ġewwa l-ekonomija, mhux fit-tarf tagħha jew jiġi wara… (dan) jista’ jippermetti għas-suq li jirritrona biex ikun strument ta’ ċivilizzazzjoni tar-rapporti u tal-istrutturi li jiġġenera.”

“Fuq il-prinċipju ta’ fraternita’: Mhijiex biżżejjed is-solidarjeta’, li hija l-kundizzjoni li timmira biex tagħmel id-diversi indaqs, iżda l-fraternita’ tippermetti lil dawk indaqs li jkunu diversi. Soċjeta’ fraterna hija wkoll solidali, iżda mhux veru il-kuntrarju” (Stefano Zamagni: L-Enciclica e un mercato ‘fraterno’, Citta’ Nuova, n.15,16, 2009, p. 25).

Konklużjoni

Huma dawn il-messaġġi li l-Knisja għandha l-missjoni li twassal u toffri lis-soċjeta’ fil-mixja tagħha għal liberta’ vera. Ma jkunx qiegħed jgħin lil-liberta’ min jgħid li l-vuċi tal-Knisja m’għandux jinstema fost l-ilħna l-oħra. Ma jkunx qiegħed jgħin il-liberta’ min ma jaċċettax li l-persuni jistgħu jiġu liberament motivati minn dawn il-prinċipji fl-għażliet tagħhom.

Nagħmel appell lill-insara impenjati kollha biex iħaddnu u jwettqu dawn il-prinċipji għall-ġid tal-mixja tal-Liberta’ ta’ pajjiżna.