-
-
Nhar is‑Sibt, 3 ta’ Marzu 2018, ser tiġi inawgurata mill‑ġdid l‑istatwa devota ta’ Ġesù Redentur, fil‑Bażilika tal‑Isla, wara x‑xogħol ta’ restawr u konservazzjoni li sar. L‑inawgurazzjoni, li tibda fil‑5:30 p.m., ser tinkludi preżentazzjoni tax‑xogħol li sar matul l‑aħħar disa’ xhur ta’ ħidma intensiva.
Dan wara li l‑Parroċċa ta’ Marija Bambina kkummissjonat numru ta’ studji xjentifiċi sabiex isir ir‑restawr u l‑konservazzjoni tal‑istatwa li beda f’Mejju tas‑sena li għaddiet. Bħalissa qed issir l‑aħħar fażi tal‑istudju fuq in‑niċċa.
Matul ir‑Randan kollu l‑istatwa ser tkun għall‑qima u d‑devozzjoni tal‑pubbliku fil‑Bażilika tal-Isla. Il‑Ġimgħa, 9 ta’ Marzu, fis‑6 p.m., l‑Arċisqof Charles J. Scicluna ser imexxi l‑pellegrinaġġ bl‑istatwa ta’ Ġesù Redentur u wara jiċċelebra Quddiesa fil‑Bażilika stess.
Wara l‑Ġimgħa Mqaddsa ser isir trattament ta’ anoxia fuq din x‑xbieha. Għalhekk, matul ix‑xahar ta’ April, ir‑Redentur mhux ser ikun espost għall‑qima tal‑pubbliku.
B’rabta mal‑proċess kollu ta’ restawr li qed isir fuq din l‑istatwa ta’ Ġesù Redentur, fil‑ġimgħat li ġejjin ser jiġi ppubblikat il‑ktieb bit‑titlu Ir‑Redentur: History, Art, and Cult of the Miraculous Effigy of Christ the Redeemer at Senglea. Il‑ktieb ser jinkludi wkoll dokumentazzjoni storika marbuta mal‑istatwa fil‑kuntest tal‑purċissjoni tal‑Ġimgħa l‑Kbira fl‑Isla.
-
-
-