L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
It-tislima tal-anġlu hija tislima li toħroġ mill-qalb tagħna f’dan il-jum għażiż tat-8 ta’ Diċembru, il-festa tat-Tnissil Bla Tebgħa ta’ Marija. “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek” (Lq 1,28). L-Evanġelju li għadna kemm smajna jitkellem dwar it-tnissil ta’ Iben Marija fil-ġuf tagħha. U bħala sinjal tal-qawwa ta’ Alla, l-anġlu Gabrijel, li ismu stess ifisser ‘il-Qawwa ta’ Alla’, Gabrijel, jagħtiha wkoll tnissil ieħor: it-tnissil ta’ Ġwanni fil-ġuf ta’ ommu. “Għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir” (Lq 1,37).
Nistgħu ngħidu, b’dawn it-tliet misteri fil-ġuf ta’ mara: l-ewwel huwa t-tnissil ta’ Marija fil-ġuf ta’ ommha Anna, dak li qed niċċelebraw illum, it-tnissil ta’ Ġwanni fil-ġuf ta’ Eliżabetta, li jingħata sinjal lil Marija, “għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir” (Lq 1,37), u t-tnissil stess ta’ Ġesù fil-ġuf ta’ ommu, dawn it-tliet tnissil huma sinjal għalina ta’ dak li Marija stess tgħid lil Eliżabetta meta żżurha: “il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu” (Lq 1,50).
Aħna qegħdin niċċelebraw din il-ħniena ta’ Alla. Il-Mulej iħares lejn din it-tfajla rżina sa mill-bidu tal-eżistenza tagħha. Ix-xjenza tgħidilna li, fil-mument tat-tnissil, kull wieħed u kull waħda minna nistgħu niġu deskritti bħala ftit ċelloli; imma f’dawk il-ftit ċelloli hemm il-jien ta’ kull wieħed u kull waħda minna, hemm id-dinjità tal-ħajja umana. U Alla, il-Ħallieq u s-Salvatur, jintervjeni fil-mument tat-tnissil ta’ din it-tifla, frott l-imħabba tal-ġenituri tagħha, Anna u Ġwakkin, u jħarisha minn kull tebgħa tad-dnub. Għaliex? Għaliex Alla qiegħed iħares fil-bogħod, sittax-il sena wara, kif tgħidilna t-tradizzjoni. Marija ta’ Nazaret, l-istess tarbija tikber, issir tfajla rżina dedikata lill-Mulej, u tirċievi proposta mingħand Alla. “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek. U għalhekk, dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla” (Lq 1,35).
Marija, li bħalna ma tifhimx kif jista’ jkun, tagħti lilha nnifisha totalment lil Alla. “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!” (Lq 1,38). Tagħti din l-għotja b’libertà kbira, b’libertà mimlija mħabba, b’libertà mimlija wkoll biża’. Xi jfisser dan? “Kif ikun dan?” (Lq 1,34). Tkun magħmula r-rieda tiegħek. F’din l-għotja libera ta’ mħabba, hija tassew ħielsa minn kull tebgħa tad-dnub. Għalhekk, fit-tislima tal-anġlu: “mimlija bil-grazzja” (Lq 1,28), aħna nifhmu l-konferma tal-missjoni li ntgħażlet għal din it-tifla sa mill-bidu tal-eżistenza tagħha, sa mit-tnissil tagħha. Għax it-tnissil bla tebgħa tagħha huwa fatt uniku u storiku fl-istorja tal-umanità, imma wkoll huwa xhieda tad-dinjità ta’ kull tnissil, tad-dinjità tal-ħajja fil-ġuf, sa mill-bidu nett tal-ħajja tal-bniedem. Min jista’ jifhem, ħa jifhem.
Aħna u niċċelebraw din il-festa, aħna nifhmu wkoll li, meta l-Mulej jitfa’ l-ħarsa tiegħu fuqna, qiegħed iġedded kull darba l-profezija ta’ Marija: “il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien” (Lq 1,50). Għax il-ħajja tagħna tagħmel sens meta nifhmuha fid-dawl tal-ħarsa tal-Mulej, li għalih xejn ma jista’ jkun impossibbli, għalih kollox jista’ jkun, “għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir” (Lq 1,37). Allura kapaċi li jibdel id-dgħufijiet tagħna f’mumenti ta’ grazzja; ibiddel id-dlamijiet tal-qalb tagħna fid-dawl tar-rikonċiljazzjoni.
Għażiż Fr Franco, inti u tilqa’ l-missjoni li tkun qaddej ta’ din il-komunità, fakkarha bil-ħajja tiegħek, bix-xhieda tiegħek, li aħna midjunin biss mal-ħniena ta’ Alla. Għalkemm għandna bżonn radikali, konkret, tas-salvazzjoni ta’ Ġesù, nemmnu li “Hu għażilna fih sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba” (Ef 1,4). Jalla kull pass li tagħmel fil-parroċċa għażiża tal-Kunċizzjoni, il-Ħamrun, kull kelma li tgħid, kull ħarsa tiegħek, ikunu għemil ta’ mħabba. Għemil ta’ mħabba safja, għemil ta’ mħabba ta’ qadi, fl-ispirtu ta’ Marija, li mat-tħabbira tal-anġlu, telqet kollox. U hi, li kienet taf li l-qariba tagħha kienet diġà fis-sitt xahar tagħha, marret Għajn Karim minn Nazaret biex tkun ta’ servizz għaliha. Jalla l-mixja tiegħek tkun dik il-mixja ħafifa ta’ min irid ikun qaddej tal-poplu. Jalla l-kelma tiegħek tkun il-profezija tal-qaddej tal-Mulej. Ifhem, li mhix il-kelma tiegħek, imma hija l-Kelma ta’ min bagħtek. U la hi ta’ min bagħtek u ta’ min sejjaħlek, hi kelma ta’ ħniena, kelma ta’ verità, kelma ta’ fedeltà.
“Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha, infexxu fil-hena, ifirħu u għannu!” (Salm 98,4) Jiena u nifraħ miegħek, għażiż Fr Franco, tal-imħabba li qed juri l-poplu lejk, nifhem li l-poplu jaf li mingħandek se jirċievi l-istess imħabba, u li l-qalb tiegħek taf tkellem lill-qalb ta’ kull wieħed u kull waħda minna. Ma’ Marija, kuljum għid: jien il-qaddej tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek! Għażiż ħija u ibni, ad multos annos.
✠ Charles Jude Scicluna
Archbishop of Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġen 3:9-15,20
Salm: 97:1-4
Qari II: Efes 1:3-6,11-12
L-Evanġelju: Lq 1:26-38