L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Dan l-għaref tal-liġi, dan il-kittieb, wieġeb bil-għaqal għax fehem li l-aqwa ħaġa fil-ħajja hija l-imħabba. U aħna qegħdin hawn biex nuru l-imħabba tagħna lil min ħabbna tassew. “Ħadd ma għandu imħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” (Ġw 15:13). Il-mixja li għadna kemm għamilna u dawn il-jiem qaddisa li qed inniedu f’dan il-pellegrinaġġ qaddis tar-Redentur, ifakkurna li l-ħajja tagħna jkollha togħma sabiħa u tajba, daqskemm tkun imsejsa fuq l-imħabba. U għalhekk permezz tal-qrar f’dawn il-jiem, ejjew nersqu lejn Alla, u nitolbuh li nkunu tassew preżenza sabiħa ta’ mħabba.

Fl-ewwel qari mill-Ktieb tal-Profeta Ħosegħa, smajna din il-karba mill-qalb ta’ Alla. “X’għandi x’naqsam mal-idoli, Efrajm? Kont jiena li weġibtek, u jien inħarsek” (Ħos 14:9). Ejjew nitolbu maħfra ta’ kemm-il darba ġrejna wara l-affarijiet li mhumiex Alla, u li biegħduna minnu, u nitolbu li bil-ħniena tiegħu, nersqu lejh u lejn xulxin.

Ġesù jitkellem dwar tliet imħabbiet: ħobb lilek innifsek, ħobb lil għajrek, ħobb lil Alla. Ħobb lilek innifsek jekk tieħu ħsieb qalbek. Hekk qalbek tkun safja, qalb li taħfer, qalb tad-deheb. Ħobb lilek innifsek.

Imma ħobb ukoll lil għajrek. Aħna llum imxejna wara xbieha ta’ Ġesù imma ma ninsewx, li hu l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, huwa l-Iben ta’ Alla li ħalaqna xbieha tiegħu. Kemm hija devota x-xbieha tar-Redentur, kemm tqanqal fina sentimenti ta’ devozzjoni, ta’ ndiema u ta’ mħabba. Imma ma ninsewx, li dik ix-xbieha, li hija frott l-arti tal-bniedem, mhijiex ta’ iżjed dinjità mix-xbieha ta’ Alla li hemm f’kull wieħed u waħda minna. Alla ħalaqna xbieha tiegħu. Jekk ix-xbieha tar-Redentur tiġbidni lejh, għandi wkoll inħobb lil għajri, għax hemm ukoll ix-xbieha ta’ Alla.

Jekk ix-xbieha tar-Redentur tiġbidni lejh, għandi wkoll inħobb lil għajri, għax hemm ukoll ix-xbieha ta’ Alla.

U tħobb lil Alla għax l-imħabba tagħna lejh hija risposta għal tant imħabba li rċivejna. Ħabbna qabel ħabbejnieh aħna. U għalhekk il-ferħ tagħna, il-paċi ta’ qalbna, hija li nħobbuh, li nemmnu fih, li nittamaw fih, u li nixxenqu biex ingawduh għal dejjem. Imma l-Ġenna nistgħu nibdewha issa, minkejja l-inżul u t-tlajja’ tal-ħajja, minkejja d-diffikultajiet; jekk aħna nsibu l-paċi tagħna fih.

U llum, nitolbu talba speċjali lir-Redentur. Nistedinkom biex nitolbuh għad-don tal-paċi fid-dinja. Biex tieqaf ir-regħba, tieqaf il-vjolenza, jieqaf il-qtil tal-innoċenti. U jkollna jiem ta’ sliem u paċi.

O Ġesù Redentur tagħna, ħenn għalina u ieqaf magħna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Ħos 14:2-10
Responsorju: 80 (81):6ċ-8a, 8bċ-9, 10-11ab, 14 u 17
L-Evanġelju: Mk 12:28b-34

Aktar ritratti