Bejn it-Tnejn 13 u llum, l-Erbgħa 15 ta’ Mejju 2013, is-saċerdoti reliġjużi u djoċesani ta’ Malta qed jinġabru flimkien għall-Kors ta’ Aġġornament għall-Kleru (in-service course). Din is-sena t-tema hi “L-Isfida tal-Għażla…f’Ħajjitna u fil-Ministeru tagħna”. Qed jattendu wkoll l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P., l-Isqof Awżiljarju Charles J. Scicluna u l-Arċisqof Emeritus Ġużeppi Mercieca. Dan il-kors ta’ aġġornament qed isir fis-Seminarju tal-Arċisqof, f’Tal-Virtù.
Il-kelliem għal din l-attività annwali hu Fr Timothy M. Gallagher OMV li jifforma parti minn komunità reliġjuża li l-ħidma pastorali tagħha hi ffukata fuq l-irtiri u l-formazzjoni spiritwali. Fr Timothy, għalliem f’diversi seminarji fl-Istati Uniti u awtur ta’ sitt kotba, huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa kelliema fuq is-suġġett tad-dixxerniment tal-Ispirti skont San Injazju ta’ Loyola. Fid-diskorsi tiegħu matul l-Aġġornament tal-Kleru, huwa qed jgħaqqad flimkien spjega ċara ħafna u sempliċi tas-suġġett ma’ applikazzjoni mill-iżjed prattika għall-ħajja u l-ministeru tas-saċerdoti.
Lejn tmiem din il-ġimgħa, Fr Timothy M. Gallagher ser jindirizza attività oħra, din id-darba għar-reliġjużi nisa u għal-lajċi. It-tema ta’ din il-laqgħa se tkun: “The Discernment of Spirits according to St Ignatius of Loyola”. Din ser issir nhar il-Ġimgħa, 17 ta’ Mejju 2013 bejn is-6.00 p.m. u t-8.30 p.m., fis-Seminarju tal-Arċisqof, f’Tal-Virtù.
The photos of the Archbishop’s events may be purchased from PHOTOCITY, Valletta. Tel: 21236723. Email: [email protected]