L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Fis-seklu 17, Ġesù nqeda b’soru Franċiża umli ħafna, Margerita Marija Alacoque, biex jitlob lill-Knisja, li ssir din il-festa. Festa li xtaq li tiġi ddedikata lill-qalb tiegħu: il-Qalb ta’ Ġesù. Bil-qalb nifhmu l-personalità ta’ dak li jkun. Aħna l-Maltin għandna l-istess użu tal-kelma ‘qalb’ meta nirreferu għal xulxin: dak persuna ta’ qalb tajba; qalbu tad-deheb. Meta jkun naqra riħ isfel ngħidu: ‘għandi qalbi sewda’. Il-qalb hu l-jien tal-persuna. Inti min inti? X’qalb għandek? Għandek qalb toffendi lil ommok u ’l missierek? Hekk nitkellmu aħna.

Meta nifhmu li l-Qalb ta’ Ġesù hu l-jien tiegħu, allura nifhmu wkoll x’qal hu stess dwaru nnifsu: “Tgħallmu minni, għaliex jien ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 12:29). Fil-ħlewwa u fl-umiltà Ġesù jiġbor il-personalità tiegħu. L-Evanġelju li għadna kemm smajna jfakkarna wkoll li f’mewtu, il-Mulej nifdulu l-kustat tiegħu, u peress li laqtu l-muskolu tal-qalb tiegħu, mhux il-personalità tiegħu, ħareġ demm u ilma.

B’xi mod isseħħ dik il-frażi sabiħa li għallimna l-poeta nazzjonali, Dun Karm Psaila, fl-innu tal-Qalb ta’ Ġesù: ‘l-aħħar qatra ta’ demmek tajthielna, meta b’daqqa ta’ lanza nifduk’. Għalhekk qrajna l-Evanġelju tal-passjoni minn San Ġwann, il-fizjal Ruman li jinduna li Ġesù ta’ Nazaret miet, reħa ruħu f’idejn il-Missier; u jinfidlu l-kustat tiegħu, u joħroġ demm u ilma. Kemm huma kliem għeżież, kemm għandna bżonn nifhmu dan il-kliem, li l-Mulej, fil-qalb ħelwa u umli tiegħu jħobbna sal-aħħar qatra ta’ demmu. Id-Demm preżenti fl-Ewkaristija, il-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù. Id-demm hu wkoll il-ħajja. Għalhekk meta Ġesù waqqaf l-Ewkaristija, Ġesù ma għażilx biss il-ħobż li jitbiddel fil-ġisem tiegħu; imma għażel ukoll l-inbid li jinbidel fid-demm tiegħu. Id-demm hu l-ħajja. Allura, fl-Ewakristija, Ġesù jrid jagħtina l-ħajja tiegħu; jagħmilna sehem mill-ħajja tiegħu. Il-ħajja tiegħu hi dejjem il-ħajja tal-imħabba.

Nikkonkludi, b’eżortazzjoni, bi stedina li għamlilna l-Appostlu Missierna, li hi importanti mhux biss illum, imma f’kull jum tas-sena. Jgħidilna: “Niżżlu l-għeruq tagħkom fl-imħabba u fuqha tibnu ħajjitkom” (Ef 3:17). Mela, jien min jien, naħsibha kif naħsibha, jien ta’ liema kulur jien, il-kejl veru ta’ ħajti hu dan. Jien qiegħed inniżżel l-għeruq tiegħi fl-imħabba? Kif naħseb, kif nitkellem, kif naġixxi, kif nittratta l-proxxmu; qiegħed nibni ħajti fuq l-imħabba?

Mela, jien min jien, naħsibha kif naħsibha, jien ta’ liema kulur jien, il-kejl veru ta’ ħajti hu dan. Jien qiegħed inniżżel l-għeruq tiegħi fl-imħabba? Kif naħseb, kif nitkellem, kif naġixxi, kif nittratta l-proxxmu; qiegħed nibni ħajti fuq l-imħabba?

Qegħdin f’din il-parroċċa għażiża, tradizzjonalment hawnhekk f’Ħal Lija, il-festa tal-Qalb ta’ Ġesù hi ċċelebrata għal dan is-seklu żgur, b’solennità kbira. Dan il-mant li sar fi żmien il-mibki tabib Zammit, bil-kontribuzzjonijiet tan-nies ta’ Ħal Lija, li kienu jiġbru bieb bieb, għall-mant tal-Qalb ta’ Ġesù, u li għadu jintrama għall-festa tal-Qalb ta’ Ġesù. Dan kollu xhieda ta’ mħabba, ta’ devozzjoni, ta’ għażliet li għamilna fil-ġenerazzjonijiet.

Se jkunu l-għażliet li nagħmlu llum u għada, u pitgħada? Ta’ qabilna għamlu l-għażliet tagħhom, l-għażliet tagħna f’idejna. L-aqwa għażla hi li niżżlu l-għeruq tagħna fl-imħabba u fuqha nibnu ħajjitna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Hos 11:1,3-4,8ċ-9
Salm: Iż 12:2-3,4bċd,5-6
Qari II: Efes 3:8-12,14-19
L-Evanġelju: Ġw 19:31-37

Aktar ritratti