Bażilika tal-Ġetsemani
9 ta’ Mejju 2016
Qrajna s-silta mill-Evanġelju ta’ San Mattew imma fl-immaġinarju tagħna għandna wkoll is-siltiet taż-żewġ Evanġelji sinottiċi l-oħrajn: San Mark u San Luqa. L-Evanġelju ta’ San Mattew jagħtina tliet mumenti ta’ talb f’dan il-post imqaddes, jagħtina wkoll id-dettal dwar kemm sewwed qalbu l-Mulej, u d-dieqa tiegħu.
Huwa l-Evanġelju ta’ San Luqa li jagħtina d-dettal tal-effett fiżjoloġiku ta’ din id-dieqa kbira fil-Mulej meta l-għaraq tiegħu jsir għaraq tad-demm (Lq 22, 44). Fuq dan il-blat ġelben mill-wiċċ tal-Mulej, minn ġismu, għaraq imħallat bid-demm. Dan huwa sinjal, anke fix-xjenza, ta’ distress enormi u għalhekk id-dettalji li jagħtuna l-Evanġelji fuq it-tbatija ta’ Ġesù fl-agunija, aħna ngħidulha tal-Ġetsemani, jindikaw li Ġesù kien għaddej minn stress enormi, stress psikoloġiku u anke spiritwali.
F’ħafna mit-talb tal-ispiritwalità popolari tagħna, aħna ngħidu: ‘meta Ġesù Kristu għamel l-orazzjoni fl-ort tal-Ġetsemani’ u nitkellmu wkoll dwar ‘l-agunija tal-Mulej fl-ort tal-Ġetsemani’. L-agunija ġejja anke mill-kelma li tfisser taqtiegħa, u l-Mulej kien għaddej minn taqtiegħa kbira li aħna ngħaddu minnha ħafna drabi fil-ħajja: it-taqtiegħa bejn ir-rieda tagħna bħala bnedmin u l-pjan li għandu għalina Alla. Ir-rieda tagħna hija li ngħixu fit-tul u ngħixu b’saħħitna, per eżempju, imbagħad tiġi fuqna marda u l-ewwel ngħaddu minn mument kbir ta’ dulur u ta’ luttu għas-saħħa li tlifna, għall-possibilitajiet li stajna nagħmlu u li issa ma nistgħux nagħmluhom iżjed.
F’dan il-post ejjew niftakru f’tant nies li ħadu aħbar ħażina fuq saħħithom jew ħadu minn xi professur il-‘kundanna tal-mewt’. Żgur li għaddejjin minn din l-agunija li għadda minnha Ġesù li kien jaf x’se jistennih. L-agunija tiegħu kienet biex iċedi totalment għal din ir-rieda tal-Missier li kienet kalċi morr. “Missieri, jekk dan il-kalċi ma jistax jgħaddi mingħajr ma nixorbu, tkun magħmula r-rieda tiegħek” (Mt 26, 42). Hija talba diffiċli ħafna biex tagħmilha, talba li lill-Imgħallem swietlu l-għaraq tad-demm, swietlu dwejjaq kbar, swied il-qalb kbira.
Bħala xhieda ta’ dan kollu għażel lil Pietru u ż-żewġ ulied ta’ Żebedew: Ġakbu u Ġwanni, dawk li aħna rajnihom ukoll b’xhieda tal-glorja tiegħu fuq it-Tabor. Illum qegħdin hawnhekk ukoll xhieda tal-umiljazzjoni kbira tiegħu tad-distress tiegħu, tal-ansjetà kbira, tal-inkwiet tiegħu.
“L-ispirtu, iva, irid; imma l-ġisem dgħajjef” (Mt 26, 41). Din hija l-esperjenza ta’ kull wieħed u waħda minna. Ġesù ukoll dan il-kliem jgħidu fl-Evanġelju ta’ San Ġwann meta jitkellem dwar l-Ewkaristija, dwar l-għotja tiegħu, dwar il-fatt li aħna, ħafna drabi, ma napprezzawx l-għotja tiegħu jew ma nilqgħuhiex. Lil Pietru jgħidlu: “L-Ispirtu jrid, imma l-ġisem dgħajjef”.
Hawnhekk niltaqgħu wiċċ imb’wiċċ mad-dgħufija tagħna, li narawha fil-wiċċ imdemmgħa, anzjuż, aggonizzanti ta’ Ġesù. F’dan il-post jiltaqgħu s-sitwazzjonijiet imwergħa tal-passat, tal-preżent u tal-futur, u aħna noffruhom, permezz ta’ Ġesù Kristu, lil Alla l-Missier. “Qumu! Ejjew immorru!” dawn il-kliem ta’ Ġesù huma kliem ta’ deċiżjoni kbira ta’ min għadda mill-agunija u rebaħ billi ‘ċeda’ lill-Missier. Induna, imma bid-dgħufija tad-dixxipli, bħalma jinduna bid-dgħufija tagħna u jgħidilna ħafna drabi, bħalma qal lilhom: “Issa se torqdu u tistrieħu? Ara s-siegħa waslet, u Bin il-bniedem se jkun mogħti f’idejn il-midinbin” (Mt 26, 45-46).
Ejjew nirringrazzjaw lill-Mulej talli hawnhekk ħa fuqu d-dwejjaq tagħna, kull tip ta’ dipressjoni, il-mard kollu psikoloġiku, id-dwejjaq tat-tradiment, u l-qalb maqsuma. Il-passjoni ta’ Ġesù tibda hawnhekk. ’Il quddiem se jkollna ċans nimmeditaw tant ħruxijiet fiżiċi li għadda minnhom. Illum naqsmu miegħu t-tbatijiet spiritwali tagħna, in-niket tagħna, id-dulur ta’ min nafu, tagħna u tal-maħbubin tagħna, u nitolbuh ikun hu l-faraġ tagħhom.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta