L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Tmint ijiem wara li niċċelebraw it-twelid ta’ Ġesù, aħna nfakkru lill-mamà tiegħu – illum qed nagħmlu l-festa ta’ Sidtna Marija omm Alla, omm Ġesù li hu l-Iben t’Alla magħmul bniedem, allura ommu hi omm Alla għax binha hu Alla magħmul bniedem. U fl-Evanġelju li għadna kemm smajna minn San Luqa, hemm nota dwar omm Ġesù: “Marija min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnna u bejn ruħha” (Lq 2:19).

U din il-frażi mill-Evanġelju ta’ San Luqa tikkonferma l-messaġġ sabiħ li ppruvaw iwasslulna b’tant ħila ż-żgħażagħ tagħna llum fil-bidu ta’ din iċ-ċelebrazzjoni qabel ma bdejna l-quddiesa. Għandna bżonn is-silenzju biex nisimgħu l-Kelma t’Alla li tħabbat fuq il-bieb ta’ qalbna u titlob minna mhux biss li aħna nkunu bħal Alla imma li nieħdu ħsieb xulxin. Kemm hi ħaġa sabiħa li għadna din l-istedina t’Alla, ngħożżuha f’qalbna u nibqgħu naħsbu fuqha bejnna u bejn ruħna!

L-awgurju tiegħu fil-bidu ta’ din is-sena ċivili, l-2026, hija li aħna nerġgħu nisimgħu l-qari tant sabiħ, li jagħtina l-barka ta’ Alla fuq il-poplu tiegħu skont il-Ktieb tan-Numri: “Ibierkek il-Mulej, u jħarsek! Jixħet il-Mulej id-dija ta’ wiċċu fuqek, u jurik il-ħniena! Iħares lejk il-Mulej bi mħabba, u jagħtik is-sliem!” (Num 6:24-26).

Il-Mulej għallem lil Mosè u Aron kif ibierku lill-poplu tiegħu u l-awgurju tiegħi hu li aħna u nawguraw lil xulxin, li l-Mulej iberikna u jħarisna, li jixħet id-dija ta’ wiċċu fuqna u jurina l-ħniena, li jħares il-Mulej lejna bi mħabba u jagħtina s-sliem, aħna u nitolbu din il-barka fuqna, fuq uliedna, fuq iż-żgħażagħ tagħna, nagħmlu ħilitina biex dawn il-barkiet ngħixuhom aħna. Hekk, nitolbu lil Alla biex iħares lejna u jberikna. Ejjew inħarsu lejn xulxin u nbierku lil xulxin. Alla jberikna anke permezz ta’ xulxin. It-talba tiegħi ta’ din is-sena hija li nkunu tassew barka għal xulxin, aħna min aħna – ġenituri ma’ wliedhom, ulied mal-ġenituri u n-nanniet, żgħażagħ bejniethom, il-miżżewwġin, il-maħbubin, is-soċjetà bejnietna. Jalla aħna nkunu barka għal xulxin.

Għandna bżonn is-silenzju biex nisimgħu l-Kelma t’Alla li tħabbat fuq il-bieb ta’ qalbna u titlob minna mhux biss li aħna nkunu bħal Alla imma li nieħdu ħsieb xulxin

U biex niftehmu, biex nifhmu wkoll x’inhi din il-barka, xi tfisser li nkunu barka għal xulxin? L-ewwel nett li aħna jkollna dan l-istint li nħarsu lil xulxin, nipproteġu lil xulxin: “Ibierkek il-Mulej u jħarsek.”

Jiena wkoll se nipprova nħarsek, niġġroteġik din is-sena. “Jixħet il-Mulej id-dija ta’ wiċċu fuqek u jurik il-ħniena.” Kemm hi ħaġa sabiħa li f’din is-sena li għadna kemm bdejna, nuru lil xulxin il-ħniena, mhux ir-rabja, jew il-vendetta, jew l-għira, imma l-ħniena. Id-dinja għandha bżonn tal-ħniena. “Iħares lejk il-Mulej bi mħabba u jagħtik is-sliem.” Jalla l-ħarsa tagħna lejn xulxin, tkun ħarsa ta’ mħabba. Ħafna drabi nkunu mitlufa fis-social media, nagħmlu l-interazzjoni tagħna permezz tas-social media. Hija ħaġa tajba, ħaġa qaddisa, imma hemm bżonn ukoll li l-ħarsa tagħna tkun ħarsa ta’ mħabba.

Xi kultant minn wara l-media, mis-social media, nafu li s-sentimenti jkunu naqra iżjed negattivi. Ejjew nħarsu lejn xulxin bi ħniena u bi mħabba. Il-ħniena għandha bżonn tal-ħniena, għandha bżonn tal-imħabba. Nitolbu wkoll li din is-sena tkun sena fejn, it-talb li se nagħmlu llum f’Jum il-Paċi, jagħmel sens u jsir realtà, mhux biss fl-Ukrajna, fl-Art Imqaddsa, imma f’tant postijiet oħra tad-dinja.

Jiena nixtieq ukoll nieħu l-opportunità lill-benefatturi kollha ta’ din id-dar. Hija tradizzjoni qaddisa li nibdew is-sena hawnhekk, fejn hawn 151 resident/a u fejn jaħdmu 280 persuna. U nitolbu biex, u mhux hawnhekk biss, imma wkoll fl-erbat idjar l-oħra li għandha d-Dar tal-Providenza, network ta’ preżenza, ta’ solidarjetà u ta’ għożża, ta’ promozzjoni tad-dinjità ta’ ħutna, tad-dinjità umana ta’ ħutna, tal-awtonomija tagħhom, ta’ dawk li jieħdu ħsieb dak li hu neċċessarju.

Jiena nixtieq nirringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi f’dan il-jum verament xitwi, umdu, u kiesaħ, biex l-imħabba tal-qalb tagħna tkun dik li turi għożża u propju t-tgħanniqa ta’ min jifhem u jgħin.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Num 6:22-27
Salm: Salm 66(67):2-3,5,6,8
Qari II: Gal 4:4-7     
L-Evanġelju: Lq 2:16-21  

Aktar ritratti