L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-Evanġelju  li għadna kemm qrajna, jagħtina ħjiel fuq min hu Ġesù. Ġwanni l-Battista jsejjaħlu “Il-ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja”, u fit-tmiem l-Evanġelju li għadna kemm qrajna, jinsisti: “dan hu l-Iben t’Alla, li ġej jgħammed bl-Ispirtu s-Santu” (ara Ġw 1:29-34). Din hija l-fidi li ħaddan San Lawrenz u li qed [GS1]  twasslu biex jagħti ħajtu. Jekk Ġwanni huwa xhud tal-identità ta’ Ġesù, u tal-qawwa tiegħu, hekk ukoll San Lawrenz. Wara kollox il-kelma “martri” ġejja mill-kelma “xhud” bil-Grieg, u aħna u niftakru fix-xhieda ta’ Ġwanni l-Battista, niftakru wkoll f’sensiela twila ta’ xhieda ta’ Ġesù f’dawn l-aħħar elfejn sena.

Fosthom illum qegħdin intemmu ċ-ċelebrazzjonijiet tal-elf u tmien mitt sena mit-twelid ta’ xhud illustri, magħruf bħala patrun u protettur qawwi tal-knisja. Il-kelma “ħaruf” bl-Aramajk li bih kien jitkellem Ġesù, u  li bih kienu jitkellmu Ġwanni l-Battista u l-Lhud ta’ żmienhom, għandha tlett saffi ta’ tifsiriet: il-ħaruf hu annimal ġwejjed, fil-fatt Iżaija jgħid, “bħal ħaruf ma fetaħx fommu” (Iż 53:7). Imma l-kelma “ħaruf”   bl-Aramajk tista’ tfisser ukoll “iben” u “qaddej”. Aħna nammiraw f’Ġesù dawn il-karatterisitċi sbieħ, li huma l-pedament tal-fidi tagħna. L-Iben ta’ Alla, il-qaddej ta’ Alla – dak li bl-umiltà tiegħu, ħatt ir-renju arroganti u supperv tax-xitan. Wara kollox fl-ewwel konfront bejn Ġesù u x-xitan fis-sinagoga ta’ Nazaret, ix-xitan jgħidlu; “Naf min int. Ġej teqridna?” (Lq 4:34).  Dażgur li ġie jeqridhom. Il-Mulej ġie jeqred lix-xitan, mhux bl-arroganza tax-xitan imma bl-umiltà. Għas-suppervja u l-arroganza tad-dnub tad-dinja, il-Mulej jifdina bl-umiltà u l-ħlewwa tiegħu. Imma wkoll jgħammidna bl-Ispirtu s-Santu. Aħna, tajjeb niftakru li l-kobor ta’ San Lawrenz huwa ġej mill-frott tal-Ispirtu s-Santu fir-ruħ tiegħu, il-ġenerożità tiegħu, l-għajnuna li ta lill-fqar f’isem il-knisja ta’ Ruma, imma wkoll fil-ħeġġa li jingħata bħala sagrifiċċju u xhieda tal-qawwa ta’ Ġesù.

X’tagħlima nistgħu nieħdu? Aħna u niċċelebraw it-twelid ta’ San Lawrenz, ejjew nitolbu li aħna wkoll kontinwament nitwieldu mill-ġdid bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Aħna nħarsu lejn Ġesù li huwa l-Ħaruf t’Alla, l-Iben t’Alla, il-qaddej t’Alla. Ejjew niftakru li anki San Lawrenz, fil-misteru tat-twelid ġdid fil-magħmudija, huwa Iben ta’ Alla, u bil-ministeru li ħalla, u bl-eżempju ta’ ħajtu, sar ukoll qaddej ta’ Alla, qaddej tal-fqar, il-mimmi t’għajnejn tal-Mulej.

Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna, bl-interċessjoni ta’ San Lawrenz, ngħixu fil-preżenza ta’ Alla bħala wlied umli ta’ Missier ħanin. Kemm hi ħaġa sabiħa li bl-interċessjoni ta’ San Lawrenz, nitgħallmu xi tfisser tkun qaddej tal-proxxmu, u niftakru fil-kelma li tana l-Mulej Ġesù qabel ma miet: “Jiena l-Mulej u l-Imgħallem, ħsiltilkom saqajkom; hekk għandkom ukoll tagħmlu lil xulxin” (Ġw 13:14).  

Dan l-ispirtu tal-qadi jagħti togħma sabiħa lil kull vokazzjoni tagħna: saċerdotali, miżżewġa, fis-soċjetà. Jalla, dak kollu li nagħmlu, ikun imħaddan minn dan l-ispirtu, u fuq kollox ejja nkunu xhieda, martri, tal-imħabba ta’ Ġesù. Inkunu aħna preżenza sabiħa fid-dinja, fis-soċjetà tagħna, tal-ħlewwa tal-qawwiet ta’ Alla, tal-imħabba tal-Iben ta’ Alla, tas-servizz tal-qaddej ta’ Alla – Ġesù.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 49:3,5-6
Responsorju: Salm 39(40):2,4ab,7-8a,8b-9,10
Qari II: 1 Kor 1:1-3
L-Evanġelju: Ġw 1:29-34