-
Ir‑reazzjonijiet tal‑politiċi u tal‑pubbliku għall‑kollass tat‑Tieqa tad‑Dwejra għandhom iġegħluna nirriflettu fuq l‑attitudnijiet tagħna lejn il‑patrimonju naturali, storiku, u arkitettoniku ta’ Malta u Għawdex. Li t‑Tieqa ċediet hija parti minn proċess naturali li kien mistenni. Il‑mistoqsija minn dejjem kienet “meta” u mhux “jekk” kinitx se taqa’. Il‑poplu u l‑politiċi jħossu li l‑pajjiż tilef parti mill‑patrimonju nazzjonali. U bir‑raġun!
Dan l‑avveniment iżda għandu jħeġġiġna, kemm ċittadini u kemm politiċi, biex nistaqsu mistoqsijiet pertinenti dwar x’qegħdin nagħmlu biex nimmaniġġaw b’mod sostenibbli r‑riżorsi li għad fadlilna. Uħud mir‑riżorsi, kemm dawk naturali kif ukoll dawk mibnija li ngawdu fil‑gżejjer tagħna, huma wkoll patrimonju dinji. Il‑gwaj li ilna għaddejjin minnu hu li, għal ħafna snin, ma konniex ninħasdu quddiem ħsarat żgħar u anke mhux żgħar, lill‑ambjent naturali u mibni li jsir minħabba xi proġett, policy, jew pjan, li mhumiex sostenibbli, jew deċiżjonijiet li jmorru kontra pjani jew policy li jkunu tfasslu bis‑sens. Dan il‑gwaj ittollerajnieh u anke kien ġustifikat politikament minn diversi gvernijiet minkejja li għaqdiet u individwi li għandhom għal qalbhom il‑patrimonju nazzjonali tkellmu b’kuraġġ kontrieh. Li kieku kellna naraw f’daqqa dak li tlifna matul is‑snin minħabba aġir mhux sostenibbli, l‑agħa u d‑dieqa tagħna jkunu ħafna aktar minn dak li kien espress għall‑kollass tat‑Tieqa tad‑Dwejra.
Issa li waqgħet, it‑Tieqa tad‑Dwejra qed tfakkarna li r‑riżorsi naturali, minbarra li għandhom valur intrinsiku li jfakkarna fis‑sbuħija tal‑ħolqien u l‑Ħallieq, għandhom ukoll valur ekonomiku, speċjalment fis‑settur turistiku, u għalhekk huma ta’ benefiċċju għall‑ekonomija lokali u nazzjonali. It‑Tieqa ntilfet darba għal dejjem. J’Alla tiftaħ bieb liċ‑ċittadini u l‑politiċi biex nirriflettu u nieħdu azzjoni ħalli nimmaniġġaw b’mod iktar għaqli milli għamilna s’issa, ir‑riżorsi naturali, storiċi u mibnija tal‑patrimonju nazzjonali, qabel ikun tard wisq.