L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Illum niżel fostna mis-sema s-sliem tassew. Illum is-smewwiet xerrdu l-għasel fuq l-art kollha.
Dawn huma l-kliem poetiċi u sbieħ mir-responsorju li smajna u tlabna llum wara li smajna l-qari straordinarjament profond tal-Papa San Ljun il-Kbir. Illum niżel fostna mis-sema s-sliem tassew. U b’din il-kelma nifhmu li t-tarbija li t-twelid tagħha qed niċċelebraw f’dan il-jum u l-lejl qaddis, mhux biss jisimha Ġesù, imma wkoll is-sliem. L-istess Papa Ljun il-Kbir jgħid li t-twelid tal-Mulej, huwa wkoll it-twelid tal-paċi – Natalis domini, natalis est pacis. Imma hemm ukoll ix-xbieha sabiħa li nixtieq nirriflettu fuqha llejla: illum is-smewwiet xerrdu l-għasel fuq l-art kollha.
It-twelid ta’ Ġesù huwa bħall-għasel li niżel fuq id-dinja, fuq l-art kollha. L-għasel hu l-ħlewwa, il-benna; huwa mediċina. Huwa wkoll il-frott tal-bżulija tan-naħla. Xi mkien qrajt li meta tpoġġi l-għasel f’kuċċarina ċkejkna qed tara x-xogħol ta’ ħajja ta’ naħla. Naħla fil-ħidma kollha tagħha, għaddejja minn fjura għall-oħra, tipproduċi fl-eżistenza tagħha kuċċarina għasel. U meta tifhem dan, tifhem kemm hu prezzjuż l-għasel. Kemm hu don li ma nistgħux neħduh kif ngħidu bl-Ingliż ‘for granted’.

Pajjiżna huwa msejjaħ, almenu mill-għerq Grieg, għall-għasel, Melite, il-gżira tal-għasel, il-gżira tal-ħlewwa. Dun Karm ispirat mill-imħabba tiegħu lejn pajjiżna, fl-innu Malti jsejħilha ‘Din l-art ħelwa’. U ftakar ukoll li bil-ħidma tal-Appostlu Missierna San Pawl, il-Mulej libbisha bl-oħla dawl, bid-dawl l-iżjed ħelu. Aħna llum qed infakkru t-twelid fostna ta’ dan l-oħla dawl li bih il-Mulej libbes lill-gżejjer tagħna. U d-domanda li nagħmlu llum lilna nfusna hija din: jekk il-Mulej fit-twelid tiegħu sawwab l-għasel fuq id-dinja u l-gżira tagħna hija msejħa għal dan il-għasel, kemm nistgħu ngħidu li hi art ħelwa? Għax il-ħlewwa ta’ Malta tiddependi mill-ħlewwa tal-qalb tagħna. Mhux mid-dijabete tagħna. Dak għandna biżżejjed u żżejjed. Imma mill-ħlewwa tal-qalb. Kemm għadna ngħożżu lil xulxin u nkellmu lil xulxin bi ħlewwa u nittrattaw lil xulxin bi ħlewwa?
Nitolbu għal nies li forsi mġarrbin mill-qrusija tal-ħajja, li forsi ma sabux ħlewwa; żgħażagħ li forsi ma sabux it-tgħanniqa ta’ min iħobbhom u qed iġorru l-konsegwenzi tan-nuqqas radikali tal-imħabba; miżżewġin li ntilfu – fejn kien hemm ħafna mħabba llum hemm il-vojt jew rabja kbira.
Nistgħu ngħidu li l-gżejjer tagħna li għandhom il-vokazzjoni jkunu art ħelwa, Melite, art il-għasel, għadhom soċjetà fejn il-ħlewwa bejnietna u lejn xulxin, hija valur li ngħożżu. U din hija l-istedina tiegħi llum li aħna nfakkru li waħda mix-xbihat sbieħ tat-twelid ta’ Ġesù hija li l-għasel jinżel mis-sema. Bil-Latin sabiħ tal-liturġija jgħid hekk: Melliflui facti sunt caeli – is-smewwiet saru jqattru l-għasel, f’dan il-jum is-smewwiet saru l-għerq tal-ħlewwa. U aħna l-imsejħin għal din il-ħlewwa tal-għasel, Melite. Forsi għandna vokazzjoni mhux biss għall-Mediterran, dak kollu li nagħmlu għall-paċi fost il-ġnus, imma bejnietna, bejnietna li ngħixu l-missjoni tagħna li nkunu art ħelwa.

Ejjew nitolbu għal nies li forsi mġarrbin mill-qrusija tal-ħajja, li forsi ma sabux ħlewwa; żgħażagħ li forsi ma sabux it-tgħanniqa ta’ min iħobbhom u qed iġorru l-konsegwenzi tan-nuqqas radikali tal-imħabba; miżżewġin li ntilfu – fejn kien hemm ħafna mħabba llum hemm il-vojt jew rabja kbira. Għandna bżonnu lil Ġesù fit-twelid imqaddes tiegħu biex isawwab fil-qlub tagħna qatra mill-ħlewwa tiegħu.
Fil-Kredu llum ħin minnhom meta niftakru li l-Iben Alla sar bniedem, ninżlu għarkupptejna għall-ftit mumenti u naduraw dan il-misteru kbir.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 9:1-6
Salm: 95 (96):1-2a,2b-3,11-12,13
Qari II: Tit 2:11-14
L-Evanġelju: Lq 2:1-14





