Video and photos: Miguela Xuereb

Il-Festa ta’ Ġenerożità annwali b’risq id-Dar tal-Providenza se terġa’ ssir fl-1 ta’ Jannar 2026, ħabbar dan id-direttur ta’ din id-dar aktar kmieni illum.

L-avveniment ewlieni se jsir taħt tinda kbira fil-parkeġġ tad-dar u se jixxandar direttament fuq l-istazzjonijiet ewlenin tat-televiżjoni f’Malta, mill-10.00am sa nofsillejl.

Waqt it-tnedija għall-media, id-Direttur Fr Martin Micallef enfasizza li l-fondi miġbura huma kruċjali biex jitjiebu s-servizzi offruti lir-residenti u lill-klijenti.

Huwa qal lil Newsbook Malta li matul l-aħħar 12-il xahar, l-organizzazzjoni fetħet aktar djar fil-komunità, u dan il-ġbir ta’ fondi se jgħin biex jiġu ffinanzjati proġetti simili fil-futur.

“Is-sena 2025 kienet sena speċjali hekk kif fakkarna s-60 anniversarju tagħna,” qal Fr Micallef.

Biex tibqa imfakra din l-okkażjoni u tkompli l-istrateġija ta’ deistituzzjonalizzazzjoni tagħha, id-Dar tal-Providenza xtrat żewġ flats fis-Siġġiewi biex fihom jgħixu sitt residenti attwali, kif ukoll appartament fil-Ħamrun għal persuna b’diżabilità li tgħix b’mod indipendenti bl-appoġġ meħtieġ. Barra minn hekk tlesta ukoll proġett ta’ rinnovazzjoni f’Villa Papa Giovanni biex jiġi offrut ambjent aktar dinjituż.

Huwa enfasizza l-bidla strateġika lejn kura fil-komunità, u qal li dan ix-xogħol huwa “skont il-prinċipji tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità” u ffukat biex jiġu offruti servizzi residenzjali u appoġġ “skont ix-xewqat tal-persuna.”

L-amministratriċi Nadine Camilleri Cassano spjegat l-attivitajiet estensivi ta’ ġbir ta’ fondi qabel il-maratona, li huma ppjanati tul ix-xahar ta’ Diċembru. Dawn se jwasslu għall-avveniment ewlieni fuq it-televiżjoni, li hi ddeskrivietu bħala maratona vitali annwali fejn l-organizzazzjoni ddur lejn il-poplu Malti u Għawdxi għall-appoġġ finanzjarju meħtieġ biex tkompli topera.

“Id-Dar tal-Providenza teħtieġ madwar €7 miljun fis-sena biex topera,” fakkret lil dawk preżenti, filwaqt li enfasizzat fuq l-iskala tal-ġenerożità pubblika meħtieġa. Hija tat dettalji ukoll dwar wirja u rkant ta’ arti li se jsiru fil-Parlament bejn il-15 u s-26 ta’ Diċembru.

Fr Micallef irrimarka fuq il-missjoni persistenti tad-dar, u attribwixxa l-possibbiltà li dawn is-servizzi jingħataw tul sitt deċennji “għall-appoġġ kontinwu tal-poplu Malti u Għawdxi.”

Id-donazzjonijiet għall-maratona jistgħu jibdew isiru minn issa u se jingħaddu fit-total finali li jitħabbar f’Jum l-Ewwel tas-Sena. Id-donazzjonijiet jistgħu jsiru permezz ta’ diversi mezzi:

  • Donazzjonijiet bl-SMS: ibgħat fuq 50618922 għal donazzjoni ta’ €7.
  • Trasferimenti bankarji diretti: €15 (51702013), €25 (51802014), €50 (51902085), €100 (51302022).
  • Ħlasijiet bankarji: permezz ta’ PayPal jew trasferimenti diretti għal kontijiet ta’ Dar tal-Providenza fl-APS Bank, BOV, HSBC, Lombard Bank jew BNF Bank.
  • Ħlasijiet bil-mobile: uża BOV Mobile jew myAPS P2M fuq in-numru 7932 4834.
  • Ċekkijiet: għal ammonti ta’ aktar minn €20, pagabbli lil ‘Dar tal-Providenza’ u mibgħuta Triq Id-Dar tal-Providenza, Siġġiewi SGW2822.
  • Personalment: donazzjonijiet jintlaqgħu fl-uffiċċju ta’ Dar tal-Providenza fi Triq San Pawl il-Belt, Valletta (mit-Tlieta sas-Sibt, mid-9.00am sa nofsinhar), fil-Paola Catholic Bookshop, u fi stand f’Pjazza tar-Rabat, Malta mill-14 ta’ Diċembru 2025 sal-1 ta’ Jannar 2026.

Il-ġurnata tibda b’Quddiesa fid-9.30am fuq TVM2, ċelebrata mill-Arċisqof Charles Scicluna mill-kappella tad-dar. Il-pubbliku huwa mistieden jappoġġja l-maratona biex jiġi żgurat il-kontinwazzjoni tas-servizzi residenzjali u fil-komunità.

Source: Newsbook.com.mt

Article written by Damian Micallef