Waqt il-programm The Handbook fuq RTK103, wieħed mill-mistednin ta’ din il-ġimgħa Clint Cauchi qal li fejn ma jkunx hemm imħabba, il-kmandamenti jsiru piż.
Il-mistednin ta’ The Handbook ta’ din il-ġimgħa huma Joseph Falzon u Clint Cauchi. The Handbook jixxandar kuljum fuq RTK103 fil-05.30, fis-12:40, fis-19.20 u fid-21.30, kif ukoll fuq Facebook permezz tal-paġna The Handbook.
Silta mill-qari tal-lum
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa – Lq 6, 1-5
Ġara li darba s-Sibt Ġesù kien għaddej minn għalqa miżrugħa, u d-dixxipli tiegħu bdew jaqtgħu s-sbul, ifarrkuh b’idejhom u jikluh. Xi wħud mill-Fariżej qalulhom: “Dan kif qegħdin tagħmlu dak li ma jiswiex nhar ta’ Sibt?”. Qabeż Ġesù u weġibhom: “Anqas dan ma qrajtu, x’għamel David meta ħadu l-ġuħ, huwa u dawk li kienu miegħu? Ma qrajtux kif daħal fid-dar ta’ Alla u ħa l-ħobż tal-preżenza ta’ quddiem il-Mulej, u kiel minnu hu u ta lil dawk li kienu miegħu, u madankollu ħadd ma kien jista’ jiekol minnu ħlief il-qassisin biss?”. U qalilhom: “Bin il-bniedem huwa sid is-Sibt ukoll”.
Source: Newsbook.com.mt
Article written by George Cassar