Ejjew nirriflettu ftit fuq dan il-ġest li qiegħda tagħmel din il-parroċċa llum. L-għotja tal-warda tad-deheb hija tradizzjoni antika ħafna ta’ dehniet Insara u kienet omaġġ, sinjal ta’ qima. L-għotja tal-warda tad-deheb lill-Madonna tagħżilha bħala Sultana ta’ qalbna, u fl-istess ħin tfisser impenn.

Sidtna Marija, kif issaltan? Issaltan fil-qadi. Għax dan tgħallmet fl-iskola tal-Kelma ta’ Alla; dan għamel fiha l-Ispirtu s-Santu, meta minn ġuf ommha, sa mit-tnissil, ħarisha minn kull tebgħa tad-dnub. Iddedikaha u kkonsagraha għall-imħabba, l-imħabba safja. Dik l-espressjoni sabiħa li smajna fl-ewwel qari: “Jien omm l-imħabba safja” (Bin Sirak 24:18), jew inkella omm l-imħabba sabiħa. L-imħabba safja ta’ Marija, l-imħabba sabiħa tagħha, hija mħabba li mhux tfittex lilha nnifisha, imma li tingħata bħala servizz u qadi għall-proxxmu. 

Innutaw x’tagħmel wara l-Evanġelju li għadna kemm smajna. L-anġlu Gabrijel jagħtiha sinjal, is-sinjal li għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir. “Ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, fi xjuħitha, hi wkoll nisslet iben fil-ġuf, u ġa għandha sitt xhur dik li għaliha kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal, għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir” (Lq 1:36-37). La tinduna minn dan is-sinjal li hemm qariba tagħha li għandha sitt xhur tqala, il-Madonna x’tagħmel? L-Evanġelju li għadna kemm smajna jkompli: “F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, f’belt tal-Lhudija” (Lq 1:39). Marret għand il-qariba tagħha u baqgħet għandha għal tliet xhur, sakemm kompliet it-tqala u twieled it-tifel ta’ Eliżabetta u ta’ Zakkarija, Ġwanni l-Battista. Dik kienet l-ewwel esperjenza tagħha bħala Omm Alla, iġġorr il-Kelma ta’ Alla magħmul bniedem, lil Ġesù f’ġufha, u tiġi mbuttata għas-servizz, għall-qadi. 

Aħna, fis-Salm Responsorjali, użajna l-innu li Sidtna Marija għanniet f’din il-laqgħa mal-qariba tagħha Eliżabetta. “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej” (Lq 1:46); “Hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu” (Lq 1:48). Innutaw it-titlu li bih tirreferi għaliha nnifisha. Lill-anġlu tgħidlu: “jiena l-qaddejja tal-Mulej” (Lq 1:38); u terġa’ tirrepeti: “xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu” (Lq 1:48). Ma għażlitx it-titlu ta’ Sultana, jew mara sabiħa, intelliġenti, għarfa; imma ‘l-qaddejja tal-Mulej’, “xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. Iva, minn issa ’l quddiem, kull nisel jibda jsejjaħli hienja” (Lq 1:48-49). Imma l-hena ta’ Marija hija dik li tagħmel ir-rieda tal-Mulej. L-ewwel nett li tkun Omm Ibnu, li ġġibu fid-dinja, li tindukrah flimkien ma’ Ġużeppi, li tagħtih edukazzjoni, li tmantnih; imbagħad tarah jitlaq għal dawk it-tliet snin li wassluh sa fuq l-għuda tas-salib; u hi kienet hemm, ma abbandunatux. Qaddejja sal-aħħar. Kellha l-ferħ ukoll tarah irxuxtat flimkien mad-dixxipli; u tifhem “li jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott” (Ġw 12:24). 

Din hija s-Sultana li aħna nqimu, u li intom tajtuha dan l-omaġġ sabiħ tal-warda tad-deheb, għaliex qed nammiraw fiha s-sultana qaddejja. Imma aħna, dan kollu xi jfisser għalina? Motiv ta’ superjorità totalment estran għall-ispirtu ta’ Marija, xi ħaġa biex niftaħru biha. Tinsewx x’qalet il-Madonna: lis-suppervi, lill-arroganti “bagħathom ’il barra b’xejn. Ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu, għax ftakar fil-ħniena tiegħu” (Lq 1:53-54). L-ewwel nett, għalina għandha tkun din il-warda tad-deheb, talba kontinwa f’riġlejn il-Madonna, li titlob fuqna barka u ħniena. Li titlob fuqna wkoll l-ispirtu ta’ qadi. San Ġorġ Preca, li għamilna l-festa tiegħu lbieraħ, kien iħobb jgħid: ‘id-devozzjoni, hija imitazzjoni’. Jekk inti devot tal-Madonna, ipprova imita xi virtù tagħha, imqar ħaġa waħda: l-ispirtu tal-qadi pereżempju, l-ispirtu tat-talb, l-għożża tas-silenzju, il-bżulija, is-solidarjetà ma’ min hu batut, bħalma l-Madonna ħadet ħsieb lil Eliżabetta għal tliet xhur sakemm welldet it-tifel. Meta f’Kana tal-Galilija tinduna li dawn l-għarajjes ma għandhomx inbid, tirranġalhom b’xi mod, għax hi ma kinitx taf tbiddel l-ilma fl-inbid, imma kellha lil xi ħadd jirranġa. Fejn ma kinitx taf tasal hi, għadha sal-lum, tirranġa; imma mbagħad, hija wkoll ma’ Binha, fit-torturi tiegħu, fl-umiljazzjoni tiegħu ma abbandunatux. “Wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù, kien hemm ommu” (Ġw 19:25). Ma kinitx weħidha, kien hemm “ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa, u Marija ta’ Magdala” (Ġw 19:25). L-irġiel ħaduha naqra off dakinhar, ħlief għal wieħed. 

Aħna rridu nitgħallmu mill-Madonna. L-aħwa, il-warda tad-deheb, jekk aħna ma nikbrux fl-imitazzjoni tal-Madonna, x’se tiswielna? Tgħiduli: switilna ta’ Father, ara taħseb! Sagrifiċċju, sforz, ġenerożità. Bla dubju, dan kollu mbierek. Imma mis-sinjal sabiħ, konkret u apprezzat, irridu nisiltu xi ħaġa li tibdel il-ħajja tagħna. Din hi t-talba li nagħmlu f’riġlejn ix-xbieha għażiża ta’ Sidtna Marija, Sultana tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù.     


Diskors fl-okkażjoni tal-100 sena mit-twaqqif tas-Soċjetà Filarmonika Sliema

Jien għamilt dik l-omelija, allura mhux se ndum. Napprezza ħafna l-preżenza tagħkom. Kellna knisja mimlija nies, għax intom tagħmluha l-liturġija, il-poplu ta’ Alla. Napprezza ħafna; veru ma għandkomx bogħod għall-knisja minn hawn, kemm taqsmu t-triq. Jalla din il-viċinanza ma tkunx biss fiżika kif inhi, imma tibqa’ wkoll għaqda sabiħa bejn dan l-aspett kulturali li qegħdin tiċċelebraw – il-fatt li din hija soċjetà, għaqda ta’ nies, ta’  voluntiera, ta’ nies li jaħdmu b’dedikazzjoni – imma wkoll imqanqlin bl-ispirtu ta’ fraternità ta’ nies ta’ fidi. Jiena nixtieq ukoll, kif ktibt fil-messaġġ awgurali, li dan iċ-ċentinarju mhux biss tiċċelebrawh, imma jkun għalikom ukoll impenn biex tkomplu tkunu xhieda sabiħa ta’ kultura Nisranija, kultura wkoll li tgħolli l-kapaċitajiet ta’ kull wieħed u kull waħda minna, u bil-ftit ta’ kulħadd isiru affarijiet kbar. 

Din l-omaġġ li tajtu llum lil Sidtna Marija, Sultana tal-Qalb ta’ Ġesù, hija espressjoni lejn l-imħabba tagħkom. Nitlob fuqkom il-barka tal-Mulej, bl-interċessjoni ta’ Ommu, fuqkom u fuq il-familji tagħkom, fuq uliedkom, u fuq il-qraba tagħkom. Kif qal il-President, ta’ min dejjem ma ninsew qatt lil min ħadem u li ma għadux magħna, għax aħna nemmnu wkoll li hemm għaqda bejnietna. Allura dak il-patrimonju li ħallew ta’ qabilna jibqa’ magħna wkoll, kif jibqa’ l-eżempju li nħallu lil xulxin. Nawguralkom minn issa l-festa t-tajba; imma nawguralkom ukoll li tkomplu f’din il-ħidma f’dan l-ambjent tassew sabiħ.

Ħadt pjaċir li kelli l-opportunità, din id-darba, li nkun f’sikkti biżżejjed biex inkun nista’, għaliex fl-inkurunazzjoni, il-Madonna għenitni biex nagħmel dak li kelli bżonn nagħmel. Intom ħfirtuhieli. Imma llum id-dejn kelli nroddu sewwa.

✠ Charles Jude Scicluna
    Archbishop of Malta


Qari tal-Quddiesa

Qari I: Sirak 24:1,16-22
Salm: Luqa 1:46-55
Qari II: Galatin 4:4-7
L-Evanġelju: Luqa 1:26-33

More Photos