L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
L-Evanġelju juża l-verb mistgħaġeb darbtejn: “dak li semmgħuh bdew jistgħaġbu u jgħidu mnejn kisbu dan kollu” (Mk 6:2), u jikkonkludi li Ġesù “baqa’ mistgħaġeb bin-nuqqas ta’ fidi tagħhom” (Mk 6:6). Hemm żewġ reazzjonijiet ta’ dawk li kienu jafu l-familja ta’ Ġesù u rawh jikber quddiemhom bħala mastrudaxxa, bin il-mistrudaxxa Ġużeppi u Marija, u hemm ukoll ir-reazzjoni ta’ Ġesù li jifhem lin-nies ta’ Nazzaret, tar-raħal fejn trabba, ma jistgħux jilqgħuh. Huma mfixkla. L-Evanġelju juża l-kelma qawwa: skandalizzati ħabba fih.
U x’inhu dan l-iskandlu, il-fatt li sempliċi mastrudaxxa, handyman illum, għaliex il-mastrudaxxa ta’ żmien Ġesù ma kienx jaħdem biss fl-injam, bħalma kien jagħmel il-papà tiegħi, pereżempju, imma kien ukoll kien ħaddied. Kien dak li kien jidħol fid-dar tiegħek u dak kollu li għandek bżonn jipprova jgħinek fih. Il-mastrudaxxa taż-żmien Ġesù bħalma kien Ġużeppi u bħalma kien Ġesù stess, kien il-ħabib ta’ ħafna familji. Jiġri xi ħaġa: “ejjew insejħu lill-mastrudaxxa” – imma tkun xi tkun, biex dak li jkun propjament bil-ħila tal-id, jagħti daqqa t’id, kif ngħidu bil-Malti, u jgħinna. Immaġina lil Ġużeppi u lil Ġesù jidħlu fid-djar ta’ Nazaret. Kienu magħrufa, kienu jafuhom.
U kienu jafu wkoll il-familja ta’ Ġużeppi, il-familja ta’ Marija, dawk li jissejħu fl-Evanġelju, l-aħwa ta’ Ġesù. L-irġiel jissemmew b’isimhom: Ġakbu, Ġosè, Ġuda u Xmun. U jissemmew il-bniet, waħda minnhom tissemma’ wkoll fl-Evanġelju ta’ San Ġwann li qiegħda taħt is-salib ta’ Ġesù flimkien ma’ “ommu, oħt ommu” (Ġw 19:25) li kienet magħha proprju fil-Ġimgħa l-Kbira.
Għaliex tfixklu? Għax inti ma tippretendix li l-Iben ta’ Alla jkun mastrudaxxa, li jagħmel ħajtu fostna mingħajr pretensjoni ta’ xejn, ħajja ta’ xogħol, ħajja ta’ faqar. L-idea tal-Messija li kellhom il-kontemporanji ta’ Ġesù kienet totalment differenti. Imma Ġesù jilmenta wkoll li f’pajjiżu ma jħossux milqugħ, mentri f’ambjenti oħra tal-Galilija u tal-Lhudija kien milqugħ.
U għalhekk il-Knisja tissuġġerilna l-ewwel qari mill-Profeta Eżekjel fejn il-vokazzjoni tal-profeta jimmaġina ma’ missjoni ma’ poplu rasu iebsa: “O bniedem qiegħed nibgħatek għand ulied Iżrael, ġens ta’ nies rashom iebsa li rvellaw kontra tiegħi” (Eżek 2:2). L-aħwa, ejjew nistaqsu lilna nfusna llum f’dan l-14-il Ħadd matul is-Sena. Din il-kelma mill-profeta Eżekjel tgħodd xi ftit għalina? Aħna webbisna rasna? Irvellajna kontra Alla? U allura wieħed jifhem għaliex meta nisimgħu l-Kelma ta’ Alla jew min iwassalilna, nittarrxu għaliha – “jisimgħu u ma jisimgħux. Nies ta’ ras iebsa huma” (Eżek 2:5).
Imma l-Mulej ma jaqtax qalbu. Jibqa’ jibgħat fost il-poplu tiegħu u jibgħat f’nofsna l-profeti. Tgħiduli min huma dawn? Huma l-qaddisin tal-lum. Fiż-żmien bagħat lil San Franġisk t’Assisi. Iżjed qrib lejna bagħat lil Madre Tereża tal-Kalkutta u qaddisin oħrajn li mhumiex daqshekk magħrufin u kbar. U allura kull wieħed u waħda minna, jekk nisimgħu lill-Mulej u nobduh, nafu nsiru wkoll messaġġiera tal-Kelma tiegħu, li meta twissik mhux biex tkissrek, meta ċċanfrek mhux biex tumiljak imma biex tgħinek bħal missier li jħobb lil ibnu u jwiddbu, bħall-omm li tħobb lil bintha u twissiha. Dak ukoll kliem ta’ mħabba u l-profeta għalkemm jista’ jkun li niddarsu meta nisimgħuh qed jitkellem f’isem Alla bl-istess imħabba. Il-kelma tal-profeta vera hi dejjem kelma ta’ ħabib.
Hemm nota li forsi ġġagħalna naħsbu ħafna u nieqaf biha: hemmhekk, jiġifieri Nazaret, fejn trabba, jgħidilna l-Evanġelju ta’ San Mark: “ma seta’ jagħmel l-ebda miraklu?” (Mk 6:5). Għaliex? Għax ma kellux il-qawwa li jagħmel mirakli li għamel f’postijiet oħra, Galilija jew Lhudija? Imma għax il-qalb iebsa tagħna tagħlaq il-bieb għall-ħniena, għall-grazzja, għall-intervent ta’ Alla f’pajjiżna. Mela llum, aħna min aħna, ejjew nitgħallmu min-nies ta’ Nazaret, kemm jista’ jkun mhux biex nagħmlu bħalhom imma nifhmu li aħna forsi familjari ma’ Ġesù u man-nies tiegħu u forsi nitfixklu wkoll għaliex familiarity breeds contempt, nieqfu ftit u ngħidu: minflok nitfixkel u niskandalizza ruħi mhux aħjar nisma’ tassew il-kelma ta’ ħabib li ġejja minn bniedem dgħajjef li għandu bżonn jismagħha daqskemm għandi bżonn nismagħha jien? Għax l-ewwel wieħed li għandu bżonn jisma’ l-Kelma ta’ Alla hu dak li qed jaqsamha magħkom bħalissa. L-isqof l-ewwel wieħed li jrid jisma’ l-Kelma ta’ Alla u jipprova jobdiha. Imma l-isqof hu l-ewwel wieħel li jaqsam ma’ ħutu d-dgħufija u l-fraġilità.
U l-kelma tal-Appostlu Missierna tagħmlilna kuraġġ. Il-kelma li rċieva meta talab li jinħeles mix-xewka li tumiljah kienet kelma għalina wkoll: “biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi għax l-qawwa tiegħi tidher l-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef.” (2 Kor 12:9).
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Eżek 2:2-5
Salm: 122(123):1-2a,2bċd,3-4
Qari II: 2 Kor 12:7-10
L-Evanġelju: Mk 6:1-6