Waqt il-programm The Handbook fuq RTK103, Miriana Fenech Caruana tkellmet fuq kif fix-xogħol tagħha bħala occupational therapist, tipprova tħares lejn in-nies bħala persuni individwali bl-istorja unika tagħhom iktar milli bħala numru jew każ ieħor mal-oħrajn.
Il-mistednin ta’ The Handbook ta’ din il-ġimgħa huma Fr Charles Tabone u Miriana Fenech Caruana. The Handbook jixxandar kuljum fuq RTK103 fil-05.30, fis-12:40, fis-19.20 u fid-21.30, kif ukoll fuq Facebook permezz tal-paġna The Handbook.
Silta mill-qari tal-lum
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew – Mt 20, 1-16a
Għal filgħaxija mbagħad sid l-għalqa qal lill-prokuratur tiegħu: “Sejjaħ lill-ħaddiema u ħallashom, ibda minn dawk li ġew l-aħħar u spiċċa b’dawk tal-ewwel”. Ġew dawk li daħlu għax-xogħol fil-ħdax-il siegħa u ħadu dinar kull wieħed. Ġew tal-ewwel, u stennew li kienu se jirċievu iktar, iżda huma wkoll ħadu dinar kull wieħed. Huma u jitħallsu qabdu jgemgmu kontra s-sid u jgħidu: “Dawn tal-aħħar, siegħa waħda għamlu, u int qisthom bħalna li tgħabbejna bil-piż tal-jum u s-sħana!”.
Qabeż is-sid u qal lil wieħed minnhom: “Ħabib, minn xejn ma nqastek jien; mhux b’dinar ftehemt miegħi? Ħu li jmissek u itlaq. Lil dan tal-aħħar irrid nagħtih daqs kemm tajt lilek. Ma nistax nagħmel li rrid bi ħwejġi jien? Jew qiegħed tgħir għax jien qalbi tajba?”. Hekk tal-aħħar jiġu l-ewwel, u tal-ewwel jiġu l-aħħar”.
Source: Newsbook.com.mt
Article written by George Cassar