Filmati: Miguela Xuereb
24 ta’ Novembru tat-2003.
Data li sa qabel it-8 ta’ Mejju 2025 kienet komuni biss wara ħadet sinifikat ġdid għaliex Robert Prevost laħaq il-Kap il-ġdid tal-Knisja Kattolika, u issa l-kitba li kiteb fuq il-ktieb tal-Millenium Chapel saret ħafna aktar għażiża għal Fr Hilary Tagliaferro li hu wkoll Agostinjan.
Interessanti li l-Papa Ljun XIV fl-2003 kien żar din il-kappella f’Paceville meta kien Ġeneral tal-Ordni Agostinjana. Hu apprezza l-laqgħa li kellu man-nies li b’mod ġeneruż jagħtu mill-ħin tagħhom f’dak il-post sagru ta’ talb u baqa’ impressjonat bil-paċi li joffri dan l-ispazju sagru.
Fr Hilary Tagliaferro jafu personalment għax ħadem miegħu fil-qrib meta kien appuntah fuq il-Kummissjoni tal-Lajċi fl-Għaqda tan-Nazzjonijiet Magħquda. Huwa qal li hu bniedem dħuli imma wkoll intelliġenti.
“Nemmen fl-Ispirtu s-Santu li tana din il-grazzja bħala Knisja għax ġie f’mument kruċjali, anke bħala Amerikan għax hemm tensjoni kbira bejn il-Knisja u l-Istat Amerikan, dan kapaċi jfejjaq din il-ġerħa” stqarr Fr Hilary meta kien qed jitkellem dwar il-vantaġġi li għandu Prevost. Kompla jgħid li t-12-il sena li għamel idur id-dinja bħala Ġeneral tal-Agostinjani se jiswuh tajjeb għax jaf kemm id-dinja għandha bżonn il-paċi fil-kunflitti.
Għalfejn dħalt mal-Agostinjani?
Kien imur jistudja l-Latin għand Patri Agostinjan meta l-Agostinjani marru Ħal Tarxien, f’żona li hija bejn Raħal Ġdid u Ħal Tarxien u ra l-entużjażmu li dawn ġabu magħhom u kif resqu viċin in-nies din inkorraġitu biex ifittex u jistaqsi aktar imma minn hemm bdiet ix-xrara tal-vokazzjoni tiegħu. Spjega li t-triq xorta waħda ma kenitx faċli. Wara li mar jistudja Ruma u sar Agostinjan u kien għamel erba’ snin Ħal Tarxien propju fejn bdiet il-vokazzjoni tiegħu. Hu rrakkonta wkoll li kellu d-dubji tiegħu qabel sar Agostinjan anke minħabba d-dinja tal-isport imma rnexxielu jwaħħadhom flimkien.
Xi tfisser għalik il-Millenium Chapel?
Iħoss li l-Millenium Chapel ġiet tard u xtaq li kieku din ġiet qabel. Hu ma kienx jara l-Paceville bħala post ta’ ħażen imma bħala post ta’ divertiment imma ra li kull ma kien jonqos kien dan il-post maqtugħ għal kwiet ‘il bogħod mill-ġenn fejn wieħed “jista’ jsib il-paċi, is-skiet, jirrifletti, jibki kif ukoll jifraħ.”
Fis-sena 2000 huwa ltaqa’ mal-perit Richard England u qallu b’din l-idea ta’ spazju sagru f’post ta’ divertiment u “dak ħataf din l-okkażżjoni biex tana dan il-ġojjell”. Hu qal li l-għan hu li jkun spazju li jolqot lil ruħ imma wkoll lil ġisem, it-tnejn flimkien u fakkar is-servizzi li joffru lill-anzjani, homeless, refuġjati u lil dawk li jħabbtu l-bieb tagħhom. Barra ikel u ħwejjeġ huma joffru sessjonijiet ta’ counselling għal min qed jipprova jgħeleb xi vizzju, għal min iħoss li għandu bżonn għajnuna għas-saħħa mentali tiegħu u anke biex wieħed ikollu relazzjonijiet tajbin. Jemmen li qed isir ħafna xogħol “mhux biss biex bniedem isalva fir-ruħ imma bniedem iħares ġismu u jgħix ħajja sewwa.”
Il-messaġġ konklussiv tiegħu għaż-żgħażagħ kien, “ħobbu l-isports. Dan jgħinkom tgħixu l-ħajja fis-saħħa tar-ruħ u tal-ġisem u jgawduha għax il-ħajja hija sabiħa.”
Sors: Newsbook Malta