Għadna kemm smajna tiġi proklamata paġna traġika mill-Evanġelju skont San Mark. Ġwanni l-Battista  kellu l-kuraġġ jitkellem il-verità lill-poter: kif nghidu b’esperessjoni qawwija bl-Ingliż: ‘He had the courage to speak truth to power’ u tilef rasu. Aħna bil-Malti meta ngħidu ‘tilef rasu’ nifhmu li bniedem jew siker f’xi passjoni, tista’ tkun il-poter jew ir-regħba, jew litteralment tilef rasu. Ġwanni l-Battista tilef rasu għax qatgħuhilu. Ftit ’il bogħod minn hawn għandna kapulavur ta’ Carvaggio, l-unika wieħed li ffirma, li jimmortalizza din ix-xena tremenda u traġika, tal-poter li quddiem il-verità m’għandux risposta oħra ħlief il-vjolenza.

Jalla l-kelma li tinstema’ minn hawn tkun ta’ faraġ u dawl.

U intom tifhmu li dan huwa diskors antik u attwali. Moħħi jmur fl-Iran u fl-Afganistan. Imma anke qrib tagħna. Kulturi li mingħalihom jiċċelebraw il-libertà, imma qegħdin fil-ħakma ta’ reġim awtokratiku. Min jista’ jifhem, ħa jifhem.

Aħna nitolbu llum min din il-knisja, li l-Ġiżwiti bnew biex jwasslu l-verità lis-soċjetà tagħna, sakemm imbagħad il-poter keċċiehom, u bdiet l-Università ta’ Malta. Nawgura li l-Università ta’ Malta, li mill-bidu tagħha fi żmien il-Gran Mastru Pinto, kienet f’din il-knisja, iċċelebrat ħajjitha f’din il-knisja, ikollha l-poter tkun bejta ta’ verità, u mhux ta’ qerq. Ikun għajb għall-Università li tħaddan fi ħdanha min minflok jiċċelebra l-verità, jinganna u jwassal il-qerq.

Jiena nitlob fuqkom u għalikom, biex l-għerf li tagħkom Alla tużawh għall-glorja tiegħu u għall-ġid tal-bnedmin.

Nawgura wkoll, li minn din il-knisja li hija mument ieħor ta’ kooperazzjoni sabiħa bejn l-Istat u l-Knisja, mhux biss titla’ liturġija għall-glorja ta’ Alla, imma l-bnedmin ikollhom esperjenza ta’ sbuħija li tillibera, isserraħ u televa. Jalla l-kelma li tinstema’ minn hawn tkun ta’ faraġ u dawl.

Ħuti miġburin f’din id-dar ta’ Alla li llum terġa’ tingħata għall-qadi tal-kult u tal-missjoni tal-knisja, b’qalb mimlija radd il-ħajr lil Alla li mexxa l-poplu tiegħu tul iż-żminijijet, ejjew inressqu quddiemu t-talbiet tagħna, b’fiduċja fil-providenza tiegħu li qatt ma tabbanduna lill-Knisja.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Sirak 47:2-13
Salm: 17 (18):31,47 u 50,51
L-Evanġelju: Mk 6:14-29

Aktar ritratti