L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Hemm żewġ kelmiet li jfissru tajjeb ħafna l-messaġġ li Ġesù jagħti fl-Evanġelju llum lil dawk in-nies li kienu qrib tiegħu, u lilna wkoll: umiltà u ġenerożità. Hawnhekk Ġesù kien mistieden mal-oħrajn, u kienu madwar mejda, u kien qed jinnota kif il-mistednin bdew jagħżlu l-postijiet ta’ quddiem fil-mejda. Ikla bħal din ma kinetx sempliċiment ikla, imma kien ikun hemm  postijiet ta’ unur, u qisu jekk inti ssib post tajjeb, is-siġġu juri kemm int importanti.

Ġesù ried li juża dan l-episodju biex jagħti messaġġ lil dawk in-nies, u lilna lkoll, mhux biss għal x’jiġri waqt l-ikel imma messaġġ għall-ħajja kollha.

M’aħniex superjuri fuq l-oħrajn

L-ewwel nett, l-umiltà. Ġesù jgħidilhom: meta xi ħadd jistiednek, “tmurx toqgħod fil-post ta’ quddiem” (Lq 14:8), timbotta lilek innifsek ’il quddiem. Jgħid: oqgħod fl-aħħar, imbagħad fil-każ itellgħek xi ħadd aktar ’il quddiem. Ġesù qed jgħid kemm hu importanti li aħna ma nfittxux lilna nfusna, sempliċiment biex aħna mmexxu lilna nfusna fuq l-oħrajn, jew iktar importanti mill-oħrajn. Hawnhekk Ġesù mhux qed jgħid li tagħmel affarijiet b’ipokresija, jew biex tidher umli, qisha din xi strateġija biex jarawk sabiħ; imma qed jgħid li dan għandu jkun l-istil tal-ħajja tagħna.

Meta ngħidu “umiltà ”, xi tfisser? Umiltà  tfisser verità. Umiltà  ma tfissirx li jien ngħid “jien ma niswa xejn, jien m’jien xejn”. Dik mhix umiltà. Dak sens ta’ inferjorità. Umiltà tfisser li tgħid: mhux kollox idur madwari fid-dinja; u jien għandi nfittex li bħal Ġesù, l-ispirtu tiegħi jkun li naqdi lill-oħrajn, mhux li niġbed l-attenzjoni fuqi. Din hija tentazzjoni: li aħna niġbdu l-attenzjoni fuqna nfusna. Kultant din taraha llum anke minn kif persuna tilbes, jew ma tilbisx. Qisu qed tgħidlek: ħares lejja, int u għaddej, ħares lejja! Hekk ikun il-messaġġ. Din l-idea li aħna rridu n-nies iħarsu lejna, kollox idur madwarna, u li aħna nimbuttaw lilna nfusna biex nidhru aktar importanti mill-oħrajn, superjuri fuq l-oħrajn.

Min jitkabbar, jiċċekken

Dak hu kontra l-ispirtu li għallimna Ġesù. U Ġesù jgħid: “min jitkabbar, jiċċekken” (Lq 14:11). Qalitu dan b’mod sabiħ ħafna Marija fil-Magnificat, meta qalet: “Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, u għolla ċ-ċkejknin” (Lq 1:52). Rajnieh ukoll fl-Ewwel Qari, mill-Ktieb ta’ Bin Sirak: kif Alla jmexxi ’l quddiem lil min hu umli, jaħdem permezz ta’ min hu umli. Għalhekk, dan hu messaġġ importanti ħafna għalina: li aħna nagħrfu kif għandna ngħixu b’dan l-ispirtu. U meta ngħidu umiltà, mhux qisu martirju għax qed ngħixu l-umiltà, imma bil-ferħ. Għax hemm tassew issib il-paċi, issib il-ferħ u l-imħabba kollha – meta tgħix dan l-ispirtu li għallimna Ġesù li, kif smajna fl-Akklamazzjoni ta’ qabel l-Evanġelju, jgħid: “…tgħallmu minni għax jiena ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11:29).

Mhux: pjaċir bi pjaċir

Imbagħad Ġesù jgħaddi messaġġ ieħor importanti dwar il-ġenerożità. Hu jgħid: meta tagħti ikel jew pranzu, “tistedinx lil ħbiebek, jew lil ħutek, jew lil qrabatek, anqas ġirien għonja” (Lq 14:12). Għaliex? Għax dawn għandhom mnejn iroddulek il-pjaċir li tkun għamiltilhom. Hu jgħid: Imma “stieden il-foqra, il-magħtubin, iz-zopop, l-għomja… għax dawn ma għandhomx biex iroddulek pjaċir bi pjaċir” (Lq 14:13-14). 

X’qed jgħid Ġesù? Hu mhux kontra li aħna jkollna okkażjonijet familjari jew ma’ ħbieb, li tistedinhom; hu stess kien imur għand nies ħbieb tiegħu. Imma hu qed jgħid: dak li għandu jmexxina, il-motivazzjoni ma għandhiex tkun: nagħmel pjaċir biex irodduli l-pjaċir; nagħmel xi ħaġa ta’ ġid biex nirċievi xi ħaġa ta’ ġid; nagħmel xi ħaġa li biha ngħin, biex imbagħad jagħtuni lura. Din l-idea ta’ pjaċir bi pjaċir. Kontra dan qed jgħid Ġesù.

Nixbhu lil Alla

Hu jgħid: aħna għandna naħdmu ħafna aktar biex il-ħajja tagħna tkun ħajja ta’ ġenerożità. Għax fil-ġenerożità nkunu qed nixbhu lil Alla li jħobbna mhux għax qed jistenna xi ħaġa minna, imma jħobbna dejjem aħna kif aħna. Ingawdu aħna meta aħna nwieġbu għall-imħabba tiegħu bl-imħabba tagħna, imma hu jħobbna għaliex jixtieq jaqsam dil-ħajja ta’ mħabba magħna. Għalhekk, kemm hu sabiħ meta tkun tmexxina l-ġenerożità fil-ħajja tagħna.

Nitolbu lill-Mulej illum biex aħna ngħixu dan l-ispirtu. Niftakru li l-valur tal-ħajja tagħna mhux għax ħaddieħor jurina rispett, mhux għax ikollna l-kunsens ta’ ħaddieħor. Il-valur mhux ġej mill-oħrajn. Ġej mill-imħabba ta’ Alla li jħobbna b’imħabba kbira. Imbagħad, għax iħobbna nistgħu naqsmu din l-imħabba mal-oħrajn.

L-Ewkaristija: l-ikla miftuħa għal kulħadd

Hu dan li aħna niċċelebraw fl-Ewkaristija. L-Ewkaristija, li tgħaqqadna flimkien, għandha dan l-iskop. Meta aħna niġu għall-quddiesa, innutaw li hi bħalma qed jgħid Ġesù, ninġabru madwar il-mejda tal-ikel, il-mejda tal-Ewkaristija. Meta aħna niġu fil-knisja, hi miftuħa għal kulħadd. Ma hemmx siġġijiet partikulari, neħħi okkażjonijiet speċjali meta trid tistieden lil ċerti nies. Imma l-quddiesa tal-Ħadd li aħna niċċelebraw hi miftuħa għal kulħadd, biex jiġi kulħadd. Alla ma jagħmilx distinzjoni: dik aqwa, dak aħjar minn ħaddieħor. Jiġi kulħadd, biex aħna tassew ngħixu dan l-ispirtu tal-Mulej, jiġifieri l-ispirtu li kulħadd għandu valur, kulħadd hu importanti, u l-ispirtu ta’ ġenerożità.

Nitolbu lill-Mulej illum, ispirati mill-kelma tiegħu, biex jagħtina l-grazzja tal-umiltà – li ma nfittxux lilna nfusna, imma nfittxu li ngħixu b’qalb bħal tiegħu, ta’ ġid u għajnuna għall-oħrajn – u jagħtina l-grazzja tal-ġenerozità biex f’dak kollu li nagħmlu nkunu ġenerużi ħalli hekk nixbhu tassew il-qalb ta’ Alla mimlija mħabba u ġenerożità lejna.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta