L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Qamet kwistjoni bejn id-dixxipli dwar min kien l-akbar fosthom” (Lq 9:46). Dan hu li jgħid San Luqa fl-Evanġelju tiegħu llum, u mal-ewwel nintebhu kemm dawn id-dixxipli ma kinux fehmu tassew, sa dak il-mument, min kien Ġesù, u x’kien qed jgħallimhom Ġesù. Ftit qabel din is-silta, Ġesù kien qed iħabbrilhom, għat-tieni darba, li se jgħaddi mill-mewt li twassal għall-qawmien, li se jgħaddi mis-sofferenza. Hu jitkellem fuq hekk u dawn jitkellmu fuq min kien l-akbar fosthom!
Aħna nafu li Ġesù jaqra l-moħħ u jaqra l-qalb. Hu mal-ewwel induna b’dan, u biex jagħti tagħlima lid-dixxipli tiegħu u lilna wkoll, ressaq tifel żgħir maġenbu u qalilhom: “Min jilqa’ lil dan it-tifel żgħir minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili; u min jilqa’ lili jkun jilqa’ lil dak li bagħatni” (Lq 9:48). Ara Ġesù, b’mod prattiku ħafna, kif jagħti din it-tagħlima. Hu ressaq tifel żgħir, u aħna normalment tifel żgħir nikkmandawh, ngħidulu x’jagħmel. Imma Ġesù qed jgħid: ilqgħu bl-imħabba, u meta tilqa’ lilu tkun qed tilqa’ wkoll lili, jgħid Ġesù, “Għax min hu l-iżgħar fostkom, dak hu l-kbir” (Lq 9:48). Tindunaw li Ġesù qed jgħid xi ħaġa differenti ħafna minn dak li kienu jaħsbu d-dixxipli tiegħu, u jrid jagħti tagħlima importanti.
L-ewwel nett nixtieq li tinnutaw l-enfasi li għamel Ġesù li nilqgħu lit-tfal iż-żgħar. Din tgħodd kullimkien, imma speċjalment fil-knisja. Il-knisja hija d-dar li tilqa’ lil kulħadd, u t-tfal iż-żgħar għandhom posthom fil-knisja. Ġesu qal: “Ħalluhom it-tfal iż-żgħar jiġu għandi” (Lq 18:16). Kultant ikun hemm min jgħid: u le, għax dawn jgħajtu, jagħmlu storbju, ifixklu, iġġibhomx. Dak żball. Ġesù jridna nilqgħu lit-tfal iż-żgħar, u dan nagħmluh l-ewwel nett fil-knisja li hi d-dar ta’ Alla. Hemm, meta nilqgħuhom, nindunaw kemm inkunu qegħdin ngħixu tassew dan li Ġesù jixtieq minna: li noħolqu ambjent ta’ mħabba li jilqa’ lil kulħadd, anke lit-tfal iż-żgħar. Anke jekk dawn jgħajtu, jew inkella f’mument minnhom iwerżqu – x’tistenna mit-tfal iż-żgħar? Min-naħa tagħna, li jistenna minna Ġesù hu li nilqgħuhom u nuruhom tassew l-imħabba.
Imbagħad Ġesù jagħti tagħlima tassew importanti dwar l-umiltà. X’inhi l-umiltà? Kultant ikollna ideja żbaljata. Hawn min jaħseb li l-umiltà għax twaqqa’ lilek innifsek, tħossok inferjuri, tarmi t-talenti tiegħek. Dik mhijiex umiltà. L-umilta hija l-verità – il-verità li aħna niddependu minn Alla. Il-ġid li għandna tahulna Alla, aħna għandna bżonn lilu, bħalma t-tfal iż-żgħar għandhom bżonn min jieħu ħsiebhom. Meta nagħrfu dan, nindunaw li ma għandniex għalxiex nitkabbru, jew nintefħu, jew li nħossuna superjuri għal ħaddieħor. Ma għandniex biex, għax lilna Alla ħalaqna xbieha tiegħu u jridna li nagħrfu li niddependu minnu u nkunu nixbhuh. Ġesu għallimna x’jiġifieri. Qal li l-kobor mhux għax inti tħossok superjuri fuq ħaddieħor imma għax taqdi, għax taqdi bl-imħabba, kif smajna fl-Akklamazzjoni ta’ qabel l-Evanġelju: “Bin il-bniedem ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra” (Mt 20:28).
Din hi l-umiltà. Għandna bżonnha ħafna. Kultant tisma’ ċertu diskors, anke f’mumenti ta’ ċelebrazzjonjiet fil-komunitajiet tagħna: aħna superjuri, aħna dominanti; u taraha miktuba wkoll. Dak hu kliem eżatt il-kontra ta’ dan li qed jgħid Ġesù. Aħna ma aħna superjuri fuq ħadd, dominanti fuq ħadd, imma aħna qegħdin hemm biex naqdu bħalma għallimna hu.
Imbagħad Ġesù jgħid ħaġa oħra importanti ħafna fl-Evanġelju mal-umiltà, li hi l-inklussività. Il-komunità li waqqaf Ġesù għandha tkun komunità li tilqa’, li tinkludi. Fl-Evanġelju, Ġwanni, wieħed mid-dixxipli, qal lil Ġesù: rajna xi ħadd li kien qed ikeċċi x-xjaten f’ismek, u ridna nżommuh – innutaw il-kliem – “għax hu mhux wieħed minn tagħna” (Lq 9:49). U Ġesù qalilhom: “La zzommuhx, għax min mhuwiex kontra tagħkom huwa magħkom” (Lq 9:50). Il-komunità li waqqaf Ġesù hija komunità li tinkludi lil kulħadd, fejn kulħadd għandu jsib ruħu maħbub u milqugħ.
Nitolbu lill-Mulej illum jagħtina l-grazzja tal-umiltà u tal-inklussività, biex nagħrfu ngħixu tassew kif iridna hu, speċjalment bħala komunità Nisranija.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju