L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Ix-xena tal-Evanġelju tal-lum hija propju fl-għadira enormi ta’ Ġenesaret jew inkella magħrufa wkoll bħala l-Baħar tal-Galilija. Huwa baħar ta’ ilma ħelu, mhux bħall-Mediterran li huwa baħar mielaħ. Huwa wkoll għadira ħafna ’l isfel mil-livell tal-Baħar Mediterran u mdawwar bl-għoljiet u bil-muntanji. Allura tinżel arja kiesħa malli tmiss il-baħar jew inkella meta l-ilma li jkun relattivament sħun jinqalgħu ħafna tempesti fuq din li aħna nafuha bħala l-Għadira tal-Galilija, il-Baħar tal-Galilija.
Hawnhekk Ġesù terraq diversi drabi bid-dgħajsa min-naħa għall-oħra bħalma proprju għamel f’dan il-mument minn kapitlu 4 ta’ San Mark. Wara ġurnata jgħallem, Ġesù jorqod, jgħejja u jintefa’ fil-poppa ta’ din id-dgħajsa fuq imħadda u jorqod raqda profonda. Għalkemm madwaru hemm tempesta qalila u riefnu, jibqa’ rieqed. Sħabu, li ħafna minnhom huma sajjieda, jaqbadhom paniku kbir. Jagħmlulu mistoqsija li ħafna drabi aħna wkoll ngħiduha ’l Mulej: “Dan qisu xejn għalik li aħna se nintilfu?” (Mk 4:38). Min jaf kemm-il darba f’mumenti ta’ mard, f’mumenti ta’ qtigħ il-qalb jew ta’ tradiment dorna lejn il-Mulej u għednhielu: ‘Iva Mulej, m’intix qed tara? Mhu se tagħmel xejn? Tħallihom għaddejjin? Dan għaliex lili?’
Il-Papa Franġisku m’ilux qalilna biex meta nitolbu ngergrulu ftit lill-Mulej għax min imur għand missieru jgerger. L-ewwel nett lil missieru jafdah li huwa missier ta’ mħabba u li se jagħmel xi ħaġa. Nitkellmu ma’ Alla bħalma għamlu d-dixxipli ma’ Ġesù.
F’dan il-mument jimpressjonani l-fatt li Ġesù qiegħed rieqed. Din hija xena rari fl-Evanġelju. Ġesù ħafna drabi narawh qed jgħallem u jfejjaq. Bħalissa hu rieqed fuq dgħajsa waqt tempesta. Qed inħossu u nimmaġinah hieni u magħqud mar-rieda tal-Missier fil-paċi u allura rieqed ir-raqda ta’ min għandu kuxjenza safja. Bħal tarbija f’ħoġor ommha, hekk nimmaġinah lil Ġesù għalkemm kbir, jistrieħ fir-rieda tal-Missier.
Imma l-għajta tad-dixxipli għal Ġesù mhijex għajta vojta; iqum u jikkmanda lir-riħ u l-baħar biex jikkalmaw. Ir-reazzjoni tad-dixxipli hija reazzjoni ta’ kull raġel Lhudi: “Dan min hu, mela, biex saħansitra r-riħ u l-baħar jisimgħu minnu?” (Mk 4:41). Anke għaliex fil-mentalità ta’ żmien Ġesù l-baħar kien dejjem element ta’ periklu. Mhux biss il-Baħar Mediterran, li għalihom kien il-Baħar il-Kbir miżgħud bi gżejjer imbiegħda, imma anke l-Baħar tal-Galilija għax kien baħar perikoluż.
Għall-poplu Lhudi l-baħar kien sinjal ta’ dak kollu li hu ostili, ta’ dak kollu li hu perikoluż, li hu inkwiet, li hu tfixkil. Il-fatt li inti għandek s-setgħa fuqu tfisser li inti għanedk il-qawwa divina tikkalma ħafna inkwiet tal-ħajja. Għalhekk, dan is-sinjal li ngħatalna llum irid jgħinna jkollna dik il-fiduċja li Ġesù stess kellu fuq il-Missier li d-dixxipli jgħidilhom: “Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?” (Mk 4:40). Għadhom fil-bidu tal-mixja tagħhom wara Ġesù bħalma kultant inħossuna aħna wkoll li qegħdin fil-bidu tal-mixja.
Illum f’Jum il-Missier, kont qed naħseb ftit fuq kemm il-missier jaf jista’ jkun ukoll ħajt u sur ta’ kenn. Ġieni f’moħħi film ta’ Roberto Benigni La vita è bella, li l-istorja tiegħu hi romantika u ħelwa imma l-qofol tagħha huwa l-missier li jipproteġi lil ibnu Lhudi mill-attroċitajiet tal-gwerra u tan-Nazzisti. Qegħdin f’kamp ta’ konċentrament u l-missier, biex it-tifel ma jitwerrwirx bl-isparar u bil-moħqrija, jivvinta logħba. Il-missier jagħmel minn kollox biex jipproteġi lil ibnu. Mhux hekk jagħmel Alla? Il-ħarsa ta’ Ġesù fuq id-dixxipli tiegħu — imma anke r-raqda tiegħu fuq id-dgħajsa — tfakkar li qegħdin f’idejn tajba.
Kemm tkun ħaġa sabiħa li aħna, meta naħsbu f’missirijietna ħajjin u mejtin, nirringrazzjaw lill-Mulej u nitolbuh il-maħfra, għax ħadd mhu perfett, kulħadd għandu xi nuqqas, xi difett, xi tebgħa. Nitolbuh li l-missirijiet — li ħafna drabi donnhom assenti fis-soċjetà tagħna u fil-familji tagħna — ikunu iżjed preżenti b’dik l-imħabba li tagħti sigurtà, tama, u fiduċja.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġob 38: 1,8-11
Salm: 106 (107),23-24,25-26,28-29,30-31
Qari II: 2 Kor 5:14-17
Evanġelju: Mk 4:35-41