L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Mulej, kemm hu sew li aħna hawn!” (Mt 17:4) Dan huwa l-kliem ta’ Pietru, meta Ġesù tella’ lilu u lil tnejn oħra – Ġakbu u Ġwanni – fuq muntanja, u hemmhekk tbiddel quddiemhom f’din id-dehra hekk sabiħa u ta’ glorja. Kellu raġun jgħid “kemm hu sew li aħna hawn!”, għax hemmhekk kienet dehra verament sabiħa tal-glorja ta’ Ġesù. Miegħu kien hemm Mose u Elija, kif nistgħu naraw b’mod sabiħ fil-kwadru titulari, u tant kienet sabiħa li Pietru ried li jagħmel tliet tined, mhux għalih u għal Ġakbu u Ġwanni, imma nesa lilu nnifsu u li sħabu u ried jagħmel tliet tined, waħda għal Ġesù, waħda għal Mose u waħda Elija. Tant kienet sabiħa li ried li ttul din l-esperjenza, imma kif nafu kienet esperjenza qasira ħafna.
Ħjiel tal-Glorja
Hemmhekk Ġesù ta ħjiel tal-glorja tiegħu. Kien importanti ħafna li jagħti dan il-ħjiel, għax ftit wara kellu jgħaddi mill-passjoni u l-mewt. Jekk aħna nersqu ftit aktar ’il quddiem, u niftakru f’dawn it-tlieta min-nies – Pietru, Ġakbu u Ġwanni – li kienu ma’ Ġesù fl-Ort tal-Ġetsemani, hemmhekk ma qalux “kemm hu sew li aħna hawn”, lanqas qalu “kemm hu ħażin”, għax raqdu. Tliet darbiet mar Ġesù fejnhom, u jsibhom reqdin.
Din il-ġrajja tat-Trasfigurazzjoni għandha rabta kbira mal-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù, għax hu ried jurihom, bi ħjiel żgħir, dak li kien se jiġri wara l-passjoni u l-mewt. Dan biex ma jaħsbux li mal-passjoni u l-mewt spiċċa kollox, imma hemm xi ħaġa oħra speċjali li ġejja.
Rabta mal-Passjoni u l-Mewt
B’din id-dehra fuq il-muntanja ried jurihom li meta fil-passjoni jaraw wiċċu kkalpestat, bid-daqqiet ta’ ħarta, jiftakru f’din il-ġrajja meta wiċċu kien jiddi bħax-xemx; meta jarawh imneżża’ minn ħwejġu jiftakru f’din il-ġrajja meta lbiesu kien kollu dawl; u meta fuq is-salib jarawh imsallab b’ħalliel fuq naħa u oħra, jiftakru f’din il-ġrajja meta ħdejh kellu lil Mose u lil Elija; u meta fil-passjoni jisimgħu lil Ġesù jgħid dik l-għajta meħuda mis-salm “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” (Mt 27:46) jiftakru f’din il-ġrajja meta l-leħen tal-Missier qal: “Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi” (Mt 17:5).
Araw kemm hemm rabta mal-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù. Hu ried għalhekk jurihom li dak li kien se jgħaddi minnu ma kienx l-aħħar kelma, imma kellu jgħaddi mill-passjoni u l-mewt biex jikseb il-qawmien. Hekk se ngħidu ftit ieħor f’talba fil-quddiesa, b’referenza għad-dehra ta’ Ġesù: “biex is-salib ma jkunx ta’ tfixkil għad-dixxipli, u biex juri li fil-ġisem kollu tal-Knisja kellha sseħħ fil-milja tagħha l-glorja tal-għaġeb li dehret tiddi fir-ras tagħha, Kristu nnifsu”.
Inkoraġġiment kbir
Għalhekk il-messaġġ importanti li tagħtina din il-ġrajja hu messaġġ ta’ inkoraġġiment fil-ħajja, messaġġ ta’ dawl fil-mumenti ta’ dlam, kuraġġ fil-mumenti meta aħna naħbtu naqtgħu qalbna, ta’ għajnuna u sostenn fil-mumenti diffiċli tal-ħajja tagħna. Dan hu importanti ħafna. Diversi nies li qed isegwu din il-quddiesa fuq it-TV jew media soċjali qegħdin fis-sodda fl-isptar, jew f’dar tal-anzjani, jew waħedhom – kultant iħossu sentiment ta’ dwejjaq, ta’ qtigħ ta’ qalb.
Din il-ġrajja tagħmlilna ħafna kuraġġ. Turina li aħna ngħaddu fil-ħajja mis-salib, ngħaddu mit-tbatija, imma kif wegħidna Ġesù u wriena bl-qawmien tiegħu, l-aħħar kelma hi kelma glorjuża li jagħtina Ġesù. Lilna tagħmlilna kuraġġ biex qatt ma naqtgħu qalbna, qatt ma nintrikbu mid-dwejjaq u mit-tbatija li jkollna, imma nibqgħu mexjin ’il quddiem b’kuraġġ.
Nisimgħu lilu
Dan huwa l-messaġġ importanti li qed jagħti Ġesù lilna llum. Għalhekk tajjeb li lkoll nitolbuh biex dejjem inżommu lilu f’qalbna u f’moħħna. Hu jkun is-Salvatur tagħna, dak li fih insibu l-għaxqa ta’ ħajjitna, ħalli jmexxina ’l quddiem f’kull mument tal-ħajja tagħna. Messaġġ importanti li ta l-leħen tal-Missier kien: “isimgħu lilu”. Hu meta nisimgħu lilu, meta nħallu lilu jmexxina, li nistgħu tassew nimxu ’l quddiem b’kuraġġ anke fil-mumenti l-aktar diffiċli tal-ħajja tagħna.
It-talba li nagħmlu llum: Mulej, kun int tassew l-għaxqa tal-ħajja tagħna, kun int li tmexxina fil-ħajja tagħna, agħmel li nisimgħu leħnek, ngħixu skont dak li turina int, ħalli nibqgħu mexjin ’il quddiem anke fl-iktar mumenti diffiċli tal-ħajja tagħna, għax int dejjem takkumpanjana biex twassalna għall-glorja miegħek fis-sema.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta