-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Il-Knisja Parrokkjali, is-Swatar
23 ta’ Settembru 2018F’kitba tal-1947, Is-Salm ta’ Patri Franku, San Ġorġ Preca jdur lejn Alla, bħalma spiss kien iħobb jagħmel fit-talb personali u fil-kitbiet tiegħu, u jesklama li min jagħraf lil Alla, il-qalb tiegħu tgħum f’baħar ta’ paċi. Meta ngħid dawn il-kliem, u meta tkun taf l-istil tiegħu, mill-ewwel tagħraf li dawn huma kliem Dun Ġorġ: “Min jagħraf lil Alla, il-qalb tiegħu tgħum f’baħar ta’ paċi”.
Ħin minnhom Dun Ġorġ jgħid: “Għarfuk il-qaddisin”, u jsemmi lil Abraham, lil Iżakk, lil Ġakobb u lil David…dawn kollha bnedmin bħalna mżejnin bid-dgħufija. Imma ġustament, San Ġorġ Preca, ta’ bniedem qrib ħafna l-qalb ta’ Alla, għalkemm kien jaf mill-istudju tal-Iskrittura li David kien midneb imma nidem mid-dnub tiegħu, hu jniżżlu mal-qaddisin. Illum nistgħu ngħidu ‘għarfek San Ġorġ Preca’, u ma hediex iħabbar l-Evanġelju u l-Leħen il-Maħbub .
“X’inhi d-devozzjoni? Hija l-imitazzjoni”
Fl-istatwa li llum inawgurajna u berikna, San Ġorġ Preca mhux qed jippreżenta lilu nnifsu imma lil Ġesù, u hekk persważ li jixtieq li niftakruh u nqimuh. Kien iħobb jgħid: “X’inhi d-devozzjoni? Hija l-imitazzjoni”. Jiena devot lejn qaddis jekk nimitah. U aħna llum inħarsu lejn l-istatwa sabiħa, imbierku lil Alla tad-don li ta lill-artisti li għamluha, lill-benefatturi li kieku mingħajrhom m’aħniex qegħdin hawn illum, imma fl-istess ħin irridu nifhmu l-messaġġ profond ta’ din ix-xbieha. Mhux biss it-tifkira ta’ dak li għamel San Ġorġ Preca fil-Milied tal-1921 meta beda l-purċissjoni bil-Bambin, simili għal dak li għandu f’idejh f’din l-istatwa sabiħa, imma ejjew nifhmu li dan is-saċerdot ried jagħtina l-aqwa teżor: il-ħbiberija ma’ Ġesù.
Il-virtujiet kollha f’Ġesù Kurċifiss
San Ġorġ Preca ma kitibx biss L-Iskola ta’ Betlehem li hija preparazzjoni għas-soċji fin-novena tal-Milied li tippreparhom għal dak li ġara fil-lejl tal-Milied ġo Betlehem. Għax għalih Betlehem kienet skola ta’ għożża, ta’ ġabra, ta’ silenzju, ta’ faqar u ta’ ħlewwa, u għalhekk isejħilha l-skola ta’ Betlehem. Imma kiteb ukoll dak li hu sejjaħlu l-Ktieb il-Kbir. Għalih il-Ktieb il-Kbir kien Ġesù Kurċifiss għax kien jgħid u jgħallem, bħalma kien jgħid u jgħallem San Tumas ta’Akwinu, li meta tħares lejn Ġesù Kurċifiss titgħallem il-virtujiet kollha. Titgħallem il-maħfra tal-għedewwa, il-paċenzja, il-faqar, l-għatx għall-ġustizzja, l-imħabba lejn ommok u lejn il-ġenituri tiegħek, il-fidi fil-ġenna. Titgħallem dak kollu li għandek bżonn biex inti tgħix ħajja ta’ nies.
Għalih Betlehem kienet skola ta’ għożża,
ta’ ġabra, ta’ silenzju, ta’ faqar
u ta’ ħlewwaTajjeb li intom, li bil-volontà tal-Arċisqof Pawlu Cremona sirtu parroċċa taħt it-titlu ta’ San Ġorġ Preca u allura għandkom vokazzjoni partikolari, tirriflettu fuq il-kitbiet tiegħu u tużaw il-ħafna sentenzi qosra li għallimna. Bdejna b’waħda li jafuha wkoll is-siġġijiet imma tajjeb niftakruha f’qalbna: “Grazzi, Sinjur Alla, u aħfirli Sinjur Alla”.
“Ġid lil kulħadd, deni lil ħadd”
F’sentenza waħda ġabar dak li għandu jkun
l-atteġġjament tagħna lill-proxxmuFrażi oħra ta’ Dun Ġorġ Preca li nixtieq nikkonkludi biha hi: “Ġid lil kulħadd, deni lil ħadd”. Ara kemm kien għaref dan ir-raġel, dan il-Malti, dan is-saċerdot, dan il-qaddis. F’sentenza waħda ġabar dak li għandu jkun l-atteġġjament tagħna lill-proxxmu, hu min hu, hi min hi, tkun fejn tkun. Għalhekk jekk tkun ġo ħanut u qed jgħidu fuq xi ħadd: “Ġid lil kulħadd, deni lil ħadd”, jekk qiegħed fuq il-post tax-xogħol u hemm kwistjoni: “Ġid lil kulħadd, deni lil ħadd”, jekk għandek xi tgħid ma’ xi ħadd u qalbek tbaqbaq għall-vendetta: “Ġid lil kulħadd, deni lil ħadd”. U jekk trid tieħu l-parir tiegħu, inti u titlob quddiem l-istatwa mbierka ftakar f’talba għażiża ħafna għalih: “Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok”, u nkunu għedna kollox. “Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok!”
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ MaltaIr-ritratti huma aċċessibbli fuq il-websajt tar-Ritratti Uffiċjali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.
-
-
-
-
-