L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Fl-Evanġelju tal-lum Ġesù jieħu tlieta mid-dixxipli għezież tiegħu, inzertaw tliet sajjieda: Pietru jew Xmun Pietru u ż-żewġt aħwa Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew. Jeħodhom miegħu u jsejħilhom jitilgħu fuq muntanja. L-Evanġelju ta’ San Luqa jgħidilna li t-tradizzjoni tgħid li fuq il-Muntanja Tabor u l-Evanġelju ta’ San Luqa l-Mulej inġabar fit-talb. “Ġara li huwa hu jitlob id-dehra ta’ wiċċu tbiddlet u l-ilbiesi tiegħu saru ta’ bjuda li tgħammex” (Lq 9:29) .
Ġesù juri s-sbuħija tiegħu. Tant hu hekk li Pietru ħin minnhom jgħid: “Kemm hu sew li aħna hawn! Ħa nagħmlu tliet tined, Mulej, waħda għalik, waħda għal Mosè u waħda għal Elija” (Lq 9:33). Donnu ma riedx jitlaq minn dak il-post quddiem dik id-dehra ta’ Ġesù fil-glorja tiegħu.
Mosè u Elija jitkellmu ma’ Ġesù fuq dak li kellu jiġri f’Ġerusalemm. Propjament jitkellmu fuq it-tmiem ta’ ħajtu. Ġesù jidher sabiħ fil-glorja. Huwa l-Evanġelju ta’ San Luqa, l-uniku wieħed mit-tliet vanġeli li jagħtuna dan ir-rakkont, li jgħidilna xi bdew jgħidu bejniethom. Kienu qed jitkellmu fuq il-Ġimgħa l-Kbira: Ġesù li jiġi ttradut, arrestat, mitfugħ il-ħabs, ittorturat, iflaġġellat, imlibbes kuruna tax-xewk, mgħobbi bis-salib, imneżża’ minn ħwejġu, imsallab, u maqtul. Dan id-diskors isir kollu waqt li d-dixxipli qed jarawh fis-sbuħija tiegħu. X’irid jgħidilna Ġesù? M’hemm l-ebda mument tad-dlam fil-ħajja tagħna li ma jistax isir tieqa fuq is-sbuħija ta’ Alla u fuq il-ħniena tiegħu.
F’din il-mixja li bdejna tar-Randan, il-Knisja llum titlob talba speċjali li tlabnieha fil-bidu tal-quddiesa. Titlob biex jissaffew is-sensi tagħna. It-talba li għedna fil-bidu tal-quddiesa titkellem fuq żewġ sensi għeżież: dak tas-smigħ u dak tal-ħars. Tgħid hekk: “Agħmel li nsaffu l-għajnejn ta’ ruħna. Int tridna nisimgħu lil Ibnek il-għażiż, itmagħna bl-ikel tal-kelma tiegħu”. Meta nissaffew fil-ħarsa tagħna, “jissaffew l-għajnejn ta’ ruħna, nithennew bid-dehra tal-glorja tiegħu” (Kolletta).
Dan xi jfisser fil-ħajja tiegħi u tiegħek? Ħafna drabi naraw sal-ponta ta’ mneħirna, mhux hekk ngħidu? Inti taħseb li ħajtek mhi se tispiċċa qatt, imma ħajtek fuq din id-dinja, sabiħa kemm hi sabiħa, anke jekk għaddej minn mument diffiċli, tixtieq tkompli tgawdiha – speċjalment hemm barra mhux hawn (barra mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin). Inti taħseb f’persuna kemm hi gustuża, kemm hu gustuż. Imma dik il-ġilda! Il-ħarsa ta’ ruħek x’tgħidlek fuq il-persuna? Is-sbuħija tal-wiċċ jew it-tjubija tal-qalb?
Il-Mulej qed jgħinna, anke bil-ħarsa u l-ħlewwa tiegħu, biex nifhmu li fil-ħajja hemm affarijiet li ma jidhrux mill-ewwel imma huma importanti ħafna. Il-qalb teħber u l-qalb tifhem. B’xi mod il-Mulej jixtieq isaffi l-qalb tagħna kif inħarsu lejn xulxin. Inħarsu lejn xulxin b’rabja jew bil-paċenzja? Nifmhu lil xulxin? Nagħdru lil xulxin? Il-Mulej jgħinna li nħarsu lejn is-sbuħija tiegħu u ma ninsewx li jrid ineħħi minna t-tfixkil kollu li jġib it-toqol tal-ħajja, dak li anke t-talb tal-Knisja llum issejjaħlu l-iskandlu tas-salib: it-toqol u t-tfikxil li jġib is-salib f’ħajjitna. Il-Mulej, bis-sbuħija tiegħu, llum irid jeħlisna mis-salib u jrid jerfagħna. Mhux ineħħih, għax hu ma’ Mosè u Elija kien qed jitkellem fuq is-salib tiegħu, hu li kellu din il-glorja sabiħa.
Il-parir li jagħtina l-Missier tas-sema, nisimgħuh illum u tajjeb niftakruh: “Dan hu Ibni l-maħtur. Lilu isimgħu” (Lq 9:35). Il-Kelma ta’ Ġesù tgħinna nagħmlu għażliet tajba. Min jaf kemm-il darba għamilna għażliet ħżiena imma l-Kelma tal-Mulej titfa’ dawl fuq ħajjitna u tgħinna nagħmlu, anke llum, għażliet tajba.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġen 15:5-12,17-18
Salm: 26(27):1,7-8,9,13-14
Qari II: Fil 3:17–4:1
L-Evanġelju: Lq 9:28b-36