L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Kemm hu sabiħ li aħna nemmnu! Dan hu li tgħidilna l-Kelma ta’ Alla llum u tħeġġiġna biex nagħrfu s-sbuħija tal-fidi tagħna, kif ukoll is-sejħa biex b’responsabbiltà ngħixu din il-fidi fil-ħajja ta’ kuljum.
Nixtieq li nħarsu lejn il-Kelma ta’ Alla u naraw tliet messaġġi li tagħtina din il-Kelma, marbuta mas-sbuħija tal-fidi tagħna.
Min jemmen għandu l-għajnuna ta’ Alla
L-ewwel messaġġ: min jemmen għandu l-għajnuna ta’ Alla u jagħraf din l-għajnuna. Dan narawh b’mod tajjeb ħafna fl-Ewwel Qari, mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten, fejn hemm ir-rakkont tal-Profeta Elija. Ir-rakkont juri lil Elija li għeja u nxteħet taħt siġra u talab li jmut. Qal: “Issa biżżejjed, Mulej, ħudli ’l ħajti” (1 Slaten 19:4). Kien tant dispjaċut, u ħassu qed jaqta’ qalbu, għax fil-missjoni li Alla fdalu ltaqa’ ma’ oppożizzjoni kbira u ma’ nies li kienu qed ifittxu li joqtluh. Għalhekk idur lejn il-Mulej b’talba ħierġa minn qalb muġugħa.
Ir-rakkont juri kif Alla bagħatlu l-għajnuna: anġlu li tah l-ikel u x-xorb li kellu bżonn, u kien ta’ sostenn għalih, sostenn kontinwu ħalli jkompli fil-mixja tiegħu u jasal sat-tmiem.
Dan hu messaġġ siewi ħafna għalina: Alla jagħtina l-għajnuna. Jekk aħna nduru lejh, Alla jweġibna, bħalma tlabna fis-salm “Jien fittixt il-Mulej, u weġibni” (Salm 34:5). L-anġli li jibagħtilna llum huma persuni li jgħinuna fil-ħajja – kultant nindunaw bihom u drabi oħra le – nies li bil-kelma tagħhom, jew bil-preżenza tagħhom, jew bil-ħidma tagħhom ikunu ta’ sostenn għalina fil-mixja tal-ħajja.
Min jemmen għandu l-ħajja ta’ dejjem
It-tieni messaġġ hu fil-kliem ta’ Ġesù fl-Evanġelju: “Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen għandu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 6:47). Ġesù jinsisti ħafna fuq dan. Jgħid li huwa hu li jagħtina l-ħajja ta’ dejjem li tibda minn issa, minn din il-ħajja, imma li teħodna wkoll lil hinn mill-mewt – “jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum” (Ġw 6:40).
Ġesù jgħaqqad din il-ħajja ta’ dejjem mal-ħobż tal-ħajja: “Jien il-ħobż tal-ħajja” (Ġw 6:48). F’din is-silta mill-Evanġelju skont San Ġwann, din hi referenza ċara għall-Ewkaristija. Hija dik li niċċelebraw hawnhekk kull meta niltaqgħu flimkien f’Jum il-Mulej.
Innutaw fl-Evanġelju, meta n-nies ħarsu lejn Ġesù, bdew jgħidu: “Dan mhux Ġesù, bin Ġużeppi? Lil missieru u ommu ma nafuhomx?” (Ġw 6:42) Kienu qed jaraw lil Ġesù minn barra, imma ma kinux qed jagħrfu l-istorja kollha tiegħu, min kien tassew. Baqgħu fuq dak li jidher minn barra. L-istess hawn għall-Ewkaristija. Min jiġi hawn jista’ jgħid: dan mhux ħobż normali li jintuża għall-quddiesa? Jieqaf f’dak li jidher. Imma hawn, bil-qawwa ta’ Alla, il-ħobż isir il-ġisem ta’ Ġesù mogħti għalina, biex aħna jkollna l-ħajja ta’ dejjem – “il-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja” (Ġw 6:51).
Il-kliem ta’ Ġesù jħeġġiġna biex il-quddiesa tkun fiċ-ċentru tal-ħajja tagħna. Hawn aħna li nemmnu nsibu tassew il-ħajja ta’ dejjem. Il-quddiesa tgħinna biex nistgħu ngħożżu l-ħobż tal-ħajja, u dan isostnina f’ħajjitna. Irridu niftakru li dak li titlob minna l-Knisja li niġu hawnhekk għall-quddiesa f’Jum il-Mulej hu l-minimu. Huwa l-essenzjali biex aħna nkunu nistgħu tassew ngħixu l-ħajja ta’ dejjem. Huwa fatt li diversi Nsara illum jagħżlu li jgħixu taħt dan il-minimu. Imma nafu x’jiġri fil-ħajja, f’diversi oqsma, jekk tgħix taħt il-minimu. Inti tmur minn taħt!
Hawnhekk, fiċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa, nagħmlu l-esperjenza tal-kliem ta’ Ġesù li lilna tant jagħmlilna kuraġġ: “min jemmen għandu l-ħajja ta’ dejjem”.
Min jemmen għandu responsabbiltà
It-tielet messaġġ insibuh fit-Tieni Qari, fl-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin, meta jfakkarna: min
jemmen għandu responsabbiltà biex jgħix tassew dak li jemmen.
Għalhekk San Pawl jgħid: “Imrar, saħna, korla, tagħjir, għajjat, dan kollu warrbuh minnkom, u kull ħażen ieħor” (Ef 4:31). Qed isemmi l-ħajja ta’ kuljum, u kemm hu importanti li aħna nagħmlu sforz biex ngħixu dak li nemmnu fir-relazzjonijiet mal-oħrajn, fil-mod kif nittrattaw lil xulxin. Nafu li mhuwiex faċli, imma l-fidi rridu ngħixuha fir-rispett u l-imħabba lejn l-oħrajn.
Kultant issib min jgħid: għax jien hekk magħmul! Magħmul ngħajjat, nirrabja, jitilgħuli. Jista’ jkun li magħmul hekk maż-żmien, imma mhux magħmul hekk mill-bidu. Alla ma ħalaqniex hekk. Ħalaqna xbieha tiegħu, u rridu nagħmlu dan l-isforz biex ngħixu tassew bħala xbieha tiegħu. Kif jgħid San Pawl: “Kunu twajba ma’ xulxin, ħennu għal xulxin, aħfru lil xulxin, bħalma Alla ħafer lilkom fi Kristu” (Ef 4:32).
Nitolbu lil Alla llum biex dejjem napprezzaw il-fidi tagħna – kemm hu sabiħ li aħna nemmnu! Nitolbuh li nagħrfu l-għajnuna li hu jagħtina fil-mixja ta’ ħajjitna u ma nibżgħux induru lejh biex jgħinna, speċjalment fl-esperjenzi tqal ta’ ħajjitna. Nitolbuh li ngħożżu l-Ewkaristija, li hija l-ikel tal-ħajja ta’ dejjem li neħtieġu tassew biex isostnina. U nitolbuh li ngħixu l-fidi tagħna b’responsabbiltà, speċjalment fir-rispett u fl-imħabba li nuru fil-ħajja ta’ kuljum lejn l-oħrajn.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta