L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ħafna drabi nistaqsu għaliex Ġesù juża x-xbihat tal-melħ u tad-dawl biex jgħidilna min aħna. Donnu jrid jispjegalna li fil-ħajja tagħna rridu nħarsu lejn dawn ix-xbihat. Il-melħ huwa dak li jagħti t-togħma allura nitolbu li bix-xhieda tagħna, b’ħajjitna, bi kliemna u b’imġibitna nħallu togħma tajba.

Kultant nfakkru ’l xi ħadd li ħalliena u fi kliemna nirrealizaw kemm din il-persuna ħalliet togħma tajba. Jalla lkoll kemm aħna jkollna din il-grazzja: li nħallu togħma tajba. Allura din tfisser ukoll ir-responsabbiltà li għandna li nieħdu ħsieb dak li rċevejna mingħand missirijietna u kontinwament nistaqsu lilna nfusna din il-mistoqsija: Lil Malta u ’l Għawdex kif se nħalluhom? Verament se nħalluhom aħjar milli sibniehom? Isbaħ? X’qegħdin nagħmlu biex inħarsu l-ambjent li rċevejna mingħand Alla u li ħadu ħsiebu missirjietna? Kulħadd jirrispondi din il-mistoqsija fil-kuxjenza tiegħu.

Imma fil-verità, il-melħ kien jintuża wkoll —forsi fi żmien Ġesù iżjed mil-lum— biex il-laħam u anke l-ikel ma jitħassarx, u hekk il-melħ sar simbolu ta’ dak kollu li jgħinek kontra l-korruzzjoni, kontra t-taħsir. F’din il-ġurnata nazzjonali ta’ min nitolbu li l-melħ tagħna ma jaqtax għax meta jaqta’ l-melħ allura l-laħam u dak kollu li aħna nafdaw biex ikun ippreservat, jikkorompi ruħu.

Il-korruzzjoni hija s-susa tal-pajjiż; kollox sabiħ minn barra u mgħawwar minn ġewwa.

Fis-soċjetà, jekk nisirqu ’l xulxin, ma nobdux il-liġijiet, inxaħħmu lill-uffiċjali pubbliċi biex jaqduna jew jgħawġu liġi għall-interessi tagħna, inkunu qegħdin nagħmlu bħalma jagħmlu ċertu insetti: mingħalik għandek banketta, toqgħod fuqha u taqa’ bik għax minn ġewwa kollha susa. Il-korruzzjoni hija s-susa tal-pajjiż; kollox sabiħ minn barra u mgħawwar minn ġewwa.

Missieri, Alla jaħfirlu, kien mastrudaxxa u kien jgħidli biex noqgħod attent meta jkollok biċċa għamara tal-fagu. Darba minnhom xi ħadd ġablu banketta ta’ pjanu magħmula mill-fagu, minn barra kienet sabiħa iżda kif tpoġġi fuqha taqa’ bik għax minn ġewwa kollha susa. Il-korruzzjoni l-istess. “Intom id-dawl tad-dinja” (Mt 5:14).

Ħafna drabi aħna naħbu u nibżgħu mid-dawl. Fis-soċjetà tagħna għandna bżonn li kollox ikun fid-dawl. Fejn hemm il-ħabi u fejn hemm kollox minn taħt, m’hemmx id-dawl tal-ġustizzja. Dawn iż-żewġ tixbihat tal-melħ u tad-dawl huma importanti għall-pajjiż.

Il-Papa Franġisku, fis-sala tal-Gran Kunsill fil-Palazz tal-Granmastri quddiem l-għola awtoritajiet ta’ pajjiżna, semma lil Malta bħala eżempju ta’ dawl. Imma nkunu dawl jekk naħbu l-intriċċi u t-taħwid li nagħmlu? Id-dawl huwa li bniedem li għandu r-responsabbiltà jirrispondi anke quddiem il-Parlament. X’jiġifieri jsejjaħlek kumitat tal-Parlament u tgħaddi biż-żmien lill-kumitat u lill-poplu u ma tirrispondix mistoqsija? Iġġib mitt elf skuża! Dak mhux id-dawl li jrid Ġesù Kristu għal pajjiżna.

Issa rajna f’idejna. M’għandna l-ebda skuża, ma nistgħux inwaħħlu iżjed fil-kuruna u r-re u r-reġina. Inwaħħlu fina nfusna. X’qegħdin nagħmlu bil-poter li ksibna?

Aħna llum qed infakkru l-vittmi tas-Sette Giugno. Dawn kienu nies innoċenti, b’uħud minnhom kienu l-Belt b’kumbinazzjoni. Meta tisma’ u taqra l-istorja ta’ ħafna nies minn dawn il-vittmi, qalbek tingħasar. Imma fl-istess ħin kien hemm ukoll ambjent ta’ tixwix. L-ambjent ta’ tixwix għadu magħna! Aħna llum irridu nfakkru wkoll traġedja kbira meta l-vjolenza soċjali tkun frott ukoll tat-tixwix. Irridu nifhmu xi tfisser il-festa tas-Sette Giugno. Kien kuntest ukoll fejn f’Malta, wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, kien hawn il-ġuħ u l-għaks. Għax Malta kienet iżjed strument tal-gwerra milli strument tal-paċi, allura fil-paċi konna nbatu u l-Maltin riedu jibdew ikollhom say fid-destin tagħhom.

Issa rajna f’idejna. M’għandna l-ebda skuża, ma nistgħux inwaħħlu iżjed fil-kuruna u r-re u r-reġina. Inwaħħlu fina nfusna. X’qegħdin nagħmlu bil-poter li ksibna?

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: 1 Slaten 17:7-16
Salm: 4:2-3, 4-5, 7-8
L-Evanġelju: Mt 5:13-16