-
-
Żagħżugħ li twieled qabel is-sena 2000, kif inhu differenti minn żagħżugħ li twieled wara? X’qiegħed ifittex iż-żagħażugħ ta’ wara s-sena 2000?
Iż-żgħażagħ li jagħmlu parti mill-ġenerazzjoni ta’ bejn is-16 u l-20 sena, magħrufa bħala Generation-z, ser ikunu s-suġġett ta’ Think Tank li ċ-Ċentru Djoċesan tal-Vokazzjonijiet, flimkien mas-Seminarju tal-Arċisqof qed jorganizza nhar is-Sibt 12 ta’ Mejju fis-Seminarju r-Rabat. Uħud mill-mistoqsijiet li ser jiġu diskussi huma: Kif l-aħjar li nakkumpanjaw liż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-20 sena (magħrufa bħala Generation-z)? L-inizjattivi vokazzjonali għaż-żgħażagħ qegħdin iħallu l-frott mixtieq?
Ispirati mill-istedina tal-Papa Franġisku li noħorġu fil-periferiji, u mdawlin mill-istatistika li f’Malta 52% taż-żgħażagħ għandhom xi kuntatt ma’ saċerdot, kif nistgħu bħala djoċesi dan il-kuntatt insarrfuh f’żgħażagħ li lesti li jmorru kontra l-kultura tagħhom u jiddedikaw ħajjithom għall-oħrajn?
Għalhekk inħass il-bżonn li nieqfu nirriflettu fuq dawn il-mistoqsijiet u nippruvaw ngħinu lil xulxin. Se nippruvaw insibu metodi kif nistgħu niddjalogaw ma’ dawn iż-żgħażagħ biex ngħinuhom jiddixxernu s-sejħa u l-identità tagħhom.
Fid-dawl ta’ dan, iċ-Ċentru Djoċesan tal-Vokazzjonijiet flimkien mas-Seminarju tal-Arċisqof qegħdin jistiednu lis-saċerdoti, chaplains, vocation directors, youth ministers, youth leaders, kif ukoll nies oħra li jaħdmu maż-żgħażagħ biex ikunu parti minn dan it-Think Tank. L-invit qed jiġi mġedded ukoll għaż-żgħażagħ stess li huma parti minn din il-ġenerazzjoni.
Iż-żewġ kelliema prinċipali ser ikunu l-psikologu Dott. Julian J Caruana u s-Salesjan Dun Dott. Fabio Attard. Dott. Caruana ser ikun qed janalizza l-psikoloġija taż-żagħżugħ filwaqt li Dun Attard ser jippreżenta aspetti pastorali li ġew diskussi s’issa fis-Sinodu taż-Żgħażagħ.
Għal aktar dettalji żur: seminary.org.mt/thinktank jew facebook.com/ThinkTank