L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Kif ħareġ Ġuda miċ-ċenaklu…” L-ewwel kelmiet ta’ din is-silta mill-Evanġelju skont San Ġwann turina l-waqt meta Ġesù, waqt l-Aħħar Ċena, qal il-kliem li smajna fl-Evanġelju. Kien għadu kif ħabbar li wieħed mid-dixxipli kien se jittradih, u d-dixxipli stagħġbu u bdew jippruvaw jaraw min, għax Ġesù ma kienx semma ismu. Imbagħad Ġesù qal: “Dak li għalih se nbill din il-loqma ħobż fil-platt u nagħtihielu”, u għamel hekk u taha lil Ġuda, u Ġuda ħadha u ħareġ miċ-ċenaklu.

Kien proprju wara dan li Ġesù jgħid il-kliem li smajna. Innutaw kif l-ewwel kelmiet ta’ Ġesù mhumiex kelmiet ta’ lment, jew kundanna, jew jgħid ħafna xorti kontra dak li kien se jittradih, imma jitkellem, għal ħames darbiet, fuq il-glorja li jagħtih Alla. Ftit qabel kien għadu kif ħasel saqajn id-dixxipli tiegħu, urihom x’jiġifieri l-imħabba li taqdi, u hawnhekk imbagħad jgħidilhom b’enfasi li l-karatteristika tad-dixxipli tiegħu għandha tkun l-imħabba ta’ bejniethom.

Nixtieq li naħsbu fuq dawn it-tliet punti li jsemmi:

  • “Nagħtikom kmandament ġdid: li tħobbu lil xulxin”;
  • “Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin”;
  • “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom”.

Il-ġdid

L-ewwel nett jitkellem fuq il-“kmandament ġdid”. Imma għaliex jgħidlu “ġdid”? Dan il-kmandament, fi żmien Ġesù, kienu diġà jafu bih id-dixxipli u l-poplu Lhudi. Kien fil-qalba tal-liġi li kienu jħaddnu. X’hemm ġdid? Mhuwiex ġdid għax kien qed jissemma l-ewwel darba, imma ġdid għax Ġesù rabtu mal-għotja kbira tiegħu nnnifsu, Alla li sar bniedem u ngħata għalina. Hu jurina li Alla hu mħabba, u l-imħabba li jagħti Alla hi dejjem ġdida.

Meta tidħol fil-ħajja tal-bniedem, din l-imħabba għandha l-qawwa li ġġedded, li tibdel l-istorja. Alla jħobbna u aħna, mimlijin b’din l-imħabba ta’ Alla, naqsmu din l-imħabba mal-oħrajn. Fejn hemm l-imħabba vera, qatt ma tiqdiem, tiskadi. Dejjem tibqa’ friska, ġdida. Din hi l-esperjenza tagħna fejn hemm tassew l-imħabba.

Il-kejl

Ġesù jgħid ukoll lid-dixxipli biex iħobbu lil xulxin bħalma ħabbna hu. Il-kejl tal-imħabba hu: bħalma ħabbna hu. Jekk aħna rridu nkunu nafu sew kif se nħobbu lil xulxin, irridu nħarsu lejn il-ħajja ta’ Ġesù, dak li għamel u għallem, kif uriena b’mod ċar xi tfisser l-imħabba. Tfisser li tixtieq il-ġid lill-oħrajn, li jkollhom post f’qalbek, li tħoss għalihom u tgħinhom fil-ħtiġijiet tagħhom.

Ġesù wriena wkoll li l-imħabba ma tiddependix fuq ir-risposta li tirċievi għaliha, għax hi marbuta mal-għotja tagħna nfusna. Hi l-imħabba li tfisser kultant sagrifiċċju – bħalma rajna fl-ewwel qari, fl-Atti tal-Appostli, it-tbatija li għaddew minnha l-appostli biex ixandru lil Ġesù ħaj – u l-imħabba tfisser ukoll maħfra, fejn hemm bżonn ta’ maħfra. Hi din l-imħabba li għallimna u wriena Ġesù.

Ġesù jgħidilna li l-aqwa karatteristika li għandha tiddistingwina bħala Nsara hi l-imħabba ta’ bejnietna.

Għalhekk, meta jgħidilna “bħalma ħabbejtkom jien”, qed jagħmlilna stedina qawwija: biex neżaminaw lilna nfusna ħalli naraw li l-imħabba tagħna ma tkunx sempliċiment li nħobbu lil min iħobbna, lil min naraw simpatiku, lil min jogħġobna, imma tkun bħalma ħabbna hu. Din l-imħabba tiegħu tippurifikana minn dak li kultant ikollna f’qalbna li jtellef din l-imħabba – bħall-għira, il-mibegħda, l-antipatija li ġieli tħoss b’mod naturali. Hi din l-imħabba ta’ Alla li tippurifikana. Għal dan jistedinna Ġesù.

Is-sinjal

Ġesù jgħid ukoll li minn dan ningħarfu bħala dixxipli tiegħu: jekk ikollna l-imħabba bejnietna. Is-sinjal tagħna bħala dixxipli ta’ Ġesù, li nemmnu fih u nimxu warajh, mhuwiex sinjal minn barra li nġorru – bħal, pereżempju, bandiera. Meta nġorru bandiera ta’ Malta, sinjal ta’ pajjiżna, hu sinjal li għandna għal qalbna lil pajjiżna. Ġieli jkollna badge li nuru, jew sinjal ieħor. Imma Ġesù jgħidilna li l-aqwa karatteristika li għandha tiddistingwina bħala Nsara hi l-imħabba ta’ bejnietna.

L-affarijiet l-oħra li ġieli jkollna u nuru – bħal salib, statwa, u affarijiet oħrajn – jagħmlu sens jekk ikunu espressjoni vera ta’ din l-imħabba ta’ bejnietna. Ġesù jgħid: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi…” Din kienet l-esperjenza tal-ewwel Insara. Meta kienu jarawhom il-pagani, jew dawk li ma kinux jemmnu fi Kristu, kienu jistaqsu: dawn għaliex iġibu ruħhom hekk? X’hemm f’qalbhom? Għaliex jistmaw u jirrispettaw lil xulxin, attenti fil-kliem li jgħidu dwar xulxin u ma’ xulxin, għaliex? Dak kien is-sinjal li qed jgħid Ġesù: minn dan setgħu jagħrfuhom li kienu dixxipli tiegħu.

Santa Tereża tal-Bambin Ġesù għandha silta sabiħa ħafna. Tgħid: jien fittixt posti fil-Knisja, u sibt posti – nixtieq li nkun fil-qalb tal-Knisja, fil-qalb li tħobb. Kieku ma hemmx din l-imħabba, l-appostli ma kinux ixandru l-Bxara t-Tajba, il-martri ma kinux ixerrdu demmhom, tant nies ma kinux jagħmlu l-ġid – jekk mhux għax immexxija minn din l-imħabba.

Din hi l-istedina li jagħmel Ġesù: biex bejnietna jkollna tassew din l-imħabba li waħedha turi ħajja sabiħa. Għalhekk, aħna li nemmnu fih ma nfittxux li dan il-“kmandament ġdid” nimponuh fuq ħaddieħor, imma aħna ngħixuh, u għax ngħixuh verament, ikollu l-qawwa tal-imħabba li turi lin-nies min hu Ġesù.

Nitolbu lill-Mulej biex hu jqiegħed f’qalbna din l-imħabba, biex ngħixu dan il-“kmandament ġdid” u li jġedded, biex inħobbu bħalma ħabbna hu, u nħobbu b’mod li ningħarfu li aħna dixxipli ta’ Ġesù mill-imħabba ta’ bejnietna.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju