L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Qegħdin tfittxu lil Ġesù li kien imsallab. Mhuwiex hawn, għaliex qam, kif kien qal” (Mt 28:5-6). Din hija l-Aħbar il-kbira li ta l-anġlu lin-nisa li marru ħdejn il-qabar ta’ Ġesù, u hija l-Aħbar li tiġbor l-aktar ħaġa essenzjali – l-Aħbar it-Tajba – fil-kelma ta’ Alla. Hija l-isbaħ Aħbar, hija l-ikbar Aħbar, mhux biss għalina li nemmnu imma għall-umanità kollha.
Ir-rabta mal-Passjoni u l-Mewt
Nistgħu nifhmu ħafna x’jiġifieri din l-Aħbar li Ġesù qam mill-mewt meta aħna niftakru f’dak li ċċelebrajna f’dawn il-ġranet li għaddew, speċjalment ilbieraħ meta fakkarna l-Passjoni u l-mewt ta’ Ġesù. Hemmhekk stajna nindunaw kif kulħadd ra lil Ġesù jmut, jispiċċa. Dawk li wasslu għall-mewt tiegħu, li riedu l-mewt tiegħu, ferħu. Għalihom Ġesu kien spiċċa; daqshekk jgħallem, daqshekk jagħmel il-mirakli, daqshekk jiġru n-nies warajh, daqshekk dixxipli tiegħu. Għad-dixxipli tiegħu, Ġesù kien spiċċa wkoll. Fil-fatt, ħlief wieħed li baqa’ taħt is-salib, kollha abbandunawh għax beżgħu. Huma wkoll ħasbu li daqshekk. U l-ftit li baqgħu taħt is-salib flimkien ma’ Marija ommu kienu wkoll xhieda li ħajtu spiċċat.
X’baqa’ wara l-mewt tiegħu? Baqa’ l-memorja sabiħa għal min kien jemmen fih, il-memorja ta’ dak li kien għallem, tal-ġid li kien għamel, baqa’ memorji sbieħ. Imma għal dawk in-nies li mxew warajh, li kienu dixxipli tiegħu, baqa’ wkoll id-diżappunt li kollox spiċċa fix-xejn Għalihom il-mewt tiegħu kienet esperjenza ta’, kif jgħid il-Malti, “min jgħix bit-tama jmut bil-piena”.
Altru tgħidha u altru tagħmilha
Għalhekk, fid-dawl ta’ dan, nistgħu napprezzaw x’jiġifieri l-Aħbar li Ġesù qam mill-mewt, u kif din il-ġrajja qalbet ta’ taħt fuq dak kollu li kien sar fil-Passjoni tiegħu. Hu għalhekk li l-qawmien ta’ Ġesù jibdel b’mod radikali l-istorja tad-dixxipli tiegħu, imma wkoll l-istorja ta’ kull wieħed u waħda minna, l-istorja tal-umanità. Ġesu kien qal lid-dixxipli li wara l-Passjoni u l-mewt, hu jqum għal ħajja ġdida. Imma altru tgħidha u altru tagħmilha.
X’ifisser għalina llum il-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt?
Ir-rebħa tiegħu hi r-rebħa tagħna
L-ewwel nett ifisser li huwa hu s-salvatur tagħna. Huwa Ġesù li lilna jsalvana. Huwa hu l-uniku li rebaħ dik li lill-bniedem iġġibu fix-xejn, il-mewt, li lill-bniedem tagħmlu trab. Ġesù rebbieħ fuq il-mewt ifisser li r-rebħa tiegħu hija wkoll ir-rebħa tagħna li nimxu warajh, kif ifisser tajjeb San Pawl fl-Ittra tiegħu lir-Rumani.
Ir-rebħa tat-tama
Il-qawmien ta’ Ġesù jfisser li aħna għandna t-tama tal-ħajja ta’ dejjem. Din il-ħajja ta’ hawnhekk mhijiex kollox. Il-ħajja ma tispiċċax fix-xejn. Hemm dik li bħalissa ma tidhirx, dik li għalissa ma nistgħux narawha jew ngħixuha. U għax hemm il-ħajja ta’ dejjem, ifisser li aħna nies ta’ tama. Mhijiex it-tama li tmut bil-piena, imma hija t-tama li tegħleb il-piena.
Ir-rebħa tat-tajjeb
Il-qawmien ifisser ukoll li r-rebħa hija fl-aħħar mill-aħħar tat-tajjeb, anzi li t-tajjeb dejjem huwa rebbieħ. Mhux dejjem jidher hekk minn barra. Fil-fatt, tul il-Passjoni kollha ta’ Ġesù, u wkoll meta spiċċa maqtul fuq is-salib, ħadd ma kien jgħid li t-tajjeb se jirbaħ. Kienet tidher ir-rebħa tat-tradiment, ta’ min jgħajjar, jinsulenta, ta’ min kien immexxi mill-mibegħda. Imma l-qawmien ta’ Ġesù biddel kollox. Wera li r-rebħa hija dejjem ta’ min jagħżel is-sewwa, ta’ min jagħmel it-tajjeb.
Mal-qawmien tiegħu, dak kollu li għallem ħa tifsira ġdida. Mhuwiex biss kliem ta’ xi ħadd għaref li għex snin ilu u li nibqgħu nikkwotaw. Huwa kliem ħaj illum, kliem li jagħti l-ħajja, huwa l-veru. Meta Ġesù jgħidilna biex inħobbu lill-oħrajn, naħfru, inkunu onesti, nirrispettaw il-ħajja u d-dinjità ta’ kull bniedem – dan mhux biss tagħlim sabiħ imma hu t-tagħlim veru, it-tagħlim rebbieħ.
Il-ħażin huwa t-tellief: il-korruzzjoni, ir-regħba, id-diżonestà, l-għira, il-mibegħda – kollox iwassal għat-telfa, anke jekk għal żmien jidhru rebbieħa. Għalhekk, jirbaħ min jagħmel it-tajjeb, jirbaħ min jagħmel is-sewwa.
Ngħixu l-qawmien illum
L-istedina li Ġesù jagħmel lil kull wieħed u waħda minna hija biex ngħixu din il-ġrajja kull jum tal-ħajja tagħna. Kull meta nqumu mill-ħażen tagħna, mid-dnub tagħna, għal ħajja ġdida, qed ngħixu l-qawmien ta’ Ġesù u qed nissieħbu miegħu fil-qawmien tiegħu. U kull meta nkunu ta’ appoġġ, ta’ sapport għall-oħrajn, biex iqumu għal ħajja ġdida, biex iqumu minn sitwazzjoni ta’ qtigħ il-qalb u disperazzjoni, biex jagħmlu kuraġġ, biex jagħrfu t-tajjeb, qed ngħixu l-qawmien ta’ Ġesù llum.
Kull meta nagħżlu l-ħajja u ngħożżu l-ħajja u nipproteġuha mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha, qed ngħixu l-qawmien ta’ Ġesù. Kull meta ngħinu lil min ikun qed jegħreq fil-baħar u ma nibqgħux indifferenti imma ngħinuh biex ma jegħriqx u jsalva, qed ngħixu l-qawmien ta’ Ġesù. Kull meta ngħinu lill-vittmi tal-vjolenza domestika biex joħorġu mis-sitwazzjoni ta’ abbuż, qed ngħixu l-qawmien ta’ Ġesù. Kull meta ngħinu lil dawk li huma vittmi tad-droga biex joħorġu mill-vizzju flok inħalluhom fl-illużjoni li qed jirrikrejaw ruħhom, qed ngħixu l-qawmien ta’ Ġesù. Il-qawmien tiegħu jfisser ir-rebħa tal-imħabba fuq il-mibegħda, ta’ dak li hu veru fuq dak li hu falz, tat-tajjeb fuq il-ħażin, tal-ħajja fuq il-mewt.
Illum b’ferħ kbir nuru l-gratitudni tagħna lejn Ġesù għal din il-ġrajja kbira li ġġib tassew it-tama. Nitolbu lill-Mulej ikompli jmexxina f’din it-triq ta’ ħajja ġdida, għax it-tama li jagħtina ma tqarraqx bina.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta