-
Homily by Mgr Charles J. Scicluna, Auxiliary Bishop, at Lourdes Grotto
-
Il-Mulej, illum jgħallimna lezzjoni iebsa llum, dik li hemm bżonn tagħżel il-post tal-aħħar. L-istint tagħna hu li nagħżlu l-post l-aktar importanti, il-post it-tajjeb, l-aħjar post. Il-Mulej Ġesu jgħallimna li mhux diżunur li tagħżel l-aħħar post, imma sempliċiment li tiftaħ qalbek u tkun ta’ servizz lil ħaddieħor.
Meta l-anġlu Gabriel stieden li Sidtna Marija li tilqa’ l-proposta tal-Mulej li ssir omm Alla, l-ewwel reazzjoni ta’ Marija kienet: “imma dan kif jista’ jkun għax jien ma ngħarafx raġel.” Marija fehmet ukoll aktar il-quddiem, li din il-proposta ma kienetx proposta biex tingħata xi privileġġ speċjali qabel li tingħata għal qadi.
Marija anżi kellha tagħżel l-aħħar post, għaliex l-għarus tagħha Ġużeppi kellu jgħaddi magħha mit-turufnament li jgħidu fuqha. Anke hu li kien raġel ġust kellu jibgħatha bil-moħbi.
Marija għażlet l-aħħar post meta ddeċidiet li tmur tgħin lil Eliżabetta. Bħala sinjal, l-anġlu Gabiel qalilha: “ara bħala sinjal, qaribtek, dik li ma setgħax ikollha tfal diġa qegħda fis-sitta xahar tat-tqala.” Marija insiet lilha nnifisha u marret tħaffef biex tkun ta’ servizz, ta’ qadi għal din il-qariba tagħha Eliżabetta.
Marija għażlet l-aħħar post meta lil binha kellha twelldu f’maxtura, f’għar għaliex ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda. Ma kienx hemm l-aħjar post. Għażlet l-aħħar post.
Marija għażlet l-aħħar post anke meta kellha toqgħod għar-rieda tat-tfajjel Ġesu meta qabad u telaq fit-tempju ta’ Ġerusalemm. Il-Vanġelu ta’ San Luqa jgħidilna ipprova jispjegalha u ma fehmuhx u hi żammet kollox fil-qalb tagħha.
Marija tgħallmet toqgħod fl-aħħar post meta fit-tieġ ta’ Kana lil binha qaltu “ma baqgħalhomx inbid” u hu qalilha “mara, is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx.” Din tgħallmet toqgħod fl-aħħar post billi lill-qaddeja sempliċiment qaltilhom “għamlu li jgħidilkom hu.”
Marija tgħallmet toqgħod fl-aħħar post meta bħala omm iddeċidiet li tkun taħt is-salib ta’ binha. Salib ta’ mistħija. Salib ta’ għajb, għax binha kien ikkundannat mal-ħżiena. Marija, mara bla tebgħa, bla dnub kienet magħduda bħala omm ta’ wieħed kriminal. Għażlet l-aħħar post.
Imma meta talbet lill-Mulej, qalet: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej u l-Ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi, għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. Iva minn issa kull nisel jibda jsejjaħli ħienja.” U meta fil-25 ta’ Marzu 1885, lil Bernardet wara ħafna domandi riedet tgħidilha min hi, hawnhekk propju f’dan l-imkien qaddis, Marija ħarset lejn is-sema u qaltilha “Jiena l-Immakulata Kunċizzjoni.” Jiena dik li l-Mulej għażel li tkun imħarsa minn kull dnub. “Ħares lejn iċ-ċokon tal-qaddeja tiegħu. Iva minn issa kull nisel jibda jsejjaħli ħienja.”
Aħna ġejin f’riġlejn il-Madonna, bid-djufija tagħna, bil-mard tagħna, bit-talb tagħna. Magħna ġibna, it-talb, ix-xewqat, id-djufjija ta’ ħutna li talbuna nitolbu għalihom. Permezz tal-komunikazzjonijiet soċjali insellmu lill-Maltin u lill-Għawdxin, anke lil ħutna emigranti, filwaqt li niftakru fl-aħħar parti tal-Vanġelu tal-llum.
Fuq xtutna qegħdin jaslu nies li aħna ma stedinnihomx. Il-Vanġelu tal-lum iħajjarna biex nilqgħuhom anke jekk nafu li m’għandhomx minfejn ipattulna. Il-Mulej għid “Ħienja int”. J’Alla l-hena tal-poplu Malti u Għawdxi bl-interċessjoni ta’ Sidtna Marija tiqa tkun l-hena ta’ min jiftaħ qalbu għall-barrani mingħajr biża, mingħajr preġudizzju, mingħajr rabja, mingħajr senofobija, mingħajr għodju.
Ejjew nitolbu naħfra f’dan il-post qaddis li jfakkarna fil-penitenza, imma fil-konverżjoni ta’ kemm il-darba bejnietna iġġilidna bejnietna qisna kelb u qattus. Nitolbu maħfra ta’ kemm il-darba għedna affarijiet kattivi fuq xulxin. Nitolbu minn din il-grotta qaddisa, il-grazzja tal-għaqda, il-grazzja tal-maħfra, il-grazzja tal-paċi. U filwaqt li nsellmu lil ħutna l-morda kollha, ejjew nitolbu biex jekk il-Mulej ma jridx jagħtina l-fejqan fiżiku, jagħtina l-fejqan spiritwali. Niftakru f’dik l-espressjoni sabiħa San Ġorġ Preca: “Sinjur Alla kun int li tfejjaqli l-pjagi tar-ruħ tiegħi.” Il-pjagi tal-ġisem tiegħi nista’ nissottomettihom għat–tabib tid-dinja u nitolbu ħafna għat-tobba, għan-nersis fl-isptarijiet tagħna biex il-Mulej jagħtihom l-għerf u l-pacenzja. Imma hemm it-tabib tar-ruħ li għandna bżonnu ukoll. Dak li jfejjaqli l-mard tar-ruħ tiegħi, dak li jagħtina l-qawwa norbot dak kollu li nbati mas-salib imqaddes tiegħu.
U l-aħħar ħsieb. Sidna Marija hawnehekk iddeċiediet li toħloq oasi għalina u għal binha. X’talbitna nagħmlu il-Madonna f’dan il-post? Lil Bernadette qaltilha “għid lis-saċerdoti jibnu knisja.” Il-Knisja, l-ewwelnett mhux tal-ġebel, imma hija l-komunita. Meta kont il-Bażil kien hemm żagħżugħ mill-Indoneżja u tkellem dwar l-esperjenza tal-fidi tiegħu. Dan iż-żagħżugħ qal li darba minnhom ħarqulhom il-knisja tagħhom. Kien il-ġimgħa. Jumejn wara, il-Ħadd kulħadd mar biex jara x’kien ġara. Dakinhar qalilna fhimt li l-knisja mhux il-ġebel jew l-injam, imma aħna, il-poplu ta’ Alla. Ejjew nitolbu biex aħna ninbdew bħala l-poplu ta’ Alla, bħala Knisja.
Sidtna Marija riedet li hawnhekk isiru żewġ. Ħawn żewġ purċissjoni iet sbieħ u straordinajri li jsiru f’Lourdes. Dik li ngħidulha Aux Flambaux fejn aħna niltaqgħu biex infaħħru lil Alla u nitolbu t-talba sabiħa tar-Rużarju bix-xemgħa mixgħula f’idejna li tfakkarna fil-wegħdiet tal-magħmudija. U dik meta jseħħ il-fejqan straordinju, meta Ġesu jgħaddi u jbierek il-morda. Hawnkk Marija lil biha Ġesu ħejjietlu oasi fejn aħna wkoll inħossuna qegħdin qisna fl-antiporta tal-ġenna. Hawnekk Marija tfakkarna bħalma qalet lil Bernardette: “Ma nistax inwegħdek li kollox jiġik tajjeb fuq l-art, ma nistax inwegħdek il-feliċita fuq l-art, imma fid-dinja l-oħra fil-ġenna, għax hemm pajjiżna – is-sema pajjiżna.
Niolbu għal pajjiżna ta’ din l-art għall-għażiża Malta, niftakru li għandna passaport ieħor dak li jgħid: “Ċittadini tal-ġenna.” Għax is-sema pajjiżna. Nitolbu biex il-Maltin ma jinsew qatt li huma u jaħdmu għall-ġid tal-pajjiz tagħna ta’ din l-art, qalbhom tibqa tħares u titħeġġeġ għall-ġenna bl-interċessjoni ta’ Sidtna Marija.
+ Charles J. Scicluna
Isqof Awżiljarju u Vigarju Ġenerali ta’ Malta