• Knisja Arċipretali tan-Naxxar

    1 ta’ Marzu 2015

     

    Għażiż Father David,

    Dan il-Vanġelu li smajna llum (Mk 9, 2-10) min jaf kemm-il darba smajtu fil-festa tas-Salvatur, u min jaf kemm-il darba fraħt b’dan il-kliem għażiż. Illum is-Salvatur bagħtek tieħu ħsieb lill-Ommu u qed jafdalek teżor kbir tiegħu: il-misteru tat-twelid tal-mama tiegħu, il-bidu tal-ferħ tagħna, u l-ferħ tagħna hu Ġesù. It-twelid ta’ Marija huwa l-bidu tal-ferħ tagħna għaliex minnha twieled Ġesù Salvatur.

    Fuq il-muntanja Tabor narawh sabiħ, u għaliex huwa sabiħ u mimli bil-glorja, bis-sebħ, narawh attraenti u jiġbidna lejh. Imma x’inhi din il-qawwa tas-sebħ tal-Mulej? Hija l-qalb tiegħu mimlija mħabba. Jekk Alla huwa mħabba, Ġesù huwa Alla magħmul bniedem. Fil-Mulej Ġesù l-imħabba saret laħam, saret bniedem. U għalhekk qal: “itgħallmu minni għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11,29) . U dan il-kmand tal-Mulej aħna l-Insara tajjeb li neħduh bis-serjetà. San Ġorġ Preca kien iħobb jgħid li fuq it-Tabor, is-sebħ, id-dija u l-glorja ġejjin kollha mill-qalb ta’ Ġesù mimlija mħabba għal Alla l-Missier u għal ħutu l-bnedmin għaliex il-glorja tiegħu tesprimi l-intimità tiegħu. U jekk inti qed tagħsar  lil Ġesù f’kull mument ta’ ħajtu, ma ssib xejn ħlief imħabba.

    Għalhekk insellmulek, O Marija Bambina, bħala l-bidu tal-ferħ tagħna, Omm is-Salvatur, Omm il-glorja ta’ Israel, Omm id-Dawl tal-Ġnus. Imma wkoll Omm ‘is-sinjal li jmeruh’ (Lq 2:34) għaliex ma tistax tifhem il-glorja tat-Tabor jekk ma taċċettax il-loġika tas-salib. L-għolja tat-Tabor tħares lejn għolja oħra: l-għolja tal-għajb, l-għolja tal-umiljazzjoni, tal-kefrija, tal-abbandun totali fi ħdan il-Missier, l-għolja li fiha l-Mulej qal: “aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23, 34). L-għolja li fuqha, imdendel fuq salib, mhux iżjed bejn Mosè u Elija imma bejn żewġ ħallelin. Il-Mulej, fil-profezija li naqraw fil-Ġimgħa l-Kbira, “ma stajniex ngħarfuh, tgħabba bin-niket tagħna, tgħabba bil-mard tagħna, tgħabba bid-dnub tagħna” (ara Is 53, 4-5).  

    Dawn iż-żewġ għoljiet Fr David, li inti tafhom sewwa, iridu jkunu b’xi mod l-għoljiet li jfakkruk dejjem fil-missjoni tiegħek. Wara kollox, minn Ħal Lija tlajt fuq din l-għolja tan-Naxxar, il-parroċċa li welldet tant parroċċi oħra, waħda mill-parroċċi l-iżjed antiki fid-Djoċesi għażiża tagħna. Nawguralek li qatt ma jonxruk, għax in-Naxxar post tal-inxif, imma jiena nafek bħala l-kappillan tiegħi, mhux biss kappillan imma kollega mis-sena 2000 sa’ meta Mons. Pawlu Cremona, il-predeċessur tiegħi li nsellem minn hawnhekk, sejjaħlek biex titla’ l-għolja, l-għolja li se tkun it-Tabor u l-Golgota tiegħek. Imma tibżax, il-Mulej miegħek, għaliex il-Mulej għażel li jitla’ fuq it-Tabor biex il-Golgota ma tkunx ta’ tfixkil għalik, biex il-Golgota ma tkunx ta’ skandlu, biex aħna nitgħallmu li m’hemmx short cut għall-glorja tal-qawmien, imma li mit-Tabor ninżlu u nitilgħu fuq il-għolja tal-Golgota.  

    Dan xi jfisser għall-ministeru tiegħek ta’ Arċipriet, ta’ ragħaj ta’ din il-parroċċa? Ifisser l-ewwelnett li inti trid tkun tassew ragħaj tajjeb. Kif taf, fil-Vanġelu, meta Ġesù jitkellem dwaru, ma tfissirx biss tjubija imma wkoll sbuħija. Inti trid tattira n-nies, Fr David se ngħidlek ċar, u jiena ngħidha lili nnifsi wkoll, trid tattira n-nies mhux lejk, imma lejn Ġesù għax hu r-Ragħaj it-tajjeb. Ġesù huwa r-Ragħaj it-tajjeb li hu wkoll attraenti, imma attraenti fuq it-Tabor u attraenti wkoll fuq is-salib: “meta jien nintrefa’ l-fuq mill-art, niġbed il-ġnus lejja” (Ġw 12, 32). Il-Mulej mhux biss attraenti fil-mument tal-glorja imma attraenti fil-glorja tas-salib. Inti trid tkun bniedem li tkellem lill-qalb ta’ kull membru tal-merħla tiegħek, kif naf li taf tagħmel, titkellem ċar għall-grazzja t’Alla, fil-qasir u b’mod li nifhmuk. Jien se nieħu l-eżempju tiegħek, u mhux se ndum.

    It-tieni qari minn San Pawl jagħmlilna kuraġġ. “Alla huwa magħna” (Rum 8, 31b), m’għandniex għalfejn naqtgħu qalbna. Ta’ min nerġgħu nisimgħuh dan il-kliem ta’ San Pawl meta ħafna minna mbeżżgħin b’dak li qed jiġri madwarna. “Jekk Alla hu magħna, min jista’ jkun kontra tagħna?” Din il-fidi li tagħmlilna kuraġġ, li tgħidilna: keep calm and carry on, li tgħidilna li ‘jekk aħna se nibdew nobogħdu lil xi ħadd, se nitilfu l-paċi fil-qalb tagħna’. Aħna se nafdaw f’Alla għaliex hu sid l-istorja.

    Agħmel kuraġġ Fr David! Lill-merħla tiegħek, u dan il-post qaddis, din l-għolja tan-Naxxar, agħmel li tkun għalik tarġa oħra ta’ qdusija fil-pellegrinaġġ tas-saċerdozju tiegħek, saċerdozju ħabrieki, saċerdozju li jrid ikun ukoll ta’ eżempju għall-merħla. Jiena nafdalek din il-komunità sabiħa, nikkonfermalek li nimmisjawk Ħal Lija u din se tkun problema għalija biex insib sostitut, imma nirringrazzja quddiem kulħadd lil Fr Alfred Camilleri, l-amministratur parrokkjali. Imma nifhem li issa spiċċa l-istaġun tal-amministraturi.

    Ejjew nitolbu biex l-ubbidjenza tiegħek, bħal tagħna, ta’ kull wieħed minna, mhiex faċli, imma l-ubbidjenza tiegħek li swietlek ħafna, tagħmel ħafna frott fil-vokazzjonijiet, fil-qdusija tal-familji, fil-kuraġġ liż-żgħażagħ bit-tama li tagħti lill-komunità. U l-aħħar talba li nagħmel hija lil Marija Bambina. ‘Marija Bambina, ħu ħsieb in-Naxxarin biex jekk jista’ jkun, ma jinkwetawlhix lil Fr David, biex meta jkollna xi ngħidu, nitkellmu bejnietna, ma nintreħewx fil-piki żejda, biex dan ir-raħal għażiż, din il-belt qaddisa, jekk m’iniex sejjer żball, hawnhekk jgħidu: prior credidi, din il-fidi, din hija l-primat fit-twemmin, imma tkun realtà. Mela rridu nuru x’jiġifieri il-fidi billi tkun ukoll tama u mħabba. Nawguralek u, għax jaqbilli ħafna, nwegħdek li nitlob għalik.

     

     Charles Jude Scicluna

        Isqof titulari ta’ San Leone

        Arċisqof-elett ta’ Malta