L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Għinna u ħenn għalina”. Din kienet it-talba ħerqana li għamel lil Ġesù missier it-tifel li kellu fih spirtu ħażin, u li kien għadda minn ħafna tbatija – kemm it-tifel minn ċkunitu, kif ukoll il-missier minħabba s-sitwazzjoni kerha tat-tifel. L-Evanġelju jagħtina deskrizzjoni ta’ dak li għadda minnu t-tifel tul is-snin. Mhux ta’ b’xejn li missieru mar sab lid-dixxipli ta’ Ġesù biex jagħmlu xi ħaġa biex ifejquh. Imma nafu li d-dixxipli ma rnexxilhomx. Hawnhekk insibu lil Ġesù, li kien għadu kif niżel mill-muntanja tat-Trasfigurazzjoni, u jiltaqa’ magħhom.
Dan ir-raġel jagħmillu din it-talba ħerqana, imma jgħidlu: “Int, jekk tista’ tagħmel xi ħaġa, għinna u ħenn għalina”. Dan ir-raġel jgħidlu “jekk tista’”. F’mument ieħor fl-Evanġelju nsibu lil wieħed lebbruż li jgħid lil Ġesù: “jekk trid, tista’ tfejjaqni” (Mt 8:2). Wieħed “jekk trid” u l-ieħor “jekk tista’”. Lil dak li qallu “jekk trid”, Ġesù qallu “Irrid” u fejqu. Lil dan li qallu “jekk tista’”, Ġesù ħadha ftit bi kbira għax jgħidlu “jekk tista’”, u jwieġbu “Jekk tista’? Kollox jista’ jkun għal min jemmen”.
Ħadha bi kbira għax ra n-nuqqas ta’ fidi. Dan ir-raġel qisu qed jgħidlu: ma nafx tistax, imma jekk għal li jista’ jkun tista’ tagħmel xi ħaġa, agħmilha. Ġesù dejjem jenfasizza l-fidi. Meta jagħmel miraklu ta’ fejqan, ma jagħmlux biex jidher bħala xi ħadd speċjali li jagħmel xi ħaġa tal-għaġeb, imma jitlob il-fidi. Hemm diversi ċirkustanzi fl-Evanġelju, li huma rakkonti sbieħ ħafna. Pereżempju, niftakru fil-kap tas-sinagoga li talab lil Ġesù biex ifejjaqlu lil bintu, u ħin minnhom ġew jgħidulu li bintu mietet, imma Ġesù jgħidlu: “tibżax, biss inti emmen”. U lil dawk iż-żewġ għomja li talbu lil Ġesù biex ifejjaqhom, u qalilhom: “Temmnu intom li jien nista’ nagħmlu dan?” (Mt 9:28) U niftakru wkoll f’dak ir-rakkont speċjali, wara li Ġesù qam mill-mewt, ir-rakkont ta’ Tumas, meta riedu jqiegħed sebgħu fuq il-pjagi, u Ġesù jgħidlu: “Tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen” (Ġw 20:27). Għalhekk l-enfasi ta’ Ġesù fuq il-fidi.
Il-fidi mhijiex xi ħaġa li noħolqu aħna; hi don ta’ Alla li aħna naċċettaw biex nistgħu tassew nemmnu fih
Imbagħad għandna r-risposta sabiħa ta’ missier it-tifel, meta jgħidlu: “Jiena nemmen! Għinni fil-fidi nieqsa tiegħi”. Tant hi talba sabiħa din! Dan il-bniedem kien sinċier. Qed jgħidlu: nemmen, imma l-fidi tiegħi hi dgħajfa; hemm bżonn li tgħinni fil-fidi nieqsa tiegħi. Hi talba sabiħa li tajjeb li aħna wkoll nagħmluha, u nagħmluha ta’ spiss lill-Mulej.
Aħna kultant nersqu lejh bl-istess mod li resaq lejh dan il-missier; qisu nitolbu “jekk tista’, jekk tista’”. Imma Ġesù jrid li nemmnu, u jistedinna biex ikollna din il-fidi sħiħa fih. Kultant inbatu aħna wkoll min-nuqqas ta’ fidi minħabba raġuni jew oħra. Nafu li l-fidi mhijiex xi ħaġa li noħolqu aħna; hi don ta’ Alla li aħna naċċettaw biex nistgħu tassew nemmnu fih. Kif jgħid il-kittieb tal-Ittra lil-Lhud: “Il-fidi hija pedament tal-ħwejjeġ li għandna nittamaw, hija l-prova tal-ħwejjeġ li ma narawx” (Lhud 11:1). Hekk jiddeskrivi l-fidi. Proprju għalhekk għandna bżonn il-fidi, u għandna bżonn lill-Mulej biex isaħħaħna fil-fidi dgħajfa tagħna.
Ħa tkun din it-talba li nagħmlu lill-Mulej ispirati minn dawn il-ġrajjiet sbieħ marbutin mal-fidi. Ngħidulu: Mulej tiegħi u Alla tiegħi, inti tista’ tħenn għalija, inti trid tħenn għalija. Għinni fil-fidi dgħajfa tiegħi, saħħaħ il-fidi dgħajfa tiegħi.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju