L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti” (Ġw 14:23). Dan hu li jgħid Ġesù fl-Evanġelju. Jirrepetih darbtejn b’mod differenti. Fil-fatt, dan hu parti mid-diskors tiegħu lid-dixxipli fl-Aħħar Ċena fejn, ftit qabel, kien qal lid-dixxipli: “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi” (Ġw 14:15).
L-imħabba tmexxina, mhux il-biża’
X’inhi din l-insistenza ta’ Ġesù fuq li aħna nħarsu l-kelma tiegħu? L-ewwel nett, nixtieq li nifhmu li Ġesù jorbot kollox mal-imħabba. Ma jgħidx: Jekk tibżgħu minni, ħarsu l-kelma tiegħi. Imma jorbot kollox mal-imħabba, għax irid li dak li nagħmlu jkun ħiereġ tassew mill-imħabba lejh, mhux għax nibżgħu minn xi ħaġa li tiġrilna.
Kultant narawh dan. Ikun hemm min ibeżża’ bil-kliem tiegħu; ikun hemm min jgħid li ġejjin tlett ijiem ta’ dlam, imma niftakar li ħamsa u għoxrin sena ilu, mas-sena tal-millennju, kienu ħabbru ħafna affarijiet ħżiena li se jiġru u li jbeżżgħu u jdaħħlu lin-nies f’qoxorthom. Imma aħna mmexxijin mill-imħabba, mhux mill-biża’. Hekk għandna nħarsu lejn il-Mulej tagħna.
Ġesù mbagħad jgħid: min iħobbni, iħares kelmti. Hawn irridu tassew nifhmu din l-insistenza ta’ Ġesù li jekk aħna nħobbuh, inħarsu l-kelma tiegħu. Mela l-imħabba mhijiex sempliċiment sentiment li nħoss, jew xi ħaġa li nagħmilha għax dmir tiegħi. Il-kejl tal-imħabba hi li nħarsu l-kelma tiegħu.
Nixtieq li naraw b’mod konkret x’jiġifieri li nħarsu kelmtu. Nisimgħu kemm-il darba fuq il-kelma ta’ Alla, imma x’jiġifieri li nħarsuha?
Inħarsu kelmtu fl-għażliet konkreti tal-ħajja
Ġesù jgħidilna li aħna għandna naħfru lil min jagħmlilna l-ħsara. Mela, jekk aħna nieħdu bis-serjetà l-kelma tiegħu, irridu nagħmlu ħilitna biex aħna naħfru lil min jagħmlilna l-ħsara, u ma npattux deni b’deni, ma nagħmlux vendetta. Nafu li mhix faċli, nafu li mhix sempliċiment għax tħoss imma hija għażla. Hu sewwasew f’din l-għażla li aħna nkunu nħarsu kelmtu.
Ġesù jgħidilna li għandna nkunu onesti f’dak li nagħmlu, u nimxu b’ġustizzja. Mela ma nistax nirraġuna li lil Ġesù nħobbu u dan kliem tiegħu sabiħ imma, imbagħad, il-mod kif nittratta lill-oħrajn hu f’idejja u f’dan ma jidħolx il-kliem ta’ Ġesù. Jekk nittratta lill-oħrajn ħażin, jew ma nimxix b’ġustizzja, jew nara kif minn taħt niggwadanja għalija dak li mhux suppost b’korruzzjoni, b’ħasil tal-flus, bi frodi – m’iniex nimxi mal-kelma ta’ Ġesù. Huwa f’dawn l-għażliet li nuri tassew jekk inħobbuhx jew le.
Ġesù jgħidilna biex aħna nkunu strumenti ta’ għaqda. Mela jekk aħna verament inħobbuh, il-kliem tagħna mal-oħrajn u fuq l-oħrajn għandu jġib din l-għaqda u l-imħabba; mhux li, bi kliemna, niżirgħu l-mibegħda jew id-diviżjoni. Nafu kemm nistgħu nagħmlu ġid bi kliemna, u nafu kemm nistgħu nagħmlu ħsara bi kliemna – kemm b’dak li ngħidu, kif ukoll b’dak li niktbu, bħal fuq il-media soċjali. Fl-antik kienu jgħidu li għandek l-ewwel taħseb, imbagħad titkellem jew tikteb; illum, it-tendenza ta’ ħafna hi li jaqbdu u jiktbu kif ġie ġie, imbagħad forsi xi mument jaħsbu. Għalhekk issir ħafna ħsara. Ġesù jgħid: aħna għandna nkunu strumenti ta’ għaqda, mhux ta’ diviżjoni, jew bi kliemna lill-oħrajn inweġġgħuhom, ninsultawhom, nikkalpestawhom.
Il-protezzjoni tal-ħajja umana
Ġesù jgħid li aħna nħarsu l-ħajja umana, nipproteġuha. Nixtieq insemmi xi ħaġa attwali ħafna. Bħalissa qed issir diskussjoni miftuħa f’Malta jekk għandux ikun hemm l-opportunità li xi ħadd marid b’marda terminali, u li t-tobba jagħtuh sitt xhur jew inqas ħajja, ikun jista’ joqtol ruħu b’idejh bl-għajnuna tal-Istat u tas-servizz nazzjonali tas-saħħa.
Għandu jkun hemm din l-opportunità? Jew aħna għandna naħdmu biex min ikun f’sitwazzjoni ta’ mard terminali u qed ibati ħafna, ikollu l-kura sħiħa – kemm dik medika biex jittaffa l-uġigħ, kif ukoll għajnuna emozzjonali, psikoloġika, spiritwali? Dawn huma l-għażliet fejn aħna nuru kemm nieħdu bis-serjetà l-kelma ta’ Ġesù. Hu jgħallimna li l-ħajja hija don ta’ Alla. Mhux aħna s-sidien tal-ħajja, mhux f’idejna li niddeċiedu meta ntemmu l-ħajja jew li nkunu kompliċi fi qtil. Ġesù jgħallimna wkoll li aħna għandna nagħmlu minn kollox biex nagħtu kura sħiħa u appoġġ lil min qed ibati.
Nindunaw li l-kliem ta’ Ġesù hu kliem li lilna jmissna tassew fil-qalb tagħna. Illum qed jgħidilna li tassew nuru li nħobbuh billi nħarsu kelmtu, u nagħmlu ħilitna biex ngħixu dil-kelma tiegħu.
Il-paċi f’qalbna
Ġesù jgħidilna xi ħaġa tassew sabiħa – li meta ngħixu dil-kelma tiegħu, ikollna l-paċi: “Nagħtikom is-sliem tiegħi. Ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja” (Ġw 14:27). Il-paċi ta’ Ġesù hi l-paċi fil-qalb tagħna, paċi li ġejja minnu. Il-paċi li tagħti d-dinja kultant nifhmu biha l-paċi li tfisser nuqqas ta’ ġlied u konflitti. Nafu kemm għandna bżonnha din: naraw dak li għaddejjin minnu n-nies ta’ Gaża bħalissa, dawk it-tfal, l-anzjani, in-nies kollha li huma vittmi innoċenti; bħalma huma vittmi l-ostaġġi, bħalma huma vittmi wkoll in-nies fl-Ukrajna, vittmi tal-agressjoni, u postijiet oħra li forsi lanqas nisimgħu bihom.
Il-paċi li twaqqaf il-ġlied diġà hija ħafna. Imma Ġesù qed jgħid aktar: hi l-paċi fil-qalb li jagħti hu, li tgħinna biex aħna ngħixu fil-paċi tiegħu, u nkunu mbagħad strumenti ta’ din il-paċi tiegħu ma’ tant nies oħra.
Nitolbu lill-Mulej jagħtina l-grazzja li aħna nħarsu l-kelma tiegħu, nagħmlu ħilitna biex ngħixuha bis-serjetà f’ħajjitna, u jkollna l-paċi f’qalbna li jagħtina hu, li tgħinna nkunu strumenti tal-paċi tiegħu fis-soċjetà llum.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop