L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“X’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?” (Mk 10:17) Din hija l-mistoqsija li dan ir-raġel jagħmel fl-Evanġelju tal-lum skont San Mark. Jagħmilha lil Ġesù meta kien se jaqbad it-triq, u dar-raġel mar jgħaġġel, inxteħet għarkupptejh quddiemu u għamillu din il-mistoqsija. Ħafna drabi, meta naqraw din is-silta, moħħna jmur fuq dan ir-raġel u speċjalment fuq kif tispiċċa s-silta: li wara dan id-djalogu ma’ Ġesù, u wara li Ġesù għamillu stedina, dan ir-raġel “qarras wiċċu u telaq b’qalbu sewda” (Mk 10:22) Bir-raġun, għax narawha tistona kif titkellem ma’ Ġesù, u wara li titkellem miegħu, titlaq b’wiċċek imqarras u b’qalbek sewda. Naraw xi ħaġa ħażina hawn.
Nixtieq li nħarsu partikolarment lejn Ġesù f’din is-silta, u naraw kif iwieġeb u kif hu jistieden lil dan ir-raġel biex jagħmillu ħajtu aħjar. L-ewwel ħaġa li jgħid Ġesù meta dan staqsieh x’għandu jagħmel biex jikseb il-ħajja ta’ dejjem – u din hi importanti ħafna – jgħidlu: “Int il-kmandamenti tafhom” (Mk 10:19) U Ġesù jsemmilu l-kmandamenti, speċjalment dawk li jolqtu r-relazzjoni mal-oħrajn. Qed jgħidlu Ġesù: inti taf li l-ewwel pass għall-ħajja ta’ dejjem hu li inti tagħraf tagħżel dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin, li timxi ma’ dak li hu tajjeb u twarrab dak li hu ħażin. Għalhekk Ġesù jsemmi, per eżempju: la toqtolx, la tiżnix, la tisraqx, la tixhidx fil-falz. Ġesù qed jgħid xi ħaġa tant importanti għall-ħajja tagħna: li aħna nagħrfu li l-ewwel pass hu dejjem li jkollna dan il-kriterju ta’ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin, u nagħrfu, bil-qawwa ta’ Alla u bl-għajnuna tiegħu, nagħżlu t-tajjeb u nwarrbu dak li hu ħażin.
Għaliex hu importanti dan? Għax kultant nittieħdu mill-mentalità li tgħidlek: xejn mhu xejn; imxi skont kif tħoss; jekk inti tagħmel dak li tħoss, miexi tajjeb. Hu, per eżempju, li tisraq, li tieħu flus ħaddieħor. Jekk jirnexxilek tagħmilha, tistagħna int minn fuq dahar ħaddieħor, agħmilha. Jekk jirnexxilek tqarraq b’ħaddieħor, agħmilha. Din hija l-mentalità li rridu noqogħdu attenti ħafna minnha. Hija mentalità li flok tgħidlek “il-ħażin tagħmlux għax ħażin”, tgħidlek: “il-ħażin hu ħażin jekk tinqabad li għamiltu, jekk jindunaw li int għamilt il-ħażin”. Hemmhekk, imbagħad, trid tara x’tagħmel; il-bqija ibqa’ għaddej. Għalhekk Ġesù jinsisti: l-ewwel ħares il-kmandamenti. Hu kien ġabar il-kmandamenti kollha fil-kmandament tal-imħabba, imma ngħixu tassew l-imħabba lejn Alla u lejn l-oħrajn billi nagħrfu nimxu ma’ dak li hu tajjeb u nwarrbu dak li hu ħażin.
Imbagħad Ġesù jagħmel stedina lil dan ir-raġel meta qallu li l-kmandamenti ilu jsegwihom. Ġesù jgħidlu: “ħaġa waħda jonqsok: mur bigħ li għandek, agħtih il-fqar, u jkollok teżor fis-sema; imbagħad ejja u imxi warajja” (Mk 10:21). Hija stedina li qed jagħmel Ġesù biex dan ir-raġel jimxi pass ’il quddiem u f’ħajtu jkun aktar ħieles. Jimla qalbu mhux bil-ġid materjali imma b’dak li l-aktar jiswa; u li jaħseb fl-oħrajn, jaħseb fil-fqar u f’dawk li huma fil-bżonn, u hekk ikollu teżor fis-sema. Imma nafu x’għamel dan ir-raġel li kif sema’ dal-kliem ta’ Ġesù, “qarras wiċċu u telaq b’qalbu sewda” (Mk 10:22) b’kuntrast ma’ dixxipli oħra li Ġesù sejħilhom. Naqraw meta sejjaħ lid-dixxipli, xi wħud minnhom “telqu kollox u marru warajh” (Lq 5:11). Dan “qarras wiċċu u telaq b’qalbu sewda” għaliex kellu qalbu marbuta mal-ġid materjali, mal-ġid tad-dinja. Mhux għax dal-ġid kisbu b’mezzi ħżiena – bil-korruzzjoni jew bil-frodi. Kisbu b’mod tajjeb imma spiċċa biex qalbu kienet marbuta ma’ dan il-ġid. Ġesù riedu jgħix ħieles minn dan, qalbu mimlija mħabba anke lejn dawk li huma fil-bżonn, u mbagħad jimxi warajh.
Ma nafux dar-raġel x’għamel aktar ’il quddiem. Hawn min jgħid li aktar tard dan fil-fatt ġie lura għand Ġesù, mexa warajh u sar dixxiplu tiegħu. Imma li qed jurina l-Evanġelju hu l-istedina ta’ Ġesù li għamel lil dar-raġel u li jagħmel lilna: biex qalbna norbtuha mal-ġid li jibqa’ għal dejjem, biex infittxu li jkollna dan it-teżor fis-sema, u speċjalment biex nagħrfu li dak li Alla jipprovdilna, minnu ngħinu lil dawk li huma fil-bżonn, kif isemmi Ġesù, u hekk nagħrfu kif inkunu dixxipli tiegħu.
Nitolbu lill-Mulej biex aħna l-ewwel nett nagħrfu nosservaw il-kmandamenti tiegħu u nimxu ma’ dak li hu tajjeb u nwarrbu dak li hu ħażin. Imbagħad nitolbuh ukoll biex qalbna tkun mimlija bl-imħabba tiegħu, u ma norbtux qalbna mal-ġid li jgħaddi b’mod li nitilfu l-ġid li jibqa’ għal dejjem.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju