L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Henjin” (Mt 5:3). Għal diversi drabi Ġesù llum jirrepeti fl-Evanġelju “Henjin”. Disa’ darbiet, u fl-aħħar iżid: “Ifirħu u thennew” (Mt 5:12). Dan hu d-diskors tal-muntanja. Dawn li qrajna llum huma l-Beatitudnijiet – il-bidu ta’ dan id-diskors tal-muntanja, meta Ġesù tela’ fuq il-muntajna, u kien hemm folla nies, resqu lejh id-dixxiplu u beda jgħidilhom, kif naqraw fl-Evanġelji tal-lum, fuq il-valuri tas-Saltna.
X’ifisser dan li qed jgħid Ġesù? L-ewwel nett, ifisser li Ġesù jrid lid-dixxipli tiegħu henjin. Jiġifieri lilna lkoll Ġesù jridna henjin. U jridna henjin minn issa. Fil-fatt, tolqtok kif hawnhekk isemmi diversi drabi fejn aħna nsibu tassew l-hena f’qalbna. Imma anke meta jsemmi dawk li huma ppersegwitati, jew inkella “jgħajrukom u jippersegwitawkom, u jaqilgħu kull xorta ta’ ħażen u ta’ gideb” (Mt 5:11), Ġesù ma jgħidx: issaportu, għaliex imbagħad ’il quddiem tkun henjin. Imma jgħid “henjin intom”, għax din hija hena li jagħtina Alla f’qalbna jekk aħna nagħrfu ngħixu dawn il-valuri tas-Saltna u jekk nagħrfu tassew nagħżlu dak li hu sewwa.
Hawnhekk, fil-fatt, jolqtok kif Ġesù qed jitkellem fuq l-hena tal-qalb, jiġifieri l-ferħ li hu jġib f’qalbna. Dan hu differenti mis-sodisfazzjon jew pjaċir fil-ħajja. Naturalment, aħna nieħdu gost, u hija ħaġa tajba, meta nagħmlu xi ħaġa u tagħtina sodisfazzjon xieraq. Ħaġa sabiħa. Imma hawnhekk Ġesù qed jitkellem fuq xi ħaġa oħra. Mhijiex is-sodisfazzjon għax l-affarijiet imxew tajjeb, jew inkella l-pjaċir li tieħu f’okkażjonijiet li jagħtu gost. Dawn affarijiet sbieħ, imma Ġesù hawn qed jitkellem fuq il-ferħ li jkollna f’qalbna, li jagħtina hu, għax aħna nagħrfu ngħixu dawn il-valuri. Għalhekk fuq xi ħaġa li mhux tal-mument u tgħaddi, imma li tibqa’. Tibqa’ u timla tassew lil qalbna.
Jolqtok ħafna fil-kliem ta’ Ġesù l-kuntrast bejn dak li qed isemmi Ġesù hawn, u dawk li nisimgħu aħna fil-messaġġi– mhux illum biss imma tul is-snin kollha tal-umanità. Ma tantx tisma’ min jgħid “henjin” u jsemmi dawn, anzi kultant il-messaġġ li ningħataw hu li int tkun kuntent fil-ħajja meta jkollok ħafna, meta tistagħna, anke kultant meta tistagħna b’mezzi illeċiti; jew inkella li int tirnexxi u tagħmel suċċess fil-ħajja daqskemm int tkun iebes mal-oħrajn, daqskemm tgħaddi tiegħek u ma ċċedix, daqskemm int tkun aggressiv kultant mal-oħrajn; meta tfittex dak li jaqbillek anke meta jkun inġust jew mhux skont is-sewwa. Kultant dan hu l-messaġġ li nieħdu, li hu f’kuntrast kbir ma’ dan li qed jgħid Ġesù.
Għalhekk Ġesù jfakkarna li s-suċċess fil-ħajja nsibuh meta ngħixu dawn il-valuri tas-Saltna. Hemmhekk inkunu tassew sibna xi ħaġa li tibqa’ u li hi ta’ valur. Dan hu messaġġ sabiħ għalina lkoll. Ġesù qed ikellem lid-dixxipli, jiġifieri lilna lkoll kemm aħna, u jħeġġiġna biex aħna nsibu s-sabiħ fil-ħajja meta nkunu fqar fl-ispirtu, meta nieqfu ma’ min hu mnikket, meta nkunu strumenti tal-paċi, meta aħna jkollna s-sinċerità tal-qalb, meta nkunu ta’ qalb ħelwa, meta ngħaqqdu flimkien il-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja u l-ħniena – Ġesù jsemmihom it-tnejn wara xulxin. Meta ngħixu hekk, aħna qed nagħżlu dak li hu tajjeb u dak li tassew jiswa f’ħajjitna. U meta nagħżlu s-sewwa, anke meta ngħaddu minn tbatija – kif isemmi Ġesù, għax hu ċar li meta tgħix hekk se tgħaddi wkoll minn tbatija, kultant “kull xorta ta’ ħażen u gideb” (Mt 5:11) – imma int ikollok l-hena fil-qalb għax qed tagħżel dak li hu sewwa, dak li jiswa quddiem Alla.
Nitolbu llum lill-Mulej: għinna biex ngħixu l-valuri tas-Saltna tiegħek. Agħmel li aħna hemmhekk insibu tassew dak li jiswa fil-ħajja, dak li jagħtina l-hena tal-qalb, għaliex hija l-hena li ġejja minnek.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta