L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Int meħlusa” (Lq 13:12). Din il-kelma li jgħid Ġesù llum fl-Evanġelju tagħtina t-tifsira ta’ din il-ġrajja sabiħa rrakkuntata fl-Evanġelju skont San Luqa, ta’ meta Ġesù kien fis-sinagoga. Ħa nħarsu ftit lejn din ix-xena u naraw dak li turina u li tgħallimna għall-ħajja tagħna.
Hawn Ġesù kien qed jgħallem. Imma, f’mument minnhom, għajnejh waqgħu fuq waħda mara li kienet “milwija ħafna” (Lq 13:11), u li kienet tidher li kellha bżonn l-għajnuna. U x’għamel Ġesù? L-Evanġelju jgħid: “kif ra… sejħilha” (Lq 13:12). Mela mhux hi li staqsietu. Forsi kif kienet, bilkemm setgħet tħares lejh sew. Imma hu sejħilha – lill-mara, li għal ħafna ma kinetx ta’ importanza, qiegħda hemm mal-oħrajn, u għall-bżonn f’dawk is-snin kollha kienet ukoll abbandunata. Imma Ġesù lilha sejjaħ, u qalilha: “Mara, inti meħlusa mill-mard tiegħek” (Lq 13:12). U qiegħed idejh fuqha. U b’dan biss – bil-kelma tiegħu u b’idejh fuqha – dil-mara fieqet mill-mard tagħha. L-Evanġelju jgħid li minnufih “waqfet dritta u bdiet tfaħħar lil Alla” (Lq 13:13).
Kemm hija xena sabiħa din! Li turina li l-preżenza ta’ Ġesù hi dejjem preżenza ta’ mħabba, ta’ attenzjoni, ta’ kura, ta’ ħelsien. Dejjem hu dak li jeħles lill-bniedem minn dak li b’xi mod jew ieħor iżommu marbut jew li jfixklu. Dil-mara, fil-fatt, imbagħad tibda tfaħħar lil Alla. Ix-xena hi verament xena sabiħa, fis-sinagoga li hu l-post ta’ qima u tifħir lil Alla.
Imma x’jiġri? Għandna dal-kuntrast kbir imbagħad fir-rakkont, għaliex il-kap tas-sinagoga – dak li kien responsabbli tal-post – kif ra dal-fejqan, flok feraħ u faħħar lil Alla, u qal kemm kienet ħaġa sabiħa dik li ġrat fis-sinagoga, x’qal? Irrabja. L-Evanġelju jgħid “b’saħna fuqu” (Lq 13:14). Flok feraħ, irrabja. U lil dil-mara qalilha: suppost hawnhekk tiġi biex tfiq matul il-ġimgħa mhux nhar ta’ Sibt, għax is-Sibt kien jum speċjali li fih ma taħdimx. Imma x’ġralu dal-kap tas-sinagoga? Nesa t-tifsira proprja tas-Sibt. Għax is-Sibt beda biex jiċċelebra l-ħelsien li jġib Alla – il-ħelsien li Alla ġab lill-poplu Lhudi. Hekk beda s-Sibt. Is-Sibt kien il-jum ta’ ċelebrazzjoni tal-ħelsien, ċelebrazzjoni ta’ ferħ u qima lil Alla. U x’għamel Ġesù hawnhekk? Mhux dak li għamel ma’ dil-mara? Kieku ra sewwa t-tifsira tas-Sibt, il-kap tas-sinagoga kien jifraħ li dan qed jiġri s-Sibt.
Fil-fatt, Ġesù wkoll irrabja min-naħa tiegħu, u qallu “uċuh b’oħra” (Lq 13:15). U qallu: allura l-annimali, meta hemm bżonn tħolluhom biex tisquhom nhar ta’ Sibt ok, u dil-mara biex tħollha mill-irbit tagħha, jiġifieri biex tagħtiha l-ħelsien, le! Għalikom l-annimali iktar importanti mill-bnedmin. Ġesù dan ifakkarna: li Alla hu dak li lilna jeħlisna, jagħtina d-dinjità, jagħtina wkoll li ngħixu tassew ħajja sabiħa.
Għalhekk ifakkarna li, l-ewwel nett, fil-ħajja tagħna, għandna dejjem inħarsu lejn Ġesù bħala dak li jeħlisna, li lilna jagħtina lura ħajja ġdida. U jgħinna wkoll biex kliemna jkun dejjem kliem ta’ tifħir lil Alla. Imbagħad ifakkarna wkoll – hawnhekk Ġesù kien fis-sinagoga – li l-posti ta’ qima tagħna, jiġfieri l-knisja, hija l-post fejn aħna ninġabru biex infaħħru lil Alla u biex hemmhekk dejjem lin-nies ngħinuhom biex isibu l-ħelsien. Għalhekk għandna naħdmu biex il-knisja tkun dejjem il-post fejn kull persuna tkun milqugħa, maħbuba, megħjuna bil-kliem tal-Evanġelju – il-kliem ta’ Alla – biex ikollha tassew il-ħelsien. Nitolbu lill-Mulej iżommna dejjem f’dan l-ispirtu tiegħu, u jgħinna biex lejh inħarsu bħala dak li jeħlisna, u lilna nfusna jagħmilna strumenti għall-oħrajn ta’ ħelsien u ta’ ħajja ġdida.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




