L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Bla ma jaf kif”. Hekk jgħid San Mark fl-Evanġelju llum meta jitkellem fuq din il-parabbola ta’ Ġesù, ta’ dan ir-raġel li xeħet iż-żerriegħa fl-art, u din tinbet u tikber bla ma jaf kif.
Din il-parabbola, li nsibuha biss f’San Mark, għandha x’tgħidilna ħafna għall-ħajja tagħna. L-ewwel nett turina li għas-saltna ta’ Alla hi meħtieġa l-ħidma tagħna. Aħna għandna sehem x’nagħtu fis-saltna ta’ Alla. Dar-raġel ħadem billi xeħet iż-żerriegħa fl-art. Imbagħad seta’ jmur jistrieħ fil-kwiet. Din hi ħidma importanti.
Imma turina wkoll li dak li jkabbar iż-żerriegħa, li jgħinha tinbet u tiżviluppa biex imbagħad tkun tista’ tagħti l-frott, hu Alla. Filwaqt li dan ir-raġel rieqed bil-kwiet, din iż-żerriegħa qiegħda tikber u tiżviluppa bil-qawwa ta’ Alla. U dan isir bil-mod il-mod. Hekk tikber is-saltna ta’ Alla. Meta hemm iż-żerriegħa, din tindifen u ma tidhirx. Iż-żerriegħa ma tiġbidx l-attenzjoni fuqha, u tikber mingħajr storbju. Hekk ukoll is-saltna ta’ Alla. Tikber ħafna drabi bl-isforzi li jsiru u bil-ħidma li ssir, li tkun fil-kwiet, mingħajr ma tiġbed l-attenzjoni, għax hemm qed jaħdem Alla.
Nafu li mbagħad tħalli l-frott. Hawnhekk isemmi li fl-aħħar mill-aħħar tħalli l-frott bil-qawwa ta’ Alla. Alla jgħinha tilħaq l-iskop tagħha diż-żerriegħa, tħalli l-frott, imbagħad jerġa’ jidħol il-bniedem, il-bidwi, li jmidd idu għall-minġel għax ikun wasal żmien il-ħsad.
Minn dak li jidher insinifikanti, Alla jagħmel xi ħaġa tassew sinifikanti, u hu joħloq il-ġid anke mill-ftit tagħna
Fit-tieni parabbola li jgħid Ġesù, li nsibuha wkoll f’evanġelisti oħra, hu jitkellem fuq kif il-frott ikun kbir anke meta l-ħidma tagħna tkun ċkejkna. Hawn isemmi żerriegħa tal-mustarda; jgħid li hi l-iżgħar, l-iċken, fost iż-żrieragħ kollha tal-art, imma meta tikber issir l-akbar waħda fost il-ħxejjex kollha. Għalhekk, anke fis-saltna ta’ Alla: l-isforzi tagħna li kultant jidhru dgħajfa, ċkejkna, Alla jista’ jagħmel minnhom xi ħaġa kbira. Huwa hu, mhux aħna; basta noffrulu dil-ħidma tagħna ċkejkna, żgħira; minnha hu jagħmel xi ħaġa kbira. Minn dak li jidher insinifikanti, hu jagħmel xi ħaġa tassew sinifikanti, u hu joħloq il-ġid anke mill-ftit tagħna. Aħna “bla ma nafu kif”, imma l-“kif” jafu hu.
Kultant issib min jgħidlek “imma jien x’nista’ nagħmel? Qiegħed hawnhekk f’qiegħ ta’ sodda!” Jekk toffri l-mard tiegħek, it-tbatija tiegħek, u t-talb tiegħek – forsi dawn jistgħu jidhru xi ħaġa żgħira, insinifikanti, imma Alla minnhom jagħmel xi ħaġa kbira għas-saltna tiegħu. Għax Alla jħares lejn dak li noffru b’sinċerità, il-ħidma li nagħmlu bil-qalb; minnha, jekk noffruha lilu, hu joħloq xi ħaġa tassew kbira għas-saltna tiegħu.
Din hi kelma li tant tiswa għalina llum. L-ewwel nett, Alla jistedinna biex ikollna sehem fis-saltna tiegħu. Meta fit-talba tal-Missierna ngħidu “tiġi saltnatek”, qed nieħdu anke l-impenn li nikkollaboraw ma’ Alla fil-ħidma tiegħu. Imbagħad, biex ikollna fiduċja fih – li hu jkabbar. Mhumiex il-preokkupazzjoni u t-tensjoni tagħna – dawk ma jġibux il-frott. Fiduċja fih li jkabbar hu, u li mill-ħidma tagħna, anke dgħajfa, jista’ joħloq tassew xi ħaġa ta’ ġid. Nitolbuh biex noffrulu dak li nistgħu nagħmlu, konvinti li hu jaħdem bil-qawwa tiegħu, u joħroġ tassew il-ġid, anke mill-isforzi dgħajfa tagħna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju