L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Tħassarhom” (Mt 14:14). Din hi l-kelma li naqraw fl-Evanġelju skont San Mattew fuq Ġesù, meta ġie wiċċ imb wiċċ man-nies. Kien qed ifittex post imwarrab, u għalhekk telaq bid-dgħajsa; imma n-nies indunaw u mxew biex, hekk kif niżel mid-dgħajsa, sabhom ma’ wiċċu. U l-Evanġelju jgħid: “tħassarhom”.
Hemm silta oħra fl-Evanġelju skont San Mark fejn naraw l-istess kelma – “tħassarhom”. Ġesù kien qed ifittex post fil-kwiet, u jiġi wiċċ imb wiċċ man-nies, u l-Evanġelju jgħid li tħassarhom “għax kienu qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj” (Mk 6:34). Innutaw li Ġesù jitħassar lin-nies, flok jitħassar lilu nnifsu għax kien qed ifittex il-kwiet u n-nies itellfulu l-mistrieħ u l-kwiet. Jitħassar lin-nies.
Imma l-Evanġelju juri li ma jiqafx hemm. Fil-fatt, fis-silta li semmejt skont San Mark, l-Evanġelju jgħid li tħassarhom għax kienu qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj “u qabad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ” (Mk 6:34). Ġesù ra l-bżonn tagħhom tat-tagħlim, li kienu bla direzzjoni, u hu bħala r-ragħaj it-tajjeb qagħad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ. Mhux tħassarhom biss, imma ħa azzjoni. U anke hawnhekk, fis-silta li għadna kemm smajna, meta Ġesù tħassarhom, jgħidlek li “fejqilhom il-morda tagħhom” (Mt 14:14). Ġesù jgħallem, Ġesù jfejjaq, it-tnejn li huma juru li Ġesù ma jibqax biss jitħassarhom u daqshekk, imma jieħu azzjoni, jara x’għandhom bżonn. U aktar ’il quddiem, fl-Evanġelju tal-lum, naraw fil-fatt li Ġesù, meta jinduna li dawn in-nies għandhom bżonn jieklu, jitħassarhom ukoll u jgħid lid-dixxipli biex jagħtuhom x’jieklu. U huma jgħidulu: “Hawn ma għandniex ħlief ħames ħobżiet u żewġ ħutiet” (Mt 14:17). U Ġesù jaqbad il-ftit tagħhom, u jibdlu f’ħafna li jkun ikel biżżejjed għal dawk l-eluf u jibqa’ żżejjed ukoll.
Ġesù jgħallimna: mhux biss titħassar imma agħmel xi ħaġa biex tgħin
Ġesù mhux biss jitħassar, imma jieħu azzjoni. Dan hu importanti għalina, għax aħna, meta nersqu lejh fit-talba tagħna, u nqiegħdu quddiemu l-problemi u d-diffikultajiet tagħna, u t-tbatija li minnha ngħaddu, aħna nafu li Ġesù mhux biss jifhimna. Ma jiqafx hemm, imma Ġesù jagħtina l-għajnuna li għandna bżonn – kultant permezz tal-oħrajn. Innutaw hawnhekk f’dan l-Evanġelju, kif meta Ġesù l-ħobż ikattru u jagħmlu biżżejjed għal dawk l-eluf, imbagħad jagħtih lid-dixxipli biex huma jnewluh lin-nies (Mt 14:20). Min kien qiegħed, pereżempju, fil-filliera ta’ wara jaf biss li ġew id-dixxipli u tawh il-ħobż. L-għajnuna waslet permezz tal-oħrajn. U anke magħna, kultant Ġesù l-għajuna jwassalha permezz tal-oħrajn. Ġesù jagħtina wkoll id-dawl li għandna bżonn f’ħajjitna biex nagħrfu kif għandna nimxu.
Imbagħad hemm ħaġa oħra importanti: Ġesù jixtieq li dak li għamel hu, nagħmluh aħna wkoll. Jiġfieri li aħna nitħassru, inħossu għan-nies, imma ma niqfux hemm. Jista’ jkun li kultant nitħassru lil xi ħadd u nibqgħu għaddejjin. Ġesù jgħallimna: mhux biss titħassar imma agħmel xi ħaġa biex tgħin. Għalhekk aħna wkoll inħossu verament għal min ikun għaddej minn tbatija, għal min ikollu bżonn, imma wkoll nagħmlu xi ħaġa biex ngħinu, biex nuru appoġġ u solidarjetà lil min għaddej minn tbatija jew lil min għandu xi bżonn.
Nitolbu lill-Mulej illum, ispirati mill-kelma tiegħu. Nitolbuh l-ewwel nett li aħna jkollna qalb li lesta tirċievi l-għajnuna li hu jagħtina, għax hu mhux biss jifhimna imma jgħinna. U nitolbuh biex jagħtina qalb tixbah lil tiegħu – li nħossu tassew ma’ min għaddej minn tbatija, jew ma’ min qiegħed fil-bżonn; imma ma niqfux biss f’dak li nħossu imma nagħtu l-appoġġ u l-għajnuna b’mod konkret lil kull min b’xi mod jew ieħor nistgħu ngħinu u miegħu nagħmlu l-ġid.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju