Photo: CatholicTT

L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Araw qiegħed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup” (Lq 10:3). Dan hu l-kliem ta’ Ġesù lit-tnejn u sebgħin dixxiplu li għażel, u li bagħathom biex imorru “qablu f’kull belt u post fejn kien se jmur hu” (Lq 10:1). Jagħtihom diversi struzzjonijiet, imma jgħidilhom ukoll li qed jibgħathom “bħal ħrief qalb l-ilpup”.

Xi jfisser dan il-kliem li jgħid Ġesù? Ħa naraw x’jgħidilhom Ġesù lid-dixxipli. Meta jibgħat lit-tnejn u sebgħin dixxiplu, u jgħidilhom biex imorru qablu ħalli jħejju t-triq għalih, hemm f’dak li jgħid lilhom messaġġ lilna, aħna li aħna mgħammdin u dixxipli tiegħu.

Kif naqdu l-missjoni

L-ewwel ma jgħidilhom: “Teħdux magħkom la ħorġa, la but u lanqas qrieq” (Lq 10:4). Mhux qed jgħid biex ma jeħdux dak li hu essenzjali, imma qed jgħid biex ma jserrħux fuq dak li jkollhom – qisu aktar ma jkollhom, aktar jirnexxilhom jagħmlu x-xogħol sewwa – imma fuq il-providenza ta’ Alla. Ma jeħdux affarijiet li jistgħu jtellfuhom. Minna Ġesù jitlob li nserrħu fuqu, mhux fuq dak li għandna.

Jgħidilhom ukoll li l-ewwel tislima għandha tkun “is-sliem lil din id-dar” (Lq 10:5). Għax Ġesù jrid li aħna nkunu dejjem strumenti tal-paċi tiegħu, li l-preżenza tagħna ġġib dejjem il-paċi, mhux id-diviżjoni, il-konflitt, il-ġlied. Nafu kemm hi importanti din fil-familji u fil-komunitajiet tagħna. Din it-tislima għandha tkun mhux bil-kliem biss, imma ħierġa mill-qalb u mill-esperjenza tal-ħajja, li turi paċi ma’ Alla u mal-oħrajn.

Jgħidilhom ukoll biex il-kriterju tas-suċċess ma jkunx kemm jirnexxilhom jikkonvinċu jew jinfluwenzaw nies. Lanqas ma għandhom jieqfu fuq is-soddisfazzjon li jegħlbu l-ħażen. Fil-fatt, meta jiġu lura u jgħidulu li x-xjaten ukoll kienu joqogħdu għalihom minħabba f’ismu, jgħidilhom: “Madankollu mhux b’dan ifirħu, li l-ispirti joqogħdu għalikom, imma ifirħu għax għandkom isimkom miktub fis-smewwiet.” (Lq 10:20). Qed jgħid: ifirħu aktar b’dak li qed jagħmel il-Mulej għalikom u permezz tagħkom, milli dak li qed tagħmlu għalih.

Ħrief qalb l-ilpup

Tajjeb li nifhmu sew l-espressjoni li jgħid Ġesù: “nibgħatkom bħal ħrief għal ilpup”. X’jiġifieri dan? Għax, meta toqgħod taħseb ftit, ebda mexxej li jkun qed jibgħat lin-nies tiegħu ma jgħidilhom kliem bħal dan, għax kieku jiskoraġġixxu ruħhom. Imma Ġesù jitkellem ċar. Qed jgħidilhom li għandhom ikunu bħal ħrief. Ix-xbieha ta’ ħaruf hi xbieha ta’ ġentilezza, ta’ umiltà, ta’ min ma jagħmilx ħsara; f’din ix-xbieha ma hemmx agressività u vjolenza. Hemm ukoll messaġġ ieħor: inkunu tassew ħrief, jekk aħna jkollna lilu bħala r-ragħaj it-tajjeb tagħna.

Jgħid “qalb l-ilpup”. Qed jurina li niltaqgħu ma’ diversi ostakli, u ma’ nies li jkollhom ukoll intenzjoni ħażina. Hemm persuni li joħolqu ħafna diffikultajiet ta’ tip differenti, persuni li jtellfulna l-paċi. Li qed jgħid Ġesù hu dan: agħrfu li se tkunu kultant qalb l-ilpup. Imma li tkun ħaruf ma jfissirx li tkun inġenwu. Qed jgħid Ġesù li bħala dixxipli tiegħu ma għandniex inħallu min jidħaq bina, jew min idaħħalna fi xkora. Dan ifakkarna fi kliem ieħor li jgħid Ġesù, li nsibuh fl-Evanġelju skont San Mattew fejn isemmi żewġ annimali oħra bħala xbihat, u jgħid: “Kunu għaqlin bħas-sriep u safjin bħall-ħamiem” (Mt 10:16). Qed jgħid li qatt ma għandna nġibu ruħna ħażin aħna, imma rridu nagħrfu r-realtà tal-ħajja u b’għaqal nintebhu li hemm il-ħażen, u ma nħalluhx jegħlibna.

Għalhekk qed jgħid li, qalb l-ilpup, aħna nkunu bħal ħrief li għandna lilu bħala r-ragħaj it-tajjeb tagħna. San Ġwann Kristostmu, hu u jikkummenta fuq dal-kliem ta’ Ġesù, jgħid: l-agħar ikun jekk aħna nkunu lpup qalb l-ilpup, flok ħrief qalb l-ilpup. Jekk insiru hekk, Ġesù ma jibqax ir-ragħaj it-tajjeb tagħna, għax ma nibqgħux parti mill-merħla; hu ragħaj tan-ngħaġ, tal-ħrief, mhux tal-ilpup. Kultant jista’ jiġri li nirraġunaw hekk: dak kellmek ħażin, kellmu ħażin int, għax hekk jifhmek, kellmu kif ikellmek hu; dik għamlitlek azzjoni ħażina, tifhem biss jekk tagħmlilha azzjoni ħażina int; aħtaf lil min jaħtfek. Jekk nirraġunaw hekk, jew nagħmlu hekk, inkunu bħal ilpup. Imma Ġesù jgħidilna li ma għandniex insiru lpup aħna.

Quddiem ir-rifjut

Ġesù minna jrid attitudni ta’ mħabba, ta’ kompassjoni, ta’ ġentilezza, ta’ rispett lejn id-dinjità tal-oħrajn, filwaqt li nkomplu naħdmu dejjem u nirsistu għal dak li hu sewwa, għal dak li hu xieraq, għal dak li hu ġust. Se jkun hemm min ma jaċċettax dak li jgħid Ġesù. Kultant, jiġrilna din: inħarsu madwarna, u naraw diversi nies ma jagħtux każ, indifferenti, u qisna nagħmlu f’qalbna. Forsi għax ġieli ninsew li anke meta Ġesù kellem lid-dixxipli tiegħu, qalilhom kif inhi r-realtà tal-ħajja u kif tibqa’: min jaċċettah, min le.

Qatt ma għandu jkollna sens ta’ inferjorità, għax qisna aħna mhux bħal oħrajn u għalhekk inferjuri. Kif qalilna hu: ismijietkom miktuba fis-sema. Aħna għeżież għal Alla, u din lilna tagħmlilna kuraġġ u tgħinna biex dejjem inkomplu naqdu l-missjoni tagħna b’fedeltà u bil-ferħ.

Nitolbu li, imdawlin b’din il-kelma ta’ Ġesù, nagħrfu li għandna missjoni kulfejn inkunu – fil-familja, ma’ sħabna, fix-xogħol, u f’diversi postijiet oħra – u din il-missjoni għandna naqduha bil-qalb u bil-fedeltà, anke jekk inkunu, kif qal Ġesù lid-dixxipli, “bħall-ħrief qalb l-ilpup”.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta