L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Ġużeppi, meta qam, għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej” (Mt 1:24). Hekk naqraw fl-Evanġelju skont San Mattew illum, f’din is-solennità ta’ San Ġużepp. F’din is-sentenza, nistgħu ngħidu li għandna l-ġabra tal-ħajja ta’ San Ġużepp, l-iktar ħaġa essenzjali, il-kobor tiegħu: il-fatt li hu għamel kif ordnalu l-Mulej.
Hawnhekk fl-Evanġelju naraw – u mhux biss hawn imma diversi drabi meta jidher Ġużeppi – li hu jkollu pjan u jitħarbatlu, jisfrattalu. Meta hu sar jaf li Marija kienet tqila, u ma kinux joqogħdu flimkien, beda jaħseb x’se jagħmel. Kellha titlaq, imma beda jaħseb pjan kif titlaq imma fl-istess waqt jipproteġi lilha. Għalhekk naqraw li kellu l-ħsieb li “jibgħatha bil-moħbi tan-nies” (Mt 1:19), biex proprju jipproteġiha, għax kieku kellha tkun magħrufa, tispiċċa biex iħaġġruha lil Marija. Għalhekk hu għamel dan il-pjan, li kien pjan kif iħares il-ħajja ta’ Marija, u jħares ukoll il-ħajja ta’ binha, li kien fil-ġuf, li sa dak il-ħin Ġużeppi kien għadu ma jafx min kien.
Kien pjan maħsub bi mħabba, b’sensittività, u fl-istess waqt b’ħafna għaqal. Imma meta deherlu l-anġlu tal-Mulej, bidillu dan il-pjan. Mhux għax ma kienx pjan tajjeb, imma għax il-Mulej urieh x’kienet tassew l-istorja – jiġifieri li bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu li Marija kienet tqilha. Għalhekk hu kellu mhux jibgħatha bil-moħbi, imma jilqagħha bħala martu. Araw kif lil Ġużeppi nbidillu l-pjan, imma għaraf li dak kien li jrid Alla, u hekk għamel, “għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej”.
Fil-fatt, mhuwiex biss hawn li naraw lil Ġużeppi jitħarbatlu l-pjan, imma f’diversi mumenti oħra tal-ħajja tiegħu. Imma dejjem fittex mhux dak li kellu fi ħsiebu hu, imma dak li jitlob minnu l-Mulej, għax kien jaf li fl-aħħar mill-aħħar hemm ikun tassew ta’ ġid, anke għalih. Jolqotna ħafna Ġużeppi proprju f’din id-disponibilità biex jagħmel ir-rieda ta’ Alla. Hawnhekk naraw kemm kellu fidi qawwija. Kellu fidi fil-kelma ta’ Alla li hi aqwa minn kull kelma oħra, u li hija vera. Ġużeppi emmen, u minħabba f’hekk kien lest jibdel il-pjan tiegħu biex jagħmel il-pjan ta’ Alla. F’dan naraw kemm kien qrib Marija, għax Marija wkoll tolqotna ħafna bħala mara ta’ fidi; u kieku kellna niġbru l-ħajja tagħha f’sentenza, ngħidu proprju l-kliem li qalet hi, li jixbah ħafna dan li rajna f’Ġużeppi: “Ara jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek” (Lq 1:38).
Tajjeb li llum nitolbu lil San Ġużepp biex jagħtina l-grazzja li aħna f’ħajjitna dejjem infittxu dak li jrid il-Mulej. Li nkunu lesti, jekk hemm bżonn, nibdlu l-ħsibijiet tagħna, il-pjanijiet tagħna, biex nagħmlu dak li jitlob minna l-Mulej, għax nafu li fl-aħħar mill-aħħar dak hu tal-akbar ġid għalina.
Nitolbuh illum bit-talba sabiħa li għamel il-Papa Franġisku, li tant tfisser tajjeb dak li nixtiequ llum fis-solennità ta’ San Ġużepp: “…O Mqaddes Ġużeppi, kun missier għalina wkoll, u mexxina fit-triq tal-ħajja. Aqlgħalna l-grazzja, il-ħniena u l-kuraġġ, u ħarisna minn kull deni.”
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta