L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Għażel tnax” (Mk 3:14). Hawnhekk, fl-Evanġelju skont San Mark, għandna l-għażla tat-tnax-l appostlu. L-Evanġelju jgħid li Ġesù “tela’ fuq l-għolja” (Mk 3:13) – ġa għandna hemmhekk indikazzjoni li din hija xi ħaġa speċjali ħafna. L-għoljiet fl-Iskrittura jfakkruna proprju f’din il-preżenza ta’ Alla, jew il-missjoni speċjali li Alla se jagħti. Hawn Ġesù tela’ fuq l-għolja, sejjaħ lejh lil dawk li ried u minnhom għażel tnax.
Ħa naraw din is-silta qasira, x’hemm fiha li hu ta’ ispirazzjoni u għajnuna għall-ħajja tagħna. L-ewwel nett, l-Evanġelju jgħid “sejjaħ lejh lil dawk li ried” (Mk 3:13). Mela hija għażla tiegħu, ta’ Ġesù. Mhux sejjaħ lejh lil dawk li kellu bżonn, jew sejjaħ lejh lil dawk li kellmuh qabel għax riedu pożizzjoni. Imma sejjaħ lejh lil dawk li ried. Huwa hu li jagħżel. Huwa hu li jagħżel lill-appostli, u hawnhekk jagħtihom din il-missjoni importanti.
Nixtieq li naraw ftit dawn it-tliet punti li jsemmi San Mark meta jitkellem fuq din il-missjoni tal-appostli: “biex jibqgħu miegħu, u biex jibgħathom jippritkaw, u jkollhom is-setgħa li jkeċċu x-xjaten” (Mk 3:14-15). L-ewwel nett, “biex jibqgħu miegħu”. Din hi l-enfasi li jagħmel dejjem Ġesù: biex jibqgħu miegħu, jibqgħu fl-imħabba tiegħu (ara Ġw 15:9). Hekk biss jistgħu jkunu appostli tiegħu. Mingħajr din l-għaqda miegħu, dak li se jagħmlu jkun biss inizjattiva tagħhom, ħidma tagħhom, imma mhux marbutin miegħu. Nafu li Ġesù dejjem jagħfas fuq dan. Niftakru meta kien qal: “Jiena d-dielja, intom il-friegħi” (Ġw 15:5) meta kien qed ikellem lill-appostli, ara b’liema rabta jibqgħu miegħu. Niftakru f’dik il-ġrajja sabiħa ta’ meta mar għand Marta u Marija, u faħħar lil Marija għax baqgħet hemmhekk miegħu, tisimgħu.
L-ewwel “jibqgħu miegħu”. Imbagħad “jibgħathom jippritkaw”. Għax il-kelma li jridu jwasslu hija l-kelma tiegħu. L-appostli ntbagħtu biex jippritkaw ħalli jxandru l-Aħbar it-Tajba. Mhux biex ixandru fehmiethom, x’jaħsbu, x’jidhrilhom, x’ihossu, imma biex iwasslu l-kelma ta’ Alla. Ukoll, li “jkollhom is-setgħa li jkeċċu x-xjaten”. Aħna mal-ewwel din iġġib f’moħħna każijiet ta’ eżorċiżmu – xi ħadd ippossessat mix-xitan. Jeżistu dawn il-każijiet, imma l-aktar li jaħdem ix-xitan mhux fejn tarah u jbeżżgħek, imma fejn jaħdem minn taħt, bl-ingann, billi jqarraq bik. “Ikeċċu x-xjaten” ifisser li l-kelma li jwasslu tgħin lill-bniedem biex joqgħod attent mill-ingann tax-xitan, mill-qerq tiegħu. Għax kultant dak li jiġi ppreżentat lilna bħala sabiħ, bħala tajjeb, bħala qisu mhu xejn – “mhux kulħadd hekk qed jagħmel!” – fil-fatt ikun ħażin. Dan hu l-qerq tax-xitan li iktar jaħdem hekk milli f’każijiet partikulari li jirrikjedu l-eżorċiżmu.
Din hi l-ħidma tal-appostli. Żgur tolqotna kif Ġesù, għal din il-ħidma, lil min għażel? Għażel tnax li smajna bihom hawnhekk, li ma kinux nies prominenti dak iż-żmien, nies li kellhom il-poter jew nies li kienu kapijiet reliġjużi, imma għażel nies ta’ ħajja ordinarja, nies bid-difetti u n-nuqqasijiet tagħhom. Nafu li Xmun, l-ewwel wieħed li jissemma, kien fil-fatt dak li ċaħdu fil-mument tal-Passjoni. U l-aħħar wieħed li jissemma, Ġuda l-Iskarjota, hawn jgħidlek: “dak li ttradih” (Mk 3:19). Għax għażel lil dawn? Mhux aħna li nistgħu ngħidu għaliex għażel lil dawn, għax għażla tiegħu; imma lil dawn għażel. L-għażla tiegħu tfakkarna li anke llum, meta naraw lis-suċċessuri tal-appostli, u dawk kollha li jaħdmu fil-Knisja, li jagħtu s-sehem tagħhom, ma għandniex nippretendu li se jkunu nies perfetti, nies ideali, nies bla ebda nuqqas jew difett. Anzi, kif naraw fl-ewwel tnax appostlu li għażel. Din mhux biex nikkunslaw, imma biex lilna tfakkarna, li aħna lkoll li nagħtu s-sehem tagħna fil-Knisja, aħna lkoll midinbin, bid-difetti u n-nuqqasijiet tagħna, imma Alla bil-qawwa tiegħu jibdilna, iġeddidna, jittrasformana biex nistgħu naqdu din il-missjoni tiegħu. Jekk naċċettaw, bħalma aċċettaw ħdax minn dawn it-tnax, insiru tassew appostli u nwasslu l-Aħbar it-Tajba lill-bnedmin l-oħra. Imma minna jiddependi kemm aħna nħallu lill-Mulej jittrasformana bħalma għamel mal-appostli.
Nitolbu llum għalina lkoll biex nagħrfu din il-missjoni sabiħa tal-Knisja, u nieħdu sehem fiha bl-istess spirtu li ħadu sehem fiha l-appostli bi tweġiba għas-sejħa li jagħmel il-Mulej illum ukoll.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta