L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“U l-proxxmu tiegħi min hu?” (Lq 10:29) Din hi d-domanda li, kif rajna fl-Evanġelju llum, għamel l-għaref tal-liġi lil dak li kien il-milja tal-għerf, Ġesù.
Ġesù kien spjega kif l-akbar kmandament huwa li tħobb lill-Mulej Alla tiegħek “b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha, u l-proxxmu tiegħek bħalek innifsek” (Lq 1:26); u dan l-għaref għamillu d-domanda: “u l-proxxmu tiegħi min hu?”
Jekk naraw dak li jgħid Ġesù fil-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb, nindunaw li Ġesù, bħala edukatur veru tajjeb, jgħinu mhux biss biex ikollu risposta għad-domanda tiegħu, imma biex jagħraf li hemm bżonn jibdel id-domanda tiegħu. Dan għaliex l-għaref tal-liġi, meta staqsa “l-proxxmu tiegħi min hu?” għamel dil-mistoqsija għax dak iż-żmien bil-kelma “proxxmu” kien jifhmu dak li hu parti mill-grupp, mir-razza, mill-poplu Lhudi. Sa hemm kien jasal il-proxxmu. B’din id-domanda, hu qiegħed fiċ-ċentru, u jħares madwaru u jara min hu proxxmu u min mhuwiex proxxmu, lil min għandu jħobb u lil min ma hemmx għalfejn iħobbu.
Min ġab ruħu ta’ proxxmu?
Imma Ġesù, fl-aħħar tal-parabbola, jibdel id-domanda: ma jgħidlux min hu l-proxxmu, imma jgħidlu: “minn dawn it-tlieta, int min jidhirlek li ġieb ruħu ta’ proxxmu?” (Lq 10:36) Jiġifieri għal Ġesù mhux jien fiċ-ċentru, imma l-oħrajn, u dawk li għandhom bżonn l-għajnuna – huma min huma, huma ta’ liema razza huma – inkun proxxmu għalihom. Mhux li nara min hu proxxmu tiegħi, imma li jien inkun proxxmu għal kulħadd.
Din il-parabbola għandha l-essenzjal ta’ x’jiġifieri tkun proxxmu għall-oħrajn. Meta ħallew lil dan ir-raġel nofsu mejjet, għaddew tnejn min-nies: il-qassis u l-levita. Kellhom x’jagħmlu. Rawh, imma baqgħu sejrin. Imbagħad għadda wieħed Samaritan, li ma kienx mill-istess razza u poplu tiegħu, u kien dan li waqaf biex jgħinu. L-istorja hi sabiħa ħafna fid-dettalji: rah, tħassru, resaq lejh, dewwielu l-ġrieħi biż-żejt u l-inbid, ħadu f’lukanda biex jirċievi għajnuna aħjar, u kien lest jagħtih kull ma kien hemm bżonn biex jirċievi din l-għajnuna.
Dal-bniedem kien lest jisfratta l-pjanijiet tiegħu, għax hu kien sejjer minn Ġerusalemm għal Ġeriko, ried jasal hemm. Kien lest li juża l-affarijiet li ħa miegħu għax kellu bżonnhom – iż-żejt u l-inbid – biex jieqaf jgħin lil dak li kien fil-bżonn, ikun proxxmu għalih, anke jekk ma kienx parti mill-istess poplu Lhudi.
L-ewwel Samaritan
Din il-parabbola, qabel xejn, turina x’għamel Ġesù għalina. L-isbaħ eżempju ta’ Samaritan it-Tajjeb hu Ġesù nnifsu. Hemm għamel. Niżel biex ikun dak li jfejjaqna, dak li jifdina, li jsalvana. Minn Ġerusalemm għal Ġeriko hemm triq għan-niżla, għax Ġeriko hi taħt il-livell tal-baħar – biex turi li Ġesù ġie fostna, niżel, biex jieqaf magħna u jsalvana.
Imma Ġesù ried li hekk nagħmlu aħna wkoll bħala dixxipli tiegħu: li nieqfu ngħinu lil dawk kollha li huma fil-bżonn, li jkollna dil-qalb kbira li lesti li ngħinu lil min hu fit-tbatija.
Bħas-Samaritan it-Tajjeb fl-iskola
Dan l-Evanġelju jagħti dawl sabiħ lilkom ilkoll – studenti, edukaturi, ġenituri – fis-sena skolastika li qed tibdew. Hawn Ġesù jgħid xi ħaġa li aħna nistgħu u għandna lkoll ngħixuha. Mhijiex xi ħaġa li ssibha darba kultant, imma li nkunu proxxmu għall-oħrajn fejn inkunu. Per eżempju, bejn l-istudenti u l-għalliema, l-istudenti bejniethom stess, l-għalliema bejniethom, il-familja. Nistgħu u għandna ngħixu tassew dan l-ispirtu. Ġesù jurina kif inkunu lesti b’qalbna miftuħa għal dawk li huma barra ċ-ċirku tagħna, li ma ningħalqux fil-grupp ristrett tagħna. Dan hu messaġġ qawwi tal-parabbola.
Hu wkoll messaġġ importanti għalina biex fl-iskola ma ningħalqux fiċ-ċirku tagħna, imma nkunu miftuħa għall-oħrajn, qalbna miftuħa għall-oħrajn. Kull persuna hi għażiża, kull persuna għandha d-dinjità. Speċjalment inkunu miftuħa għal min għaddej minn tbatija, għal min b’xi mod jew ieħor għaddej minn żmien diffiċli. Li aħna jkollna qalbna miftuħa għalih jew għaliha, u li nkunu lesti li ngħinu b’dan l-istess spirtu tas-Samaritan it-Tajjeb.
Il-motto tal-iskola
Il-motto tal-iskola “Guided by Wisdom, United by faith” jorbot ħafna ma’ din il-parabbola. Il-mistoqsija lil Ġesù staqsieha bniedem għaref tal-liġi, li kien jemmen li mmexxi mill-għerf, imma r-risposta li tah Ġesù kienet tassew risposta ta’ għerf, u ta’ kif il-fidi tgħixha fil-ħajja ta’ kuljum. Kif smajna fil-Kelma ta’Alla, il-fidi ma turihiex bil-kliem biss iżda bil-fatti. Dan hu li jurina s-Samaritan it-Tajjeb: kif aħna nistgħu ngħixu l-fidi tagħna bil-fatti.
Nixtieq nitlob ħafna f’din il-quddiesa għalikom ilkoll: għall-istudenti, għall-edukaturi kollha, għall-ġenituri u l-familji, u għal dawk kollha li jagħtu servizz b’xi mod jew ieħor fl-iskola St Joseph, biex f’din is-sena jkollkom dan l-ispirtu sabiħ tas-Samaritan it-Tajjeb: qalb kbira miftuħa għal kulħadd, biex tkunu proxxmu għal kulħadd u b’mod speċjali għal min ikun għaddej minn żmien diffiċli.
Jekk tridu eżempju sabiħ, ħarsu lejn il-patrun tal-iskola – San Ġużepp. Fl-Evanġelju narawh dejjem jaħseb f’ħaddieħor, u fil-ħtiġijiet ta’ ħaddieħor. Qatt ma kien idur miegħu nnifsu, u jagħmel lilu nnifsu fiċ-ċentru. Hu kien lest li jibdel il-pjanijiet tiegħu, biex jieqaf ma’ Marija u ma’ Ġesù, mal-familja tiegħu. Kien jgħix tassew dan l-ispirtu.
Nixtieq nagħmel dit-talba għalina lkoll: Mulej, tħallix li aħna ngħaddu minn fejn xi ħadd b’qalb indifferenti, b’qalb magħluqa, jew bil-pass imgħaġġel, imma għinna biex aħna nieqfu ma’ kulħadd, kif għallimtna u wrejtna inti, b’imħabba kbira li tkun espressjoni tal-fidi tagħna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta