L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Mnejn nixtru l-ħobż biex dawn ikollhom x’jieklu?” (Ġw 6:5) Din kienet id-domanda li għamel Ġesù lil wieħed mid-dixxipli, Filippu, kif naqraw fl-Evanġelju skont San Ġwann illum, u għamilha meta hu kien mar lejn l-għoljiet mad-dixxipli, u ra kotra kbira ta’ nies ġejja lejh. Kif jgħidilna l-Evanġelju, għamel din id-domanda mhux għax fil-fatt ried ikun jaf minn fejn se jixtri, imma għax “kien jaf x’sejjer jagħmel” (Ġw 6:6).
Nixtieq li l-ewwel nieqfu fuq din id-domanda – “Mnejn nixtru l-ħobż biex dawn ikollhom x’jieklu?” – li turina li Ġesù jimpurtah mill-bniedem sħiħ, mill-ħtiġijjiet kollha tiegħu. F’postijiet oħra, l-Evanġelju jurina lil Ġesù li jara n-nies, jitħassarhom u jibda jgħallimhom. Hawnhekk, Ġesù ra li l-ewwel bżonn kien li jkollhom x’jieklu – anke jekk ħafna minn dawk in-nies marru warajh għax raw il-mirakli tiegħu, aktar milli biex jisimgħuh. Imma Ġesù ried li dawn ikollhom x’jieklu. Dan ifakkarna f’xi ħaġa importanti għall-ħajja tagħna: li Alla jimpurtah mill-bniedem sħiħ, mill-ħtiġijiet kollha tagħna. U jagħtina tassew dak li hu ta’ ġid għalina.
Ħa nħarsu ftit lejn x’jagħmel Ġesù, għax kif jagħmel dan il-miraklu hu ta’ tagħlima kbira għalina. Ġesù seta’, kieku ried, jagħmel l-ikel u jqassam lil kulħadd? Seta’, kellu l-qawwa fih. Imma x’għamel? Ħa l-ftit ta’ wieħed żgħir. Indri jgħidlu: “Hawn tfajjel għandu ħames ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet żgħar” (Ġw 6:9). Kważi kważi, anke li qalhielu, min jaf kif qalhielu – hawn dawn l-eluf ta’ nies, x’se tagħmel b’dawn? U Ġesù, flok qallu “ħalllihomlu dawn lit-tfajjel, issa nieħu ħsieb jien”, ħa l-ftit ta’ dan iż-żgħir u bidilhom f’ikel biżżejjed għal ħafna, anzi kien hemm iżżejjed ukoll.
Din turina kemm hu importanti fil-ħajja tagħna li aħna, li nafu li Alla jipprovdilna u jrid il-ġid għalina, naghrfu li hu jistenna wkoll l-isforz tagħna, anke jekk hu żgħir. U li noffruhulu. Minnu jagħmel xi ħaġa ta’ ġid għal ħafna. Kultant jiġrilna li aħna narmu lilna nfusna u ngħidu: x’nista’ nagħmel qalb ħafna problemi u diffikultajiet? Li nista’ nagħmel hu qatra f’oċean! Alla jrid dik il-qatra. Kultant tismagħha din mill-ġenituri fit-trobbija ta’ wliedhom, minn għalliema, minn nies li jaħdmu fil-qasam soċjali, u minn ħafna oħrajn. X’nista’ nagħmel jien? Li nista’ nagħmel qisu insinifikanti. Imma Alla jrid l-isforz anke żgħir, u meta noffruhulu, minnu jagħmel xi ħaġa ta’ ġid għal ħafna.
Nixtieq li ninnutaw ukoll dettall importanti f’dan l-Evanġelju. Meta kulħadd kiel u xeba’, kien baqa’ żżejjed. U Ġesù jgħid lid-dixxipli: “iġbru l-loqom li baqa’ biex xejn ma jinħela” (Ġw 6:12). Din turina s-sensitività ta’ Ġesù biex ma naħlux. Il-ħela hija dejjem ħażina, imma ħa nsemmi l-ħela fl-ikel – kemm hu importanti li aħna ma naħlux l-ikel! Kultant issib min jimla l-platt, imbagħad jieħu ftit, u jħalli l-bqija biex jintrema. Dik ħela. Ma għandna qatt naħlu. Inżommu dan il-prinċipju ta’ Ġesu: “biex xejn ma jinħela”.
Naħseb indunajtu li f’dan l-Evanġelju, il-mod kif hu rrakkuntat, hemm xebh kbir mat-twaqqif tal-Ewkaristija. Innutaw il-kliem: “ħa l-ħobż, radd il-ħajr, qassam…” (Ġw 6:11) Hekk ngħidu fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija. Għax l-Ewkaristija, fil-fatt, hu dan il-miraklu kontinwu li jagħmel il-Mulej: meta aħna noffrulu ftit ħobż u ftit inbid, hu jibdilhom fl-aqwa u l-isbaħ – fil-ġisem u d-demm tiegħu, biex ikunu ta’ ġid u ta’ ħajja għal ħafna. Nitolbu lill-Mulej illum bi gratitudni f’qalbna għal dak li jagħmel magħna, konvinti li hu dejjem jagħtina dak li hu ta’ ġid għalina, għaliex hu jrid il-ġid sħiħ tagħna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta