L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Qalgħu s-saqaf ta’ fuqu, fetħu toqba, u niżżlu minnha l-friex li fuqu kien mimdud il-mifluġ” (Mk 2:4). Din hija d-deskrizzjoni li nsibu fl-Evanġelju skont San Mark ta’ dak li għamlu dawn l-erbgħa min-nies li kienu qed iġorru l-mifluġ, u ma setgħux jaslu sa ħdejn Ġesù minħabba l-folla, u għalhekk b’mod kreattiv qalu: nidħlu mhux mill-bieb, lanqas mit-tieqa, imma mis-saqaf. U rnexxielhom jaslu sa ħdejn Ġesù.
Nixtieq li nħarsu lejn dawn in-nies differenti f’din il-ġrajja, għaliex minnhom nistgħu nitgħallmu ħafna. Nibda l-ewwel minn dawn l-erbgħa min-nies li kienu qegħdin jerfgħu lill-mifluġ. Dawn kienu nies ta’ qalb tajba li riedu jgħinu lil dal-bniedem li ma setax jimxi, u riedu li jeħduh għand Ġesù biex ifejqu. Kienu nies ukoll determinati, ma jaqtgħux qalbhom. Dawn setgħu qalu, kif raw dawk in-nies: għalxejn, immorru lura, nippruvaw darboħra! Imma dawn qalu: irridu naslu sa ħdejn Ġesù. U għamlu minn kollox, telgħu fuq is-saqaf ukoll, fetħu toqba minn hemm, biex iniżzlu lil dal-bniedem quddiem Ġesù. U kienu wkoll nies ta’ fidi kbira – fil-fatt, l-Evanġelju jgħid: “meta ra l-fidi tagħhom…” (Mk 2:5), Ġesù indirizza lill-mifluġ. Jenfasizza l-fidi ta’ dawn l-erbgħa min-nies.
Ħa nħarsu lejn Ġesù. Hawnhekk kien qed jgħallem. L-Evanġelju jgħid, bħalma jagħmel ħafna drabi Ġesù, “qagħad ixandrilhom il-Kelma” (Mk 2:2). Imbagħad f’daqqa waħda, waqt li qed ixandar il-Kelma, kellu din l-interruzzjoni – mis-saqaf nieżel xi ħadd u ġie quddiemu. Ġesù jieqaf mal-ewwel, u lil dan il-mifluġ jgħidlu: “Dnubietek maħfura” (Mk 2:5). Forsi din tidher stramba, anke għal uħud min-nies li kienu hemm: wara li ġabuh quddiemu biex ifejqu, kif l-ewwel ħaġa li qallu “Dnubietek maħfura”? Għax Ġesù beda mill-iktar ħaġa importanti – il-fejqan minn ġewwa. Imbagħad, meta kellu l-oġġezzjoni ta’ wħud mill-kittieba, għax dehrilhom li ma kellux jgħid hekk, qal lill-mifluġ “Qum, aqbad friexek u imxi” (Mk 2:9). Ġesù fejqu wkoll fiżikament, b’mod li seta’ jmur lura d-dar jimxi. Lil Ġesù jinteressah il-bniedem sħiħ, il-fejqan sħiħ tagħna. Imma jibda minn dak li hu l-iktar importanti: il-fejqan minn ġewwa, il-maħfra ta’ dnubiet, il-paċi f’qalbna.
Ħa nħarsu lejn il-folla ta’ nies. Bħal f’diversi okkażjonijiet oħra fil-ħajja ta’ Ġesù, il-folla tista’ tkun ta’ tfixkil għall-bniedem biex jersaq lejn Ġesù. Narawha f’ċirkustanzi oħra, u hawnhekk il-folla kienet qed tostakola, kienet qed timblokka lil dal-bniedem biex jista’ jasal għand Ġesù. Imma wkoll, qalb il-folla, kien hemm xi kittieba li dejjem jilmentaw, dejjem jaqbdu ma’ Ġesù fuq xi ħaġa. Hanwhekk ukoll qabdu miegħu għax qal “dnubietek maħfura”. U jgħidu xi ħaġa – għalkemm l-intenzjoni tagħhom kienet differenti – xi ħaġa vera, għax jgħidu: “Min jista’ jaħfirhom id-dnubiet ħlief Alla biss?” (Mk 2:7) Eżatt! Ġesù seta’ jaħfer id-dnubiet għax kien Alla. Huma mhux b’dik l-intenzjoni qaluha, anzi biex jgħidu li għamel xi ħaġa li mhux suppost. Imma Ġesù ħafer id-dnubiet għax hu Alla. Imbagħad qalb il-folla nsibu dawk in-nies li kienu jilqgħu s-sinjali. U għalhekk meta raw dan is-sinjal kbir, stagħġbu u bdew ifaħħru lil Alla u jgħidu: “Ħwejjeġ bħal dawn qatt ma rajniehom!” (Mk 2:12)
Ara kemm nistgħu nitgħallmu minn dawk kollha preżenti għal din il-ġrajja. Minn dawk l-erbgħa min-nies, nitgħallmu d-determinazzjoni, il-qalb tajba lejn min hu fil-bżonn u l-fidi. F’Ġesù naraw l-imħabba kbira lejn il-bniedem b’mod sħiħ u l-fejqan tiegħu sħiħ, speċjalment jibda l-ewwel bil-maħfra tad-dnubiet. U minn dawn in-nies nitgħallmu nfaħħru lil Alla, anke b’kuntrast ma’ dawk li kienu kontinwament jilmentaw fuq Ġesù.
Nitolbu lil Ġesù biex lilna wkoll ifejjaqna, speċjalment jaħfrilna d-dnubiet tagħna, ifejjaqna minn ġewwa; u nitolbuh ukoll biex ikollna d-determinazzjoni u l-fidi fil-ħajja tagħna, u fuq fommna dejjem it-tifħir lil Alla għall-ħwejjeġ kbar li jagħmel magħna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta