L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ iżda lill-midinbin” (Mt 9:13). Dan huwa l-kliem li jgħid Ġesù llum, fl-Evanġelju skont San Mattew, wara l-ilment li għamlu l-Fariżej, li għamluh b’mistoqsija lid-dixxipli tiegħu. Ġesù, b’dan il-kliem, ifisser x’inhi l-missjoni tiegħu. Huwa wkoll kliem li lilna jagħmlilna ħafna kuraġġ, għax Ġesù qed jgħid li ġie għalina lkoll għax aħna lkoll midinbin.
Għaliex il-Fariżej kellhom dan l-ilment? Nafu li mhux darba, imma diversi drabi l-Fariżej kellhom battibekki ma’ Ġesù. Imma hawnhekk kien minħabba li Ġesù kien sejjaħ lil Mattew, li kien mal-mejda tat-taxxi, u dan mar warajh. U Mattew ried jagħmillu ikla, u f’din l-ikla ġew bosta pubblikani u midinbin. Din ma għoġbitx lill-Fariżej, u għalhekk qalu lid-dixxipli: “Għaliex jiekol mal-pubblikani u l-midinbin l-Imgħallem tagħkom?” (Mt 9:11) Ġesù semagħhom, u nafu li anke kieku ma semagħhomx kien jagħraf x’hemm fil-qalb tagħhom, u jgħidilhom li hu ġie biex jagħti l-fejqan, u min hu marid li għandu bżonn ifiq. Għalhekk imbagħad iżid: “Mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ iżda lill-midinbin”.
Aħna nafu li dan il-messaġġ Ġesù ma jgħidux biss hawn, imma diversi drabi iwassal dan anke bil-parabboli. Niftakru l-parabbola li Ġesù kien qal tal-Fariżew u l-pubblikan li marru fit-tempju. Il-Fariżew qagħad hemmhekk wieqaf, suppost qed jitlob imma, aktar milli jitlob, kien qed jiftaħar bih innifsu, li hu jagħmel kollox tajjeb; u, mhux hekk biss, imma li hu mhuwiex bħall-pubblikan li kien hemm fit-tempju. Mentri l-pubblikan qagħad jitlob maħfra lil Alla, iħabbat fuq sidru u jgħidlu: “O Alla, ħenn għalija, għax jiena midneb” (Lq 18:13). U Ġesù jgħid: il-pubblikan, mhux il-Fariżew, mar id-dar lura ġġustifikat.
Nafu li Ġesù ried iwassal dejjem dan il-messaġġ li Alla hu Alla li jħobb, li jaħfer, li jħenn; li jiġri wara l-midneb, li jfittex il-midneb, li jilqa’ lill-midneb, li jagħmel festa meta l-midneb jerġa’ lura, u li jittrasforma mbagħad lill-midneb. Għalhekk ġie Ġesù. L-ispjega sabiħa li Ġesù għamel lil Nikodemu turina dan b’mod ċar: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ma jintilifx iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, iżda biex id-dinja ssalva permezz tiegħu” (Ġw 3:16-17). Dan fehmuh Mattew u oħrajn, diversi midinbin li kellhom din l-esperjenza tal-ħniena ta’ Alla.
Il-kelma ta’ Alla lilna tagħmlilna kuraġġ, l-ewwel nett, għax aħna lkoll midinbin li neħtieġu l-ħniena u l-maħfra ta’ Alla. Fl-istess waqt tiftħilna għajnejna biex aħna qatt ma nqisu lilna nfusna l-ġusti u nħarsu lejn l-oħrajn bħala inqas minna. Irridu noqogħdu attenti li ma naħsbux li aħna fuq xi pedestall ta’ qdusija, għax jekk naħsbu hekk, mhux biss inkunu f’riskju li niżbaljaw imma nkunu diġà qed niżbaljaw. Aħna lkoll midinbin li neħtieġu l-ħniena u s-salvazzjoni ta’ Alla. Issa meta ngħidu li aħna midinbin, mhux biex nikkuntentaw ruħna u nibqgħu fid-dnub tagħna, imma biex nersqu lejn Alla ħalli hu jaħfrilna u jsalvana. Il-Papa Franġisku jagħmel distinzjoni importanti bejn il-midneb u l-korrott. Jgħid: il-midneb li jagħraf id-dnub tiegħu, jagħraf li jagħmel il-ħażin u jitlob maħfra lil Alla, hu differenti minn min hu korrott li l-ħażin isejjaħlu tajjeb, li jiġġustifika ruħu fil-ħażen, u li jagħmel mid-dnub stil tal-ħajja tiegħu. F’dal-każ, min ikun hekk lanqas jiġi f’moħħu li għandu bżonn il-ħniena u l-maħfra ta’ Alla.
Nitlobu lill-Mulej illum bi gratitudni lejn l-imħabba u l-ħniena tiegħu. Nitolbuh biex lilna dejjem isalvana, jeħlisna mid-dnub u jġeddidna fil-ħajja tagħna, u jgħinna biex ngħixu dejjem qalbna fil-paċi tiegħu, u mimlija bl-imħabba u l-ħniena tiegħu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta
Photo by Pixabay