L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
“Bdew jitolbuh ħafna biex jibqa’ sejjer ’il barra minn pajjiżhom.” Din kienet ir-reazzjoni tan-nies – kif rajna fl-Evanġelju, tal-“belt bi ħġarha” – għal dak li kien għamel Ġesù. Qabadhom il-biża’, u riedu li jitlaq. Flok semgħuh biex jistgħu jagħrfuh u japprezzawh, qalulu jitlaq ’il barra minn pajjiżhom.
Nazju Falzon, li tiegħu qegħdin nagħmlu llum it-tifkira, kien bniedem li mhux biss għaraf u apprezza lil Ġesù, imma ried li nies oħra isiru jafuh u japprezzawh. Ried li min jiġi minn barra l-pajjiż isir jafu u jħobbu. Għalhekk baqa’ magħruf proprju għall-missjoni tiegħu qalb il-barranin.
Kien bniedem li twieled f’familja reliġjuża. Kien influenzat ħafna minn ommu u missieru u trabba fl-imħabba kbira lejn Alla. Għaraf ukoll juża t-talenti tiegħu u jiżviluppahom. Fil-fatt studja l-liġi u t-teoloġija, u ggradwa fihom. Tgħallem ukoll l-Ingliż – li f’dak iż-żmien kienet ħaġa rari – imma li kellu jservih ħafna ’l quddiem fil-missjoni tiegħu.
Meta kien iħares lejn il-barrani, ma kienx iħares b’ħarsa li teskludi, imma li tinkludi, anzi li tressaqhom lejn Ġesù.
Hu għaraf li l-missjoni tiegħu kienet li jibqa’ kjeriku, li ma jsirx saċerdot, imma li bħala kjeriku jiddedika ruħu kompletament għat-tagħlim. Kien jgħallem liż-żgħar, imbagħad anke lill-kbar. L-iktar li baqa’ magħruf hu għall-ħidma tiegħu fost is-suldati u baħrin li kienu hawn, ħafna minnhom Ingliżi. Beda ma’ dawk li kienu Kattoliċi, u kien ilaqqagħhom l-ewwel fid-dar tiegħu u mbagħad fil-knisja tal-Ġiżwiti, biex jgħinhom jikbru fil-fidi. Imbagħad, bis-saħħa ta’ dan, lil oħrajn li ma kinux Kattoliċi imma li tħajru, li ġew u li tgħammdu. Kellu din il-missjoni speċjali, li għarafha, li jwassal lil dawn il-barranin għand Ġesù. Meta kien iħares lejn il-barrani, ma kienx iħares b’ħarsa li teskludi, imma li tinkludi, anzi li tressaqhom lejn Ġesù.
Tolqotni ħafna kif fil-ħajja tiegħu għaqqad flimkien tliet affarijiet importanti: l-imħabba lejn il-Kelma ta’ Alla, u għalhekk li jwassalha wkoll lill-oħrajn bit-tagħlim; il-karità kbira li kien jagħmel, u kien jagħmilha fil-kwiet, fil-moħbi, mingħajr daqq ta’ trombi, u fil-fatt, ħafna mill-ġenerożità tiegħu saret magħrufa wara mewtu; u l-imħabba kbira lejn it-talb speċjalment l-Ewkaristija. Kellu ħeġġa kbira biex jieħu sehem fil-quddiesa u t-tqarbin, ukoll li joqgħod bil-kwiet quddiem Ġesù Sagramentat jitlob, kif ukoll l-imħabba lejn il-Madonna permezz tat-talba tar-Rużarju li kienet talba għażiża għalih. Dawn it-tlieta kienu magħqudin fil-ħajja tiegħu, waħda twassal għall-oħra – jiġfieri, il-Kelma ta’ Alla, il-karità u t-talb speċjalment l-Ewkaristija u l-imħabba lejn Marija. Għalhekk hu eżempju sabiħ għalina u jurina l-importanza ta’ dawn fil-ħajja tagħna Nisranija.
Papa San Ġwanni Pawlu II, meta kien ġie Malta u għamel il-beatifikazzjoni tiegħu, kif ukoll ta’ Dun Ġorġ Preca u Suor Maria Adeodata Pisani, kien qal hekk fuq Nazju Falzon: “in-nies kienu jaraw fih mhux biss bniedem ta’ enerġija bla tarf imma wkoll ta’ paċi profonda’. Nitolbu lil Alla llum, bl-interċessjoni tal-Beatu Nazju Falzon, biex lilna wkoll jagħtina dan l-ispirtu, u jgħinna biex bħalu, bix-xhieda tal-ħajja tagħna u bil-kelma, inressqu lill-oħrajn lejn Ġesù.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju